ĊELEBRAZZJONI TAT-TIENI GĦASAR

FIS-SOLENNITÀ TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Pawl fuori le Mura

Il-Ħamis 25 ta’ Jannar 2018

 

Il-qari meħud mill-ktieb tal-Eżodu jkellimna fuq l-aħwa Mosè u fuq Mirjam, li jgħollu innu ta’ ġieħ lil Alla fuq ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar, flimkien mal-komunità li Alla ħeles mill-Eġittu. Jgħannu l-ferħ tagħhom għax f’dawk l-ilmijiet Alla fdiehom minn għadu li ried jeqridhom. Mosè nnifsu, qabel, kien ġie salvat mill-ilmijiet u oħtu kienet rat il-ġrajja sseħħ quddiemha. Il-Fargħun fil-fatt kien ordna: “Ixħtu fix-xmara s-subien li jitwieldu ( 1:22). Imma meta sabet il-qoffa b’tarbija fiha qalb is-simar tan-Nil, bint il-Fargħun semmietu Mosè, għax qalet: “Salvajtu mill-ilma!” (Eż 2:10). L-istorja tas-salvataġġ ta’ Mosè mill-ilmijiet għalhekk tipprefigura salvataġġ ikbar, dak tal-poplu kollu, li Alla kien se jgħaddih minn qalb l-ilmijiet tal-Baħar l-Aħmar, u mbagħad reġġagħhom fuq l-għedewwa.

 

Tant Missirijiet tal-qedem fehmu din is-silta tal-ħelsien bħala xbieha tal-Magħmudija. Huma d-dnubiet tagħna li ġew mgħarrqa minn Alla fl-ilmijiet ħajjin tal-Magħmudija. Ħafna iżjed mill-Eġittu, id-dnub hedded li jagħmilna għal dejjem ilsiera, imma l-qawwa tal-imħabba divina sabitlu tarfu. Santu Wistin (Sermone 223) jinterpreta l-Baħar l-Aħmar, fejn Israel ra s-salvazzjoni ta’ Alla, bħala sinjal minn qabel tad-demm ta’ Kristu mxerred fuq is-salib, għajn ta’ salvazzjoni. Aħna l-Insara kollha għaddejna mill-ilmijiet tal-Magħmudija, u l-grazzja tas-Sagrament qerdet lill-għedewwa tagħna, id-dnub u l-mewt. Ħriġna mill-ilmijiet u sibna l-libertà ta’ wlied; ħriġna bħala poplu, bħala komunità ta’ aħwa mifdija, bħala “ċittadini flimkien mal-qaddisin u nies tad-dar ta’ Alla” (Efes 2:19). Naqsmu flimkien l-esperjenza fundamentali: il-grazzja ta’ Alla, il-ħniena qawwija tiegħu biex isalvana. U proprju għax Alla ħadem din ir-rebħa fina, flimkien nistgħu ngħannu l-ġieħ tiegħu.

 

Fil-ħajja mbagħad induqu l-ħlewwa ta’ Alla, li fil-ħajja tagħna ta’ kuljum bl-imħabba tiegħu jsalvana mid-dnub, mill-biża’ u mit-tbatija. Dawn l-esperjenzi prezzjużi għandhom jiġu mħarsa fil-qalb u fil-memorja. Imma, kif kien għal Mosè, l-esperjenzi individwali jintrabtu ma’ storja ikbar, dik tas-salvazzjoni tal-poplu ta’ Alla. Dan narawh fl-għanja intonata tal-Israeliti. Tibda b’rakkont individwali: “Qawwa tiegħi u għana tiegħi l-Mulej, għalija sar is-salvazzjoni tiegħi” (Eż 15:2). Imma mbagħad issir narrattiva ta’ salvazzjoni tal-poplu kollu: “Bi tjubitek mexxejt dan il-poplu li int fdejt” (v. 13). Min għolla din l-għanja ntebaħ li ma kienx waħdu fuq ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar, imma kien imdawwar minn aħwa li rċivew l-istess grazzja u jxandru l-istess ġieħ.

 

Anki San Pawl, li llum qed niċċelebraw il-konverżjoni tiegħu, għamel l-esperjenza qawwija tal-grazzja, li sejħitlu biex, minn persekutur, isir appostlu ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Alla wasslet lilu wkoll biex ifittex il-komunjoni mal-Insara l-oħra, minnufih, l-ewwel f’Damasku u mbagħad Ġerusalemm (ara Atti 9:19,26-27). Din hi l-esperjenza tagħna tal-fidi. Naqra naqra, aktar ma nikbru fil-ħajja spiritwali, nifhmu dejjem iżjed li l-grazzja tilħaqna flimkien mal-oħrajn u rridu naqsmuha mal-oħrajn. Hekk, meta jien ngħolli r-radd il-ħajr tiegħi quddiem Alla għal dak li għamel fija, niskopri li m’iniex ngħanni waħdi, għax hemm aħwa oħra li għandhom fuq fommhom l-istess għanja ta’ ġieħ.

 

Id-diversi Konfessjonijiet Insara għamluha din l-esperjenza. Fl-aħħar seklu sa fl-aħħar fhimna li qegħdin flimkien fuq ix-xatt tal-Baħar l-Aħmar. Fil-Magħmudija ġejna mifdija u l-għanja kollha gratitudni u ġieħ, li ħutna oħra jintonaw, hi tagħna wkoll. Meta ngħidu li nagħrfu l-Magħmudija tal-Insara ta’ tradizzjonijiet oħra, nistqarru li huma wkoll irċivew il-maħfra tal-Mulej u l-grazzja tiegħu li taħdem fihom. U nilqgħu l-qima tagħhom bħala espressjoni awtentika ta’ ġieħ għal dak kollu li jagħmel Alla. Nixtiequ għalhekk nitolbu flimkien, u nxierku dejjem b’iżjed qawwa flimkien l-ilħna tagħna. U anki meta d-differenzi ta’ bejnietna jifirduna, nagħrfu li aħna parti mill-poplu tal-mifdija, mill-istess familja ta’ aħwa maħbuba mill-istess Missier.

 

Wara l-ħelsien, il-poplu l-magħżul qabad vjaġġ twil u iebes li qasam id-deżert, spiss jitlajja ’l hawn u ’l hinn, imma jikseb il-qawwa tiegħu mit-tifkira tal-opra feddejja ta’ Alla u tal-preżenza tiegħu dejjem qribu. Anki l-Insara tal-lum fil-mixja tagħhom jiltaqgħu ma’ ħafna diffikultajiet, imdawrin minn tant deżerti spiritwali, li jnixxfu t-tama u l-ferħ. Fil-mixja hemm ukoll perikli gravi, li jpoġġu l-ħajja f’riskju: kemm minn ħutna llum iġarrbu persekuzzjonijiet f’isem Ġesù! Meta jixtered demmhom, anki jekk huma ta’ Konfessjonijiet differenti, flimkien isiru xhieda tal-fidi, martri, imxierka fir-rabta tal-grazzja tal-Magħmudija. Flimkien mal-ħbieb ta’ tradizzjonijiet reliġjużi oħra, l-Insara llum għadhom jaffrontaw sfidi li jippruvaw iġibu fix-xejn id-dinjità umana: jaħarbu minn sitwazzjonijiet ta’ kunflitt u ta’ miżerja; huma vittmi tat-traffikar tal-essri umani u ta’ jasar modern ieħor; isofru taħbit u ġuħ, f’dinja dejjem iżjed għanja fil-mezzi u fqira fl-imħabba, fejn ikompli jikber in-nuqqas ta’ ugwaljanza. Imma, bħal-Lhud tal-Eżodu, l-Insara huma msejħin iħarsu flimkien it-tifkira ta’ dak kollu li Alla għamel fihom. Jekk inġeddu din il-memorja, nistgħu nwieżnu lil xulxin u naffrontaw, armati biss b’Ġesù u bil-qawwa ħelwa tal-Vanġelu tiegħu, kull sfida b’kuraġġ u tama.

 

Ħuti, b’qalbna mimlija ferħ li llum flimkien kantajna flimkien innu ta’ ġieħ lill-Missier, permezz ta’ Kristu l-Feddej tagħna u fl-Ispirtu li jagħti l-ħajja, nixtieq insellem minn qalbi lilkom, lilkom kollha: lill-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Gennadios, Rappreżentant tal-Patrijarkat Ekumeniku, lill-Eċċellenza Tiegħu Bernard Ntahoturi, Rappreżentant personali tal-Arċisqof ta’ Canterbury f’Ruma, u lir-rappreżentanti u membri kollha tad-diversi Konfessjonijiet Insara hawn miġbura. Bi pjaċir insellem lid-Delegazzjoni ekumenika tal-Fillandja, li kelli l-pjaċir niltaqa’ magħhom dalgħodu. Insellem ukoll lill-istudenti tal-Ecumenical Institute of Bossey, fi żjara Ruma biex jinżlu iktar fil-fond tal-għarfien tagħhom tal-Knisja Kattolika, u liż-żgħażagħ Ortodossi u Ortodossi Orjentali li qed jistudjaw hawn grazzi għall-ġenerożità tal-Kumitat ta’ Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi, li jaħdem fi ħdan il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda bejn l-Insara. Flimkien raddejna ħajr lil Alla għal dak li wettaq f’ħajjitna u fil-komunitajiet tagħna. Nippreżentawlu llum il-ħtiġijiet tagħna u tad-dinja, fiduċjużi li hu, fl-imħabba fidila tiegħu, se jkompli jifdi u jsieħeb lill-poplu tiegħu f’mixjietu.

 


 

Tislima tal-Papa lill-Pastor Luteran

 

Ħuna, il-Pastor Luteran f’Ruma, qed jirtira wara għaxar snin biex jibda ħidma oħra f’Hamburg, u tlabtu jiġi hawn u anki jagħti lilna lkoll il-barka tiegħu.

 

[Barka]

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard