ĊELEBRAZZJONI TAL-GĦASAR TAS-SOLENNITÀ

TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA

Bażilika ta’ San Pawl fuori le Mura

L-Erbgħa 25 ta’ Jannar 2017

 

Il-laqgħa ma’ Ġesù fit-triq lejn Damasku tibdel mill-qiegħ il-ħajja ta’ Pawlu. Minn dak il-mument ’il quddiem, għalih it-tifsira tal-eżistenza ma jsibhiex f’li jafda fil-qawwa tiegħu li josserva skrupolożament il-Liġi, imma f’li jitwaħħad kollu kemm hu mal-imħabba li Alla jagħtih b’xejn u bla ma jistħoqqlu, ma’ Ġesù Kristu mislub u rxoxt. Hekk hu jħalli l-ħajja ġdida tidħol fih, il-ħajja skont l-Ispirtu, li fiha, bil-qawwa tal-Mulej Irxoxt, iduq il-maħfra, l-intimità u l-faraġ. U Pawlu ma jistax iżomm għalih din il-ħaġa ġdida: hu misjuq mill-grazzja biex ixandar l-aħbar it-tajba tal-imħabba u tar-rikonċiljazzjoni li Alla lill-bnedmin joffrihielhom fil-milja tagħha fi Kristu.

 

Għall-Appostlu tal-ġnus ir-rikonċiljazzjoni tal-bniedem ma’ Alla, li tagħha hu sar ambaxxatur (ara 2 Kor 5:20), hi don li ġej minn Kristu. Dan jidher b’mod ċar fit-test tat-Tieni Ittra lill-Korintin, li minnha din is-sena hi meħuda t-tema tal-Ġimgħa ta’ Talb għall-Għaqda tal-Insara: “L-imħabba ta’ Kristu ssuqna lejn ir-rikonċiljazzjoni” (ara 2 Kor 5:14-20). “L-imħabba ta’ Kristu”: m’aħniex nitkellmu fuq l-imħabba tagħna għal Kristu, imma fuq l-imħabba li Kristu għandu għalina. Bl-istess mod, ir-rikonċiljazzjoni li lejha aħna misjuqa mhix sempliċiment l-inizjattiva tagħna: qabelxejn hi r-rikonċiljazzjoni li Alla joffrilna fi Kristu. Qabel ma hu sforz uman ta’ dawk li jemmnu li jfittxu li jegħlbu l-firdiet ta’ bejniethom, hu don mogħti b’xejn minn Alla. Bħala effett ta’ dan id-don il-persuna, maħfura u maħbuba, hi msejħa biex min-naħa tagħha xxandar il-vanġelu tar-rikonċiljazzjoni bil-kliem u bl-għemil, biex tgħix u tagħti xhieda ta’ ħajja rikonċiljata.

 

F’din il-perspettiva, illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Kif għandna nxandru dan il-vanġelu ta’ rikonċiljazzjoni wara sekli ta’ firdiet? Hu l-istess Pawlu li jgħinna nsibu t-triq. Hu jagħfas li r-rikonċiljazzjoni fi Kristu ma tistax isseħħ mingħajr sagrifiċċju. Ġesù ta ħajtu, u miet għal kulħadd. Bl-istess mod, l-ambaxxaturi tar-rikonċiljazzjoni huma msejħa, f’ismu, jagħtu l-ħajja, ma jgħixux iżjed għalihom infushom, imma għal Dak li miet u rxoxta għalihom (ara 2 Kor 5:14-15). Kif jgħallimna Ġesù, huwa biss meta nitilfu ħajjitna għall-imħabba tiegħu li nirbħuha tassew (ara Lq 9:24). Hi r-rivoluzzjoni li Pawlu għex, imma hi r-rivoluzzjoni Nisranija ta’ dejjem: ma ngħixux iżjed għalina nfusna, għall-interessi tagħna u biex nidhru aħna, imma fuq ix-xbieha ta’ Kristu, għalih u skontu, bl-imħabba tiegħu u fl­-imħabba tiegħu.

 

Għall-Knisja, għal kull konfessjoni Nisranija, din hi stedina biex ma nibnux fuq il-pjanijiet tagħna, fuiq il-kalkoli u fuq il-vantaġġi, biex ma nafdawx fl-opportunitajiet u fil-moda tal-mument, imma biex infittxu t-triq billi nħarsu dejjem lejn is-salib tal-Mulej: hemm hu l-pjan ta’ ħajjitna. Hi stedina wkoll biex noħorġu minn kull iżolament, biex negħlbu t-tentazzjoni tal-awtoreferenzjalità, li żżommna milli nilqgħu dak li l-Ispirtu s-Santu jaħdem ’il barra mill-ispazji tagħna. Rikonċiljazzjoni awtentika bejn l-Insara tista’ sseħħ meta nagħrfu d-doni ta’ xulxin u nkunu kapaċi, b’umiltà u ħlewwa, nitgħallmu minn xulxin – nitgħallmu minn xulxin –, bla ma noqogħdu nistennew lill-oħrajn jitgħallmu qabilna.

 

Jekk ngħixu din il-mewt għalina nfusna minħabba f’Ġesù, l-istil qadim ta’ ħajjitna jsir ħaġa tal-passat u, kif ġralu San Pawl, nidħlu f’għamla ġdida ta’ ħajja u ta’ komunjoni. Ma’ San Pawl nistgħu ngħidu: “Il-qadim għadda u daħal il-ġdid” (2 Kor 5:17). Li nħarsu lura jista’ jgħinna u hu meħtieġ dejjem biex insaffu l-memorja, imma jekk noqogħdu niffissaw fuq il-passat, nitlajjaw niftakru fil-ħtijiet li sarulna u għamilna, u nħallu jmexxuna biss il-parametri umani, dan jista’ jwaħħalna u jżommna milli ngħixu l-preżent. Il-Kelma ta’ Alla tagħmlilna l-qalb biex nissaħħu mill-memorja, u niftakru fil-ġid li rċivejna mill-Mulej; imma titlobna wkoll li nħallu wara daharna l-passat biex nistgħu nimxu wara Ġesù llum u ngħixu ħajja ġdida fih. Inħallu lil Dak li jġedded kollox (ara Apok 21:5) jorjentana lejn futur ġdid, miftuħ għat-tama li ma tqarraqx, ġejjieni li fih il-firdiet jistgħu jingħelbu u dawk li jemmnu, imġedda fl-imħabba, jaslu għall-għaqda viżibbli u sħiħa.

 

Waqt li nimxu fit-triq tal-għaqda, din is-sena nfakkru b’mod partikulari l-ħames ċentinarju tar-Riforma Protestanta. Il-fatt li llum il-Kattoliċi u l-Luterani jistgħu jfakkru flimkien ġrajja li firdet lill-Insara, u jagħmlu dan bit-tama, b’enfasi fuq Ġesù u fuq l-opra tiegħu ta’ rikonċiljazzjoni, hu pass kbir ’il quddiem, milħuq grazzi għal Alla u għat-talb, tul ħamsin sena ta’ għarfien reċiproku u ta’ djalogu ekumeniku.

 

Fit-talba tagħna mingħand Alla għad-don tar-rikonċiljazzjoni miegħu u bejnietna, insellem minn qalbi lill-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Gennadios, rappreżentant tal-Patrijarkat Ekumeniku, lill-Eċċellenza Tiegħu David Moxon, rappreżentant personali f’Ruma tal-Arċisqof ta’ Canterbury, u lir-rappreżentanti kollha tad-diversi Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali hawn miġbura. Nieħu pjaċir partikularment insellem lill-membri tal-Kummissjoni mħallta għad-djalogu teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi Orjentali, li lilhom nawgura xogħol bi profitt għas-sessjoni plenarja li qed tiltaqa’ f’dawn il-jiem. Insellem ukoll lill-istudenti tal-Ecumenical Institute of Bossey hekk ferrieħa, rajthom dalgħodu –, li qed iżuru Ruma biex japprofondixxu l-għarfien tagħhom tal-Knisja Kattolika, u liż-żgħażagħ Ortodossi u Ortodossi Orjentali li jistudjaw Ruma grazzi għall-boroż ta’ studju tal-Kumitat ta’ Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi, li jaħdem fi ħdan il-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjoni tal-Għaqda tal-Insara. Lis-Superjuri u lill-Kollaboraturi kollha ta’ dan id-Dikasteru nesprimi l-istima u l-gratitudni tiegħi.

 

Għeżież ħuti, it-talba tagħna għall-għaqda tal-Insara hi sehem fit-talba li Ġesù għamel lill-Missier qabel il-passjoni “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Ejjew ma negħjew qatt lil Alla nitolbuh dan id-don. Fl-istennija kollha sabar u fiduċja li l-Missier jagħti lil dawk kollha li jemmnu fil-ġid tal-komunjoni sħiħa li tidher, ejjew nibqgħu mexjin ’il quddiem fil-mixja tagħna ta’ rikonċiljazzjoni u ta’ djalogu, imħeġġa mix-xhieda erojka ta’ tant aħwa, magħquda lbieraħ u llum fit-tbatija għall-isem ta’ Ġesù. Napprofittaw minn kull okkażjoni li toffrilna l-Providenza biex nitolbu flimkien, biex inxandru flimkien, biex inħobbu u naqdu flimkien, fuq kollox lil min hu l-iżjed fqir u mwarrab.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard