SOLENNITÀ TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU

ĊELEBRAZZJONI TAT-TIENI GĦASAR

IT-LIII ĠIMGĦA TA’ TALB GĦALL-GĦAQDA TAL-INSARA

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

Is-Sibt 25 ta’ Jannar 2020

 

Fuq il-ġifen li wassal lil Pawlu priġunier f’Ruma kien hemm tliet gruppi differenti. L-aktar b’saħħtu kien dak magħmul mis-suldati, taħt il-kmand taċ-ċenturjun. Imbagħad hemm il-baħrin, li minnhom naturalment kienu jiddependu f’dak il-vjaġġ twil dawk kollha li kienu fuq il-ġifen. Fl-aħħar nett, hemm dawk l-iżjed dgħajfa u vulnerabbli: il-priġunieri.

 

Meta l-ġifen jinkalja qrib il-kosta ta’ Malta, wara li għal bosta jiem kien mitluq għal riħ it-tempesta, is-suldati riedu joqtlu lill-priġunieri biex jiżguraw li ħadd ma jaħrab, imma ġew imwaqqfa miċ-ċenturjun, li ried isalva lil Pawlu. Fil-fatt, għalkemm kien qalb l-iżjed vulnerabbli, Pawlu kien offra xi ħaġa importanti lil sħabu tal-vjaġġ. Waqt li kulħadd kien qed jitlef kull tama li jgħix, l-Appostlu kien wasslilhom messaġġ ta’ tama li ma kinux qed jistennew. Anġlu kien żgurah u qallu: “Tibżax, Pawlu: Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw” (Atti 27:24).

 

Il-fiduċja ta’ Pawlu kienet fid-sod u fl-aħħar il-passiġġieri kollha salvaw u, meta rifsu Malta, daqu l-ospitalità tan-nies tal-gżira, il-ħlewwa u l-umanità tagħhom. Minn dan id-dettall importanti slitna t-tema tal-Ġimgħa ta’ Talb li qed tagħlaq illum.

 

Għeżież ħuti, dan ir-rakkont tal-Atti tal-Appostli għandu x’jgħid ukoll lill-vjaġġ ekumeniku tagħna, li miexi lejn dik l-għaqda li Alla tant jixtieq b’ħerqa. L-ewwel nett, jgħidilna li dawk li huma dgħajfa u vulnerabbli, dawk li materjalment ftit li xejn għandhom x’joffru imma l-għana tagħhom isibuh f’Alla, jistgħu jagħtu messaġġi prezzjużi għall-ġid ta’ kulħadd. Ejjew naħsbu fil-komunitajiet Insara: imqar l-iċken fosthom u dawk l-inqas rilevanti għal għajnejn id-dinja, jekk jagħmlu esperjenza tal-Ispirtu s-Santu, jekk jgħixu l-imħabba lejn Alla u lejn il-proxxmu, għandhom messaġġ x’joffru lill-familja Nisranija kollha. Naħsbu fil-komunitajiet Insara emarġinati u ppersegwitati. Bħal fir-rakkont tan-nawfraġju ta’ Pawlu, spiss huma dawk l-iżjed dgħajfa li jwasslu l-messaġġ ta’ salvazzjoni l-aktar importanti. Għax lil Alla hekk għoġbu: li jsalvana mhux bil-qawwa tad-dinja, imma bid-dgħufija tas-salib (ara 1 Kor 1:20-25). Għalhekk bħala dixxipli ta’ Ġesù għandna noqogħdu attenti biex ma nħallux tiġbidna l-loġika tad-dinja, imma pjuttost nagħtu widen għal dawk li huma l-iċken u l-ifqar fostna, għax Alla jieħu gost jibgħat il-messaġġi tiegħu permezz tagħhom, li l-aktar jixbhu lil Ibnu magħmul bniedem.

 

Ir-rakkont tal-Atti jfakkarna f’aspett ieħor: il-prijorità ta’ Alla hija s-salvazzjoni ta’ kulħadd. Kif jgħid l-anġlu lil Pawlu: “Alla tak il-grazzja li dawk kollha li qegħdin jivvjaġġjaw miegħek isalvaw”. Dan huwa l-punt li jisħaq fuqu Pawlu. Aħna wkoll għandna bżonn intennuh lilna nfusna: hu dmir tagħna nwettqu x-xewqa prijoritarja ta’ Alla, li, kif jikteb l-istess Appostlu, “irid li l-bnedmin kollha jsalvaw” (1 Tim 2:4).

 

Hija stedina biex ma niddedikawx ruħna esklussivament għall-komunitajiet tagħna, imma biex ninfetħu għall-ġid ta’ kulħadd, għall-ħarsa universali ta’ Alla, li inkarna biex iħaddan miegħu l-bnedmin kollha, u miet u rxoxta għas-salvazzjoni ta’ kulħadd. Jekk, bil-grazzja tiegħu, nagħmlu tagħna wkoll il-viżjoni tiegħu, nistgħu negħlbu l-firdiet ta’ bejnietna. Fin-nawfraġju ta’ Pawlu lkoll taw sehemhom għas-salvazzjoni ta’ kulħadd: iċ-ċenturjun ħa deċiżjonijiet importanti, il-baħrin ħaddmu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom, l-Appostlu ħeġġeġ lil min kien bla tama. Anki fost l-Insara kull komunità għandha don x’toffri lill-oħrajn. Iktar ma nħarsu lil hemm mill-interessi tagħna u nħallu warajna dak li writna fil-passat b’xewqa li nimxu ’l quddiem lejn post komuni, iktar tiġina spontanja li nagħrfu, nilqgħu u naqsmu dawn id-doni.

 

U niġu għat-tielet aspett, li kien fil-qalba ta’ din il-Ġimgħa ta’ Talb: l-ospitalità. San Luqa, fl-aħħar kapitlu tal-Atti tal-Apposstli, jgħid hekk dwar in-nies ta’ Malta: “ġiebu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha”, jew “b’umanità rari” (v. 2). In-nar imqabbad fuq ix-xatt biex isaħħan lin-nawfragi huwa simbolu sabiħ tas-sħana umana li f’kemm ilni ngħidlek isibu ruħhom imdawrin biha. Anki l-gvernatur tal-gżira jilqagħhom tajjeb u juri ospitalità ma’ Pawlu, li jpattilu billi jfejjaq lil missieru u mbagħad tant morda oħra (ara vv. 7-9). Fl-aħħar nett, meta l-Appostlu u dawk li kienu miegħu telqu lejn l-Italja, il-Maltin b’ġenerożità kbira għabbewlhom il-ġifen b’kulma kellhom bżonn (v. 10).

 

Minn din il-Ġimgħa ta’ Talb irridu nitgħallmu nkunu iżjed ospitabbli, qabelxejn bejnietna l-Insara, anki bejn l-aħwa ta’ diversi konfessjonijiet. L-ospitalità hija ħaġa tat-tradizzjoni tal-komunitajiet u tal-familji Nsara. Ix-xjuħa tagħna għallmuna bl-eżempju tagħhom kif mal-mejda ta’ dar Nisranija dejjem hemm platt ta’ minestra għall-ħabib li qed iżurna jew għall-persuna fil-bżonn li tħabbtilna fuq il-bieb. U fil-monasteri l-mistieden li jżurhom kien jiġi ttrattat b’rispett kbir, qisu kien Kristu nnifsu. Ejjew ma nitilfux, anzi, ejjew nerġgħu nagħtu l-ħajja lil dawn id-drawwiet li għandhom it-togħma tal-Vanġelu!

 

Għeżież ħuti, b’dawn is-sentimenti nixtieq insellem minn qalbi lil ħutna l-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Gennadios, rappreżentant tal-Patrijarkat Ekumeniku, lill-Eċċellenza Tiegħu Ian Ernest, rappreżentant personali f’Ruma tal-Arċisqof ta’ Canterbury, u lir-rappreżentanti kollha tad-diversi Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali hawn miġbura. Insellem ukoll lill-istudenti tal-Ecumenical Institute of Bossey, li qegħdin fi żjara Ruma biex jinżlu iktar fil-fond tal-għarfien tagħhom tal-Knisja Kattolika, u liż-żgħażagħ Ortodossi u Ortodossi Orjentali li qed jistudjaw hawn b’borża ta’ studju tal-Kumitat ta’ Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi, li jaħdem fi ħdan il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara, li nsellimhom u nirringrazzjahom. Flimkien, bla qatt negħjew, inkomplu nitolbu biex niksbu mingħand Alla d-don tal-għaqda sħiħa bejnietna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard