ĊELEBRAZZJONI TA’ L-GĦASAR FIS-SOLENNITÀ

TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

It-Tnejn 25 ta’ Jannar 2016

 

Jien l-inqas wieħed fost l-Appostli […] għaliex kont naħqar il-Knisja ta’ Alla.  Imma bil-grazzja ta’ Alla jien dak li jien u l-grazzja tiegħu fija ma sfatx fix-xejn” (1 Kor 15:9-10).  Hekk l-Appostlu Pawlu jiġbor it-tifsira tal-konverżjoni tiegħu.  Din il-konverżjoni, li seħħet wara l-laqgħa qawwija tiegħu ma’ Ġesù Rxoxt (ara 1 Kor 9:1) fuq it-triq minn Ġerusalemm għal Damasku, m’hijiex qabel xejn bidla morali, imma esperjenza tal-grazzja ta’ Kristu li bidlitu, u fl-istess waqt is-sejħa għal missjoni ġdida, dik li jħabbar lil kulħadd lil dak Ġesù li qabel kien jippersegwita meta kien jaħqar lid-dixxipli tiegħu.  F’dak il-waqt, fil-fatt, Pawlu jifhem li bejn Kristu li jgħix għal dejjem u d-dixxipli tiegħu hemm għaqda reali u traxxendenti: Ġesù jgħix u hu preżenti fihom u huma jgħixu Fih.  Il-vokazzjoni biex ikun Appostlu hi msejsa mhux fuq il-merti umani ta’ Pawlu, li jqis ruħu “l-inqas wieħed” u “ma jistħoqqlux”, imma fuq it-tjieba bla tarf ta’ Alla, li għażlu u fdalu l-ministeru.

 

Għarfien simili ta’ dak li seħħ fit-triq ta’ Damasku nsibu xhieda tiegħu minn San Pawl ukoll fl-Ewwel Ittra lil Timotju: “Niżżi ħajr lil Kristu Ġesù Sidna, li tani l-qawwa għal dan ix-xogħol u li deherlu li kienet tistħoqqli l-fiduċja tiegħu u għamilni ministru tiegħu, lili li qabel kont dagħaj, persekutur u żeblieħi tiegħu.  Iżda sibt il-ħniena, għax dak li għamilt għamiltu bla ma kont naf, billi kont għadni bla fidi.  Anzi, lili l-grazzja ta’ Sidna kienet mogħtija bil-kotra, flimkien mal-fidi u ma’ l-imħabba, li hi fi Kristu Ġesù” (1:12-14).  Il-ħniena ta’ kotra bla qies li għandu Alla hi r-raġuni waħdanija li fuqha jissawwar il-ministeru ta’ Pawlu, u hi fl-istess ħin dak li l-Appostlu għandu jxandar lil kulħadd.

 

L-esperjenza ta’ San Pawl tixbah lil dik tal-komunitajiet lil lilhom l-Appostlu Pietru jikteb l-Ewwel Ittra tiegħu.  San Pietru jdur fuq il-membri ta’ komunitajiet ċkejkna u dgħajfa, esposti għat-theddida tal-persekuzzjoni, u japplika għalihom it-titli glorjużi mogħtija lill-poplu qaddis ta’ Alla: “Imma intom ġens maħtur, saċerdozju rjali, nazzjon qaddis, poplu li Alla kiseb għalih” (1 Piet 2:9).  Għal dawk l-ewwel Insara, u l-lum għalina lkoll mgħammdin, huwa motiv ta’ faraġ u ta’ għoġba kontinwa li nafu li aħna ġejna magħżula biex nagħmlu parti mill-pjan tal-fidwa ta’ Alla, imwettaq f’Ġesù Kristu u fil-Knisja.  “Għaliex, Mulej, propju jien?”; “għaliex propju aħna?”.  Hawn insibu ruħna quddiem il-misteru tal-ħniena u ta’ l-għażla ta’ Alla: il-Missier iħobb lil kulħadd u jrid isalva lil kulħadd, u għalhekk isejjaħ lil xi wħud, “jirbaħhom għalih” bil-grazzja tiegħu, biex permezz tagħhom l-imħabba tiegħu tista’ tilħaq lil kulħadd.  Il-missjoni tal-poplu kollu ta’ Alla hi dik li jxandar l-għemejjel ta’ l-għaġeb tal-Mulej, l-ewwel u qabel kollox il-Misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu, li bih aħna għaddejna mid-dlam tad-dnub u tal-mewt għall-ġmiel tal-ħajja tiegħu, ġdida u għal dejjem (ara 1 Piet 2:10).

 

Fid-dawl tal-Kelma ta’ Alla li smajna, u li mexxietna matul din il-Ġimgħa ta’ talb għall-għaqda ta’ l-Insara, nistgħu tabilħaqq ngħidu li lkoll kemm aħna li nemmnu fi Kristu aħna “imsejħin inxandru l-għemejjel ta’ l-għaġeb ta’ Alla” (ara 1 Piet 2:9).  Lil hemm mid-differenzi li għadhom jifirduna, ejjew nagħrfu bil-ferħ li fl-għeruq tal-ħajja Nisranija dejjem hemm sejħa li l-awtur tagħha hu Alla nnifsu.  Nistgħu nissoktaw mexjin ’il quddiem fit-triq tal-komunjoni sħiħa li tidher bejn l-Insara mhux biss meta noqorbu lejn xulxin, imma fuq kollox skond kemm nikkonvertu lejn il-Mulej, li bil-grazzja tiegħu jagħżilna u jsejħilna biex inkunu dixxipli tiegħu.  U nikkonvertu jfisser inħallu lill-Mulej jgħammar u jaħdem fina.  Għal din ir-raġuni, meta flimkien l-Insara tad-diversi Knejjes jisimgħu l-Kelma ta’ Alla u jfittxu li jpoġġuha fil-prattika, ikunu jmiddu passi tassew importanti lejn l-għaqda.  U m’hix biss is-sejħa li tgħaqqadna; hi wkoll komuni bejnietna l-istess missjoni: li nxandru lil kulħadd l-għemejjel kbar ta’ Alla.  Bħal San Pawl, u bħall-fidili li lilhom jikteb San Pietru, anki aħna ma nistgħux ma nxandrux l-imħabba ħanina li rebħitna għaliha u bidlitna.  Aħna u mexjin lejn il-komunjoni sħiħa bejnietna, nistgħu diġà niżviluppaw bosta xejriet ta’ kollaborazzjoni, nimxu flimkien u nikkollaboraw b’riżq it-tixrid tal-Vanġelu.  U aħna u nimxu u naħdmu flimkien, nintebħu li diġà aħna magħqudin f’isem il-Mulej.  L-għaqda nsibuha fil-mixja.

 

F’din is-Sena tal-Ġublew straordinarju tal-Ħniena, inżommu tajjeb quddiem għajnejna li ma jistax ikun hemm tiftixa awtentika ta’ l-għaqda bejn l-Insara mingħajr ma nafdaw ruħna b’mod sħiħ f’dirgħajn il-ħniena tal-Missier.  Qabel xejn ejjew nitolbu maħfra tad-dnub tal-firdiet ta’ bejnietna, li huma ġerħa miftuħa fil-Ġisem ta’ Kristu.  Bħala Isqof ta’ Ruma u Ragħaj tal-Knisja Kattolika, nixtieq nitlob ħniena u maħfra għall-imġiba xejn evanġelika min-naħa tal-Kattoliċi fil-konfront ta’ Nsara ta’ Knejjes oħra.  Fl-istess waqt, nistieden lill-aħwa kollha Kattoliċi biex jaħfru jekk, il-lum jew fl-imgħoddi, ġarrbu offiżi minn Insara oħra.  Ma nistgħux inħassru dak li ġara, imma ma rridux inħallu t-toqol tal-ħtijiet l-imgħoddija jkompli jħammeġ ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna.  Il-ħniena ta’ Alla ġġedded ir-relazzjonijiet tagħna.

 

F’din il-klima ta’ talb intens, fraternament insellem lill-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Gennadios, rappreżentant tal-Patrijarkat Ekumeniku, lill-Eċċellenza Tiegħu David Moxon, rappreżentant personali f’Ruma ta’ l-Arċisqof ta’ Centerbury, u lir-rappreżentanti kollha tad-diversi Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali f’Ruma, miġbura hawn il-lejla.  Magħhom aħna għaddejna mill-Bieb Imqaddes ta’ din il-Bażilika, biex niftakru li l-uniku bieb li jwassalna għas-salvazzjoni hu Sidna Ġesù Kristu, il-wiċċ ħanin tal-Missier.  Insellem minn qalbi wkoll liż-żgħażagħ Ortodossi u Ortodossi Orjentali li qed jistudjaw hawn Ruma bl-għajnuna tal-Kumitat tal-Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi, li jaħdem fi ħdan il-Kunsill għall-promozzjoni ta’ l-għaqda bejn l-Insara, kif ukoll lill-istudenti ta’ l-Ecumenical Institute of Bossey, li qed iżuru Ruma biex japprofondixxu l-għarfien tagħhom tal-Knisja Kattolika.

 

Għeżież ħuti, ejjew il-lum nixxierku ħaġa waħda fit-talba li Ġesù Kristu għamel lill-Missier: “Ħa jkunu ħaġa waħda […] biex id-dinja temmen” (Ġw 17:21).  L-għaqda hi don tal-ħniena ta’ Alla l-Missier.  Hawn quddiem il-qabar ta’ San Pawl, Appostlu u Martri, imħares f’din il-Bażilika l-ġmiel tagħha, inħossu li t-talba umli tagħna hi mwieżna mill-interċessjoni tal-kotra ta’ martri Nsara tal-bieraħ u tal-lum.  Huma wieġbu b’ġenerożità għas-sejħa tal-Mulej, b’ħajjithom taw xhieda fidila ta’ l-għemejjel ta’ l-għaġeb li Alla wettaq għalina, u diġà qed iduqu l-komunjoni sħiħa fil-preżenza ta’ Alla l-Missier.  Imsaħħin mill-eżempju tagħhom – dan l-eżempju li jagħti propju l-ekumeniżmu tad-demm – u mfarrġin mill-interċessjoni tagħhom, induru lejn Alla bit-talba umli tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard