ĊELEBRAZZJONI TA’ ĦADD IL-PALM

U L-PASSJONI TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

It-XXXIII Jum Dinji taż-Żgħażagħ

Il-Ħadd 25 ta’ Marzu 2018

 

Ġesù jidħol Ġerusalemm. Il-liturġija stednitna nidħlu u nieħdu sehem fil-ferħ u l-festa tal-poplu li kapaċi jgħajjat u jagħti ġieħ lill-Mulej tiegħu; ferħ li jissaħħab u jħalli togħma qarsa u ta’ wġigħ il-qalb wara li nkunu temmejna nisimgħu r-rakkont tal-Passjoni. F’din iċ-ċelebrazzjoni donnhom jiltaqgħu ma’ xulxin stejjer ta’ ferħ u ta’ tbatija, ta’ żbalji u ta’ suċċessi li jagħmlu parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum bħala dixxipli, għax jirnexxielha tikxef sentimenti u kontradizzjonijiet li llum spiss huma tagħna wkoll, irġiel u nisa ta’ dan iż-żmien: kapaċi nħobbu ħafna… u anki nobogħodu – u ħafna –; kapaċi nagħmlu sagrifiċċji kbar ħafna u anki “naħslu jdejna” xħin jaqblilna; kapaċi nkunu fidili imma anki nabbandunaw u nittradixxu bil-kbir.

 

U jidher ċar tul ir-rakkont kollu tal-Vanġelu li l-ferħ li jqanqal Ġesù għal xi wħud huwa raġuni ta’ fastidju u jdejjaqhom.

 

Ġesù jidħol fil-belt imdawwar minn niesu, imdawwar minn għana u għajat li joħolqu kjass sħiħ. Nistgħu nistħajluhom l-ilħna tal-iben maħfur, tal-imġiddem imfejjaq, jew il-karba tan-nagħġa l-mitlufa li qed jidwu qawwija f’din id-daħla, kollha flimkien. Hu l-għana tal-pubblikan u tal-impur; hi l-għajta ta’ dak li kien jgħix fit-truf tal-belt. Hi l-għajta ta’ rġiel u nisa li mxew warajh għax daqu mill-kompassjoni tiegħu quddiem it-tbatija u l-miżerja tagħhom… Hu l-għana u l-ferħ spontanju ta’ tant imwarrbin li, mimsusa minn Ġesù, jistgħu jgħajtu: “Imbierek min ġej f’isem il-Mulej!”. Kif jistgħu ma jilqgħux bil-ġieħ lil Dak li kien raddilhom id-dinjità u t-tama? Hu l-ferħ ta’ tant midinba maħfura li reġgħu sabu l-fiduċja u t-tama. U dawn jgħajtu. Jifirħu. Dan hu l-ferħ.

 

Dan il-ferħ tal-Osanna jirriżulta skomdu u jsir assurd u skandaluż għal dawk li jqisu ruħhom b’ġusti u “fidili” għal-liġi u għall-preċetti ritwali.[i] Ferħ insopporotabbli għal dawk li għalqu l-bieb għas-sensibbiltà tagħhom quddiem l-uġigħ, it-tbatija u l-miżerja. Ħafna minn dawn jgħidu bejnhom u bejn ruħhom: “Ara x’poplu maledukat!”. Ferħ intollerabbli għal dawk li tilfu l-memorja u nsew kemm irċivew opportunitajiet. Għal min ifittex li jiġġustifika ruħu u joqgħod komdu, kemm hu diffiċli li jifhem il-ferħ u l-festa tal-ħniena ta’ Alla! Kemm hu diffiċli jaqsam dan il-ferħ min jafda biss fil-qawwa tiegħu nnifsu u jħossu superjuri għall-oħrajn![ii]

 

U hekk tinbet l-għajta ta’ dak li leħnu ma jibżax iħanxar: “Sallbu!”. Mhix għajta spontanja, imma għajta ppjanata, moħmija, li tissawwar bl-istmerrija, bil-kalunnja, bil-provokazzjoni ta’ xhieda foloz. Hi l-għajta li tiġi mill-passaġġ mill-fatti għar-rakkont tal-fatti, tiġi mir-rakkont tal-fatti. Hu l-leħen ta’ min jgħawweġ il-fatti u joħloq verżjoni kif jaqbel lilu, u ma jsibhiex bi tqila “jrekken” oħrajn biex jgħaddiha tajjeb. Dan hu rakkont [falz]. L-għajta ta’ min bla skruplu jfittex il-mezzi biex hu joħroġ iżjed b’saħħtu u jsikket l-ilħna li ma jaqblux miegħu. Hi l-għajta ta’ min “jirtokkja” r-realtà u jpinġiha b’mod li jispiċċa jbiċċer il-wiċċ ta’ Ġesù u jpinġih bħala bniedem “ħażin”. Hu l-leħen ta’ min irid jiddefendi l-pożizzjoni tiegħu u jġib fix-xejn speċjalment lil min ma jistax jiddefendi ruħu. Hi l-għajta fabbrikata mill-“qerq” tal-awtosuffiċjenza, tal-kburija u tas-suppervja li bla nkwiet ta’ xejn jgħidu b’leħen għoli: “Sallbu, sallbu!”.

 

U hekk fl-aħħar tiġi msikkta l-festa tal-poplu, tiżżarma t-tama, jinqatlu l-ħolmiet, jiġi fgat il-ferħ; hekk fl-aħħar tiġi msakkra l-qalb, titberred l-imħabba. Hi l-għajta ta’ “ħa jsalva lilu nnifsu” li trid traqqad is-solidarjetà, titfi l-ideali, iġġib il-ħarsa tagħna insensibbli… L-għajta li trid tħassar il-ħniena, dik it-“tħoss ma’”, il-kompassjoni, li hi d-dgħufija ta’ Alla.

 

Quddiem dawn l-ilħna kollha għoljin, l-aħjar antidotu hu li nħarsu lejn is-salib ta’ Kristu u nħallu tisfidana l-aħħar għajta tiegħu. Kristu miet jgħajjat imħabbtu għal kull wieħed u waħda minna: għal żgħażagħ u anzjani, qaddisin u midinba, imħabba għal dawk ta’ żmienu u għal dawk ta’ żmienna. Fuq is-salib aħna ġejna mifdija biex ħadd ma jitfi l-ferħ tal-Vanġelu; biex ħadd, fis-sitwazzjoni li fiha jinsab, ma jibqa’ mbiegħed mill-ħarsa ħanina tal-Missier. Li nħarsu lejn is-salib ifisser inħalluna niġu sfidati fil-prijoritajiet, l-għażliet u l-azzjonijiet tagħna. Ifisser inpoġġu f’diskussjoni s-sensibbiltà tagħna lejn min għaddej jew qed jgħix mument ta’ diffikultà. Ħuti, x’qed tara l-qalb tagħna? Ġesù għadu r-raġuni tal-ferħ u t-tifħir tal-qalb tagħna, jew nistħu mill-prijoritajiet tiegħu lejn il-midinbin, dawk tal-aħħar, il-minsijin?

 

U intom, għeżież żgħażagħ, il-ferħ li Ġesù jqanqal fikom hu għal xi wħud raġuni ta’ fastidju u anki li jdejjaqkom, għax żagħżugħ ferħan diffiċli tikkontrollah? Żagħżugħ ferħan diffiċli żżommu!

 

Imma llum hemm il-possibbiltà tat-tielet għajta: “Xi wħud mill-Fariżej li kienu qalb il-folla qalulu: ‘Mgħallem, ċanfarhom lid-dixxipli tiegħek!’. Iżda hu weġibhom u qal: ‘Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel’” (Lq 19:39-40).

 

Li nsikktu liż-żgħar tagħna hi tentazzjoni li minn dejjem kienet. L-istess Fariżej jeħduha ma’ Ġesù u jriduh jikkalmahom u jgħidilhom joqogħdu bi kwiethom.

 

Hemm ħafna modi kif liż-żgħażagħ tagħna nsikktuhom u nġibuhom inviżibbli. Ħafna modi kif nilluppjawhom u nraqqduhom biex ma jagħmlux “storbju”, biex ma joqogħdux jistaqsu ħafna u jindubjaw l-affarijiet. “Intom oqogħdu kwieti!”. Hemm ħafna modi kif nittrankwilizzawhom biex ma jindaħlux u l-ħolm tagħhom jitlef qawwietu u jsiru ħalliema boloh, imsejkna, imdejqa.

 

F’dan Ħadd il-Palm, aħna u niċċelebraw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, nagħmlu tajjeb nisimgħu t-tweġiba ta’ Ġesù lill-Fariżej tal-bieraħ u ta’ kull żmien, anki lil dawk tal-lum: “Ngħidilkom li, jekk jisktu huma, jgħajjat il-ġebel” (Lq 19:40).

 

Għeżież żgħażagħ, f’idejkom issa d-deċiżjoni li tgħajtu, f’idejkom biex tiddeċiedu favur l-Osanna tal-Ħadd u hekk ma taqgħux fis-“Sallbu!” tal-Ġimgħa… U f’idejkom biex ma tibqgħux ħalqkom magħluq. Jekk l-oħrajn jisktu, jekk aħna l-anzjani u r-responsabbli – ħafna drabi korrotti – nibqgħu siekta, jekk id-dinja tiskot u titlef il-ferħ, qed nistaqsikom: intom se tgħajtu?

 

Nitlobkom, iddeċiedu qabel ma jibda jgħajjat il-ġebel.

 

miġjub mit-minn Francesco Pio Attard

 


[i] Ara R. Guardini, Il Signore, Brescia-Milano 2005, 344-345.

[ii] Ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 94.