QUDDIESA, TBERIK U TQEGĦID TAR-RMIED

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ Santa Sabina

L-Erbgħa 26 ta’ Frar 2020

 

Nibdew ir-Randan billi nirċievu l-irmied: “Ftakar li trab kont, u trab terġa’ ssir” (ara Ġen 3:19). It-trab fuq ir-ras jerġa’ jeħodna lejn l-art, ifakkarna li ġejjin mill-art u fl-art għad nerġgħu mmorru. Jiġifieri aħna dgħajfa, fraġli, għad immutu. Waqt li s-sekli u l-millennji jagħmlu l-mixja tagħhom, aħna għandna jiemna magħduda, quddiem l-immensità tal-galassiji u tal-ispazju aħna tikka ċkejkna. Aħna trab fl-univers. Imma aħna t-trab maħbub minn Alla. Il-Mulej ħa pjaċir jiġbor it-trab tagħna bejn idejh u jonfoħ fih in-nifs tal-ħajja tiegħu (ara Ġen 2:7). U hekk aħna trab prezzjuż, iddestinat li jgħix għal dejjem. Aħna l-art li fuqha Alla sawwab is-sema tiegħu, it-trab li fih hemm il-ħolm tiegħu. Aħna t-tama ta’ Alla, it-teżor tiegħu, il-glorja tiegħu.

 

Għalhekk l-irmied ifakkarna fil-mixja tal-ħajja tagħna: mit-trab għall-ħajja. Aħna trab, art, tafal, imma jekk inħallu l-idejn ta’ Alla jagħġnuna, aħna nsiru ħaġa tal-għaġeb. Imma spiss, fuq kollox qalb id-diffikultajiet u fis-solitudni, naraw biss it-trab tagħna! Imma l-Mulej jagħmlilna l-qalb: il-ftit li aħna aħna f’għajnejh għandu valur bla tarf. Kuraġġ, aħna twelidna biex niġu maħbuba, aħna twelidna biex inkunu wlied Alla.

 

Għeżież ħuti, fil-bidu tar-Randan nintebħu b’dan. Għax ir-Randan mhuwiex iż-żmien biex ngħabbu lin-nies b’moraliżmi bla siwi, imma biex nagħrfu li l-irmied imsejken tagħna hu maħbub minn Alla. Huwa ż-żmien tal-grazzja, biex nilqgħu l-ħarsa mimlija mħabba ta’ Alla fuqna u, b’din il-ħarsa fuqna, nibdlu ħajjitna. Ninsabu fid-dinja biex nimxu mill-irmied għall-ħajja. Allura, ejjew ma nagħmlux trab minn din it-tama, ma naħarqux il-ħolma li Alla għandu għalina. Ma nċedux għar-rassenjazzjoni. U int tgħid: “Kif jista’ jkolli fiduċja? Id-dinja sejra għall-agħar, il-biża’ dejjem jixtered aktar, hawn tant ħażen u s-soċjetà qed titlef il-libsa Nisranija tagħna…”. Imma int ma temminx li Alla jista’ jibdel it-trab tagħna fi glorja?

 

L-irmied li nirċievu fuq rasna jheżżeż il-ħsibijiet li għandna f’moħħna. Ifakkarna li aħna, ulied Alla, ma nistgħux ngħaddu ħajjitna niġru wara l-għabra li tgħib fix-xejn. Hemm mistoqsija li tista’ tinżel mir-ras għall-qalb: “Jien, għal xiex qed ngħix?”. Jekk qed ngħix għall-ħwejjeġ tad-dinja li jgħaddu, qed nerġa’ lura għat-trab, niċħad dak li Alla għamel fija. Jekk qed ngħix biss biex nieħu d-dar xi ftit tal-flus u niddeverti, biex infittex xi ftit tal-prestiġju, nagħmel ftit tal-karriera, qed ngħix bit-trab. Jekk niġġudika ħażin il-ħajja sempliċiment għax l-oħrajn ma jikkunsidrawnix biżżejjed jew ma nirċevix mingħandhom dak li nemmen li jistħoqqli, għadni qed inħares biss lejn it-trab.

 

Aħna ma ġejniex fid-dinja għal dan. Niswew ħafna iżjed, ngħixu għal ħafna iżjed: biex inwettqu l-ħolma ta’ Alla, biex inħobbu. L-irmied jistrieħ fuq rasna biex fi qlubna jitkebbes in-nar tal-imħabba. Għax aħna ċittadini tas-Sema u l-imħabba ta’ Alla u tal-proxxmu hija l-passaport għas-Sema, hija l-passaport tagħna. Il-ġid li nippossedu fuq din l-art mhu sa jiswielna għal xejn, huwa trab li jgħib, imma l-imħabba li nagħtu – fil-familja, fuq ix-xogħol, fil-Knisja, fid-dinja – issalvana, tibqa’ għal dejjem.

 

L-irmied li nirċievu jfakkarna f’mixja oħra, dik bil-maqlub, dik li mill-ħajja tieħu għat-trab. Nixħtu ħarsa madwarna u nilmħu t-trabijiet tal-mewt. Ħajjiet li jsiru rmied. Tifrik, qerda, gwerra. Ħajjiet ta’ innoċenti ċkejkna mhux milqugħa, ħajjiet ta’ foqra rrifjutati, ħajjiet ta’ anzjani mormija. U nibqgħu neqirdu lil xulxin, inreġġgħu lil xulxin għat-trab. U kemm trab hemm fir-relazzjonijiet tagħna! Inħarsu lejn darna, fil-familji: kemm nillatikaw bejnietna, kemm m’għandniex ħila nxejnu l-kunflitti, kemm insibuha bi tqila biex nitolbu skuża, biex naħfru, biex nerġgħu nibdew mill-ġdid, waqt li b’tant ħeffa nirsistu għall-ispazji tagħna u d-drittijiet tagħna! Hemm tant trab li qed iħammeġ l-imħabba u jkerrah il-ħajja. Anki fil-Knisja, id-dar ta’ Alla, ħallejna joqgħod wisq trab, it-trab tal-mondanità.

 

U nħarsu wkoll ġewwa fina, fil-qalb tagħna: kemm drabi nifgaw in-nar ta’ Alla bl-irmied tal-ipokrezija! L-ipokrezija: huwa l-ħmieġ li Ġesù qed jitlobna nneħħu llum fil-Vanġelu. Fil-fatt, il-Mulej ma jgħidilniex biss nagħmlu opri ta’ karità, nitolbu u nsumu, imma wkoll biex nagħmlu dan kollu mingħajr pretensjonijiet, mingħajr wiċċ b’ieħor, mingħajr ipokrezija (ara Mt 6:2,5,16). Imma kemm drabi nagħmlu xi ħaġa biss biex niġu approvati, għall-fama tagħna, għall-jien tagħna! Kemm drabi ngħidu li aħna Nsara u fil-qalb tagħna nċedu bla problemi ta’ xejn għall-passjonijiet li jagħmluna lsiera tagħhom! Kemm drabi nipprietkaw ħaġa u nagħmlu oħra! Kemm drabi nuru li aħna tajbin minn barra meta ġewwa fina nkomplu nbejtu r-rabja! Kemm ipokrezija għandna f’qalbna… Dan huwa trab li jħammeġ, irmied li jifga n-nar tal-imħabba.

 

Għandna bżonn innaddfu t-trab li jinġema’ fuq qalbna. Kif nagħmlu? Tgħinna t-twissija ta’ San Pawl fit-Tieni Qari: “Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu” (2 Kor 5:20). Aħna kieku konna ngħidu: “Tħabbu ma’ Alla”. Imma le, hu juża l-passiv: ħalluh iħabbibkom miegħu. Għax il-qdusija mhijiex ħidma tagħna, hija grazzja! Għax waħidna m’aħniex kapaċi nneħħu t-trab li qed iħammġilna lil qalbna. Għaliex hu Ġesù waħdu, li jaf u jħobb lil qalbna, li jista’ jfejjaqha. Ir-Randan hu żmien il-fejqan.

 

Mela xi rridu nagħmlu? Fil-mixja tagħna lejn l-Għid nistgħu nagħmlu żewġ passaġġi: l-ewwel, mit-trab għall-ħajja, mill-umanità dgħajfa tagħna għall-umanità ta’ Ġesù, li jfejjaqna. Nistgħu noqogħdu quddiem il-Kurċifiss, ninxteħtu hemm, inħarsu lejh u ntennulu: “Ġesù, inti tħobbni, ibdilni… Ġesù, inti tħobbni, ibdilni…”. U wara li nkunu lqajna mħabbtu, wara li nkunu bkejna quddiem din l-imħabba, it-tieni passaġġ, biex ma nerġgħux naqgħu mill-ħajja għat-trab. Immorru nilqgħu l-maħfra ta’ Alla, fil-Qrar, għax hemm in-nar tal-imħabba ta’ Alla jaħraq it-trab tad-dnub tagħna. It-tgħanniqa tal-Missier fil-Qrar iġġeddidna minn ġewwa, tnaddfilna qalbna. Inħallu li Alla jħabbibna mill-ġdid miegħu biex ngħixu ta’ wlied maħbuba, ta’ midinba maħfura, ta’ morda mfejqa, ta’ vjaġġaturi msieħba. Inħalluh iħobbna biex inħobbu. Inħalluh jerfagħna, biex nimxu flimkien lejn id-destinazzjoni, l-Għid. U hekk ikollna l-ferħ li niskopru li Alla jqajjimna mill-irmied tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard