ĦADD IL-KELMA TA’ ALLA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Pietru

It-III Ħadd ta’ Matul is-Sena, 26 ta’ Jannar 2020

 

“Ġesù beda jxandar” (Mt 4:17). Hekk introduċa l-evanġelista Mattew il-ministeru ta’ Ġesù. Hu, li huwa l-Kelma ta’ Alla, ġie biex jitkellem magħna, bil-kliem tiegħu u bil-ħajja tiegħu. F’dan l-ewwel Ħadd tal-Kelma ta’ Alla ejjew nerġgħu lura għall-għeruq tal-predikazzjoni tiegħu, għall-għejun tal-Kelma tal-ħajja. Jgħinna l-Vanġelu tal-lum (Mt 4:12-23), li jgħidilna kif, fejn u lil min beda jipprietka Ġesù.

 

1. Kif beda? Bi frażi sempliċi ħafna: “Indmu għax is-Saltna tas-Smewwiet waslet” (v. 17). Din hija l-bażi tad-diskorsi kollha tiegħu: irid jgħidilna li s-Saltna tas-smewwiet hi fil-qrib. Xi jfisser dan? B’saltna tas-smewwiet qed jifhem is-saltna ta’ Alla, jew aħjar, il-mod tiegħu kif isaltan, kif jidħol f’kuntatt magħna. Issa, Ġesù qed jgħidilna li s-saltna tas-smewwiet waslet, li Alla hu fil-qrib. Din hija l-ħaġa l-ġdida, l-ewwel messaġġ: Alla mhuwiex imbiegħed, Dak li jgħammar fis-smewwiet niżel fuq l-art, sar bniedem. Ġarraf il-ħitan, ġab fix-xejn id-distanzi. Dan ma mmeritajniehx aħna: huwa niżel, ġie jiltaqa’ magħna. U din il-qrubija ta’ Alla lejn il-poplu tiegħu hija drawwa tiegħu, sa mill-bidu, anki sa mit-Testment il-Qadim. Huwa kien jgħid lill-poplu tiegħu: “Aħseb naqra: liema ġens għandu l-allat tiegħu hekk qribu daqskemm jiena qrib tiegħek jien?” (ara Dewt 4:7). U din il-qrubija f’Ġesù saret laħam.

 

Huwa messaġġ ta’ ferħ dan: Alla ġie jżurna hu stess, meta sar bniedem. Ma ħax il-qagħda tagħna l-bnedmin b’sens ta’ responsabbiltà, le, imma għax iħobbna. Bl-imħabba hu xedd fuqu l-umanità tagħna, għax inti tagħmel tiegħek dak li tħobb. U Alla għamel tiegħu l-umanità tagħna għax iħobbna, u bla ma jitlobna xejn lura hu jrid jagħtina dik is-salvazzjoni li waħidna ma nistgħux niksbu għalina nfusna. Huwa jixtieq joqgħod magħna, jagħtina l-ġmiel tal-ħajja, il-paċi tal-qalb, il-ferħ li niġu maħfura u nħossuna maħbuba.

 

U hekk nifhmu l-istedina diretta ta’ Ġesù: “Indmu”, jew aħjar, “ibdlu ħajjitkom”. Ibdlu ħajjitkom għax beda mod ġdid ta’ kif tgħixu: intemm iż-żmien li tgħixu għalikom infuskom, u beda ż-żmien li tgħixu ma’ Alla u għal Alla, mal-oħrajn u għall-oħrajn, bl-imħabba u għall-imħabba. Ġesù jtenni llum lilek ukoll: “Kuraġġ, jiena qrib tiegħek, agħmilli l-wisa’ u ħajtek tinbidel!”. Ġesù qed iħabbat fuq il-bieb. Għalhekk li l-Mulej qed jagħtik il-Kelma tiegħu, biex int tilqagħha bħala l-ittra ta’ mħabba li hu kiteb lilek, biex jurik li hu jinsab qrib tiegħek. Il-Kelma tiegħu tfarraġna u tagħmlilna l-qalb. Fl-istess ħin il-Kelma tiegħu għandha din il-qawwa: li tibdel il-ħajja, li tgħaddina mid-dlam għad-dawl. Din hija l-qawwa tal-Kelma tiegħu.

 

2. Jekk naraw fejn Ġesù beda jipprietka, niskopru li huwa beda sewwasew mir-reġjuni li dak iż-żmien kienu jżommuhom bħala “mudlama”. L-Ewwel Qari u l-Vanġelu fil-fatt it-tnejn ikellmuna fuq dawk li kienu “f’art u dell il-mewt”: huma n-nies tal-“art ta’ Żebulun, u art ta’ Naftali, it-triq tal-baħar, art ’il hemm mill-Ġordan, Galilija tal-ġnus” (Mt 4:15-16; ara Iż 8:23-9:1). Galilija tal-ġnus: il-post fejn Ġesù beda jipprietka hekk kien jissejjaħ għax fih kienu jgħixu ġnus differenti u kien hemm taħlita vera ta’ ġnus, ilsna u kulturi. Fil-fatt hemm kien hemm it-Triq tal-baħar, li kienet bħal salib it-toroq. Kienu jgħixu hemm sajjieda, nies tal-kummerċ u barranin: żgur li ma kienx il-post fejn kont sa ssib il-purezza reliġjuża tal-poplu l-magħżul. Imma Ġesù minn hemm beda: mhux mill-bitħa tat-Tempju ta’ Ġerusalemm, imma mill-parti opposta tal-pajjiż, mill-Galilija tal-ġnus, minn post ta’ konfini. Beda minn periferija.

 

U minn hawn nistgħu nisiltu messaġġ: il-Kelma li ssalva ma tmurx tfittex postijiet imkenna, nodfa, fiż-żgur. Hija tidħol fil-kumplessitajiet tagħna, fid-dlamijiet tagħna. Illum bħal dakinhar Alla jixtieq iżur dawk l-imkejjen fejn aħna naħsbu li mhux sa jasal. Imma kemm drabi huwa aħna li nagħlqu l-bieb, u nippreferu nżommu moħbija l-konfużjonijiet tagħna, in-nuqqas ta’ viżjoni tagħna u l-wiċċ b’ieħor tagħna! Nissiġillawhom ġewwa fina, waqt li nersqu quddiem il-Mulej b’xi talba formali, attenti li l-verità tagħna ma ċċaqlaqniex minn ġewwa. U din hi ipokrezija moħbija. Imma Ġesù, jgħidilna llum il-Vanġelu, “dar il-Galilija kollha […] ixandar l-Evanġelju tas-Saltna u jfejjaq kull xorta ta’ mard u dgħufija” (v. 23): jaqsam dak ir-reġjun kollu bil-ħafna bixriet u kumplessitajiet tiegħu. Bl-istess mod xejn ma jibża’ jgħarrex fil-qlub tagħna, fl-imkejjen tagħna l-iżjed qarsa u ibsin. Huwa jaf li l-maħfra tiegħu biss tista’ tfejjaqna, il-preżenza tiegħu biss tista’ tibdilna, il-Kelma tiegħu biss tista’ ġġeddidna. Lilu li mexa t-Triq tal-baħar, ejjew niftħulu t-toroq l-iżjed imserrpa ta’ ħajjitna – dawk li aħna għandna ġo fina u li ma rridux narawhom jew qed naħbuhom –, inħallu tidħol fina l-Kelma tiegħu, li hi “ħajja u qawwija, […] tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12).

 

3. Fl-aħħar nett, lil min beda jkellem Ġesù? Il-Vanġelu jgħid li “huwa u jdur ma’ xatt il-baħar tal-Galilija lemaħ żewġt aħwa […] qegħdin jixħtu x-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U qalilhom: ‘Ejjew warajja, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin’” (Mt 4:18-19). L-ewwel destinatarji tas-sejħa kienu sajjieda: mhux persuni magħżula bir-reqqa skont il-ħiliet tagħhom jew irġiel qaddisa li kienu jgħaddu l-ħin fit-Tempju jitolbu, imma nies komuni li kienu jaħdmu.

 

Ninnutaw dak li qalilhom Ġesù: nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin. Qed ikellem lis-sajjieda u juża lingwaġġ li huma jistgħu jifhmu. Jiġbidhom lejh billi jitlaq minn ħajjithom stess: isejħilhom hemm fejn qegħdin u kif qegħdin, biex idaħħalhom fl-istess missjoni tiegħu. “U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh” (v. 20). Għaliex minnufih? Sempliċiment għax ħassewhom miġbudin. Ma ħaffewx u kienu pronti għax kienu rċivew xi ordni, imma għax kienu ġew miġbuda mill-imħabba. Biex timxi wara Ġesù mhumiex biżżejjed l-impenji tajbin, imma hemm bżonn tisma’ kuljum is-sejħa tiegħu. Huwa biss, li jafna u jħobbna għall-aħħar, jista’ joħroġna naqdfu fil-fond tal-baħar tal-ħajja. Kif għamel ma’ dawk id-dixxipli li semgħuh u semgħu minnu.

 

Għalhekk għandna bżonn tal-Kelma tiegħu: li nagħtu widen, qalb l-eluf ta’ kelmiet ta’ kuljum, dik il-Kelma waħdanija li ma tkellimniex fuq oġġetti, imma tkellimna fuq il-ħajja.

 

Għeżież ħuti, ejjew nagħmlu wisa’ ġewwa fina għall-Kelma ta’ Alla! Naqraw ta’ kuljum xi vers mill-Bibbja. Nibdew mill-Vanġelu: inżommuh miftuħ fuq il-komodina tad-dar, inġorruh fil-but magħna jew fil-basket, inniżżluh fuq il-mowbajl, inħalluh inebbaħna ta’ kuljum. Hekk niskopru li Alla hu qrib tagħna, li huwa jdawwal id-dlamijiet tagħna u li bi mħabba joħroġ fil-wisa’ u l-fond il-ħajja tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard