ĊELEBRAZZJONI TA’ L-GĦASAR FIS-SOLENNITÀ

TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

Il-Ħadd 25 ta’ Jannar 2015

 

Fi triqtu mil-Lhudija għall-Galilija, Ġesù jgħaddi mis-Samarija.  Hu ma jsib ebda diffikultà jiltaqa’ ma’ Samaritani meqjusa eretiċi, xiżmatiċi, mifruda mil-Lhud.  Bl-imġiba tiegħu jurina li l-konfront ma’ min hu differenti minna mhux ħa jgħinna nikbru.  Ġesù, għajjien mill-vjaġġ, ma joqgħodx lura milli jitlob lil waħda mara Samaritana tagħtih jixrob.  Nafu sew li l-għatx tiegħu imur lil hemm minn dak fiżiku: dan hu anki għatx għal-laqgħa, xewqa li jiftaħ djalogu ma’ dik il-mara, u hekk joffrilha l-possibbiltà li tagħmel mixja ta’ konverżjoni ġewwiena.  Ġesù hu paċenzjuż, jirrispetta l-persuna li għandu quddiemu, juriha ftit ftit min hu.  L-eżempju tiegħu jinkuraġġina nfittxu konfront seren mal-persuni l-oħra.  Biex nifhmu lil xulxin u nikbru fl-imħabba u fil-verità, irridu nieqfu, nilqgħu u nisimgħu lil xulxin.  B’dan il-mod, diġà nibdew induqu l-għaqda.  L-għaqda tinbena tul il-mixja, qatt ma tieqaf.  L-għaqda nsawruha aħna u mexjin.

 

Il-mara ta’ Sikar tistaqsih lil Ġesù dwar liema hu l-post veru fejn għandha tingħata qima lil Alla.  Ġesù la hu favur il-muntanja u lanqas it-Tempju, imma jmur lil hemm, imur għall-essenzjal u hekk iġarraf kull ħajt ta’ firda.  Hu jreġġagħna lura lejn il-verità ta’ l-adorazzjoni: “Alla hu spirtu, u dawk li jqimuh, iqimuh fl-ispirtu u fil-verità” (Ġw 4:24).  Kemm kontroversji bejn l-Insara, li wirtu mill-imgħoddi, jistgħu jintgħelbu billi nwarrbu għall-ġenb kull imġiba polemikuża jew apoloġetika u nfittxu flimkien li nifhmu fil-profond dak li jgħaqqadna, jiġifieri s-sejħa biex nieħdu sehem fil-misteru ta’ mħabba tal-Missier muri lilna mill-Iben permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu.  L-għaqda bejn l-Insara – minn dan ċerti – m’hix sa tkun il-frott ta’ diskussjonijiet teoriċi raffinati fejn kull naħa tipprova tikkonvinċi lill-oħra dwar il-verità ta’ l-opinjonijiet tagħha.  Għad jiġi Bin il-bniedem u jsibna għadna niddibattu.  Jeħtieġ nifhmu li biex naslu għall-profondità tal-misteru ta’ Alla għandna bżonn ta’ xulxin, li niltaqgħu u nikkonfrontaw ruħna taħt it-tmexxija ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jarmonizza d-diversitajiet u jegħleb il-kunflitti, jirrikonċilja d-differenzi.

 

Bil-mod il-mod, il-mara Samaritana tifhem li Dak li talabha tagħtih jixrob jista’ jaqtgħalha l-għatx tagħha.  Ġesù jippreżenta ruħu quddiemha bħala l-għajn li minnu jnixxi l-ilma ħaj li jista’ jaqtgħalha l-għatx darba għal dejjem (ara Ġw 4:13-14).  Il-ħajja umana hi għadd bla qies ta’ xewqat: tiftix tal-verità, għatx għall-imħabba, il-ġustizzja u l-libertà.  Dawn ix-xewqat parzjalment biss jistgħu jiġu maqtugħa, għax mill-profond ta’ dak li hu, il-bniedem miexi lejn “xi ħaġa iżjed”, lejn assolut li kapaċi jissodisfa l-għatx tiegħu b’mod defenittiv.  It-tweġiba għal dawn ix-xewqat tingħata minn Alla f’Ġesù Kristu, fil-Misteru ta’ l-Għid tiegħu.  Mill-kustat minfud ta’ Ġesù jgelglu demm u ilma (ara Ġw 19:34): Hu l-għajn li minnu jnixxi l-ilma ta’ l-Ispirtu s-Santu, jiġifieri “l-imħabba ta’ Alla li ssawbet fi qlubna” (Rum 5:5) fil-Magħmudija tagħna.  Bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu sirna ħaġa waħda ma’ Kristu, ulied fl-Iben, veri adoraturi tal-Missier.  Dan il-misteru ta’ mħabba hu r-raġuni l-aktar qawwija għall-għaqda li torbot l-Insara kollha u li hi bil-wisq ogħla mill-firdiet li seħħu matul l-istorja.  Għalhekk, aktar ma nersqu b’umiltà lejn il-Mulej Ġesù Kristu, aktar nersqu lejn xulxin.

 

Il-laqgħa ma’ Ġesù tibdel lis-Samaritana f’missjunarja.  Wara li laqgħet don hekk kbir u iżjed importanti mill-ilma tal-bir, il-mara tħalli hemm il-ġarra tagħha (ara Ġw 4:28) u tmur tħaffef tirrakkonta lin-nies tal-belt tagħha li ltaqgħet ma’ Kristu (ara Ġw 4:29).  Il-laqgħa tagħha miegħU reġgħet tatha s-sens u l-ferħ tal-ħajja, u hu tħoss ix-xewqa li dawn taqsamhom ma’ l-oħrajn.  Il-lum jeżistu ħafna rġiel u nisa għajjiena u għatxana, li qed jitolbu minna l-Insara li nagħtuhom jixorbu.  Hi talba li ma nistgħux ma nagħtux kasha.  Fis-sejħa biex ikunu evanġelizzaturi l-Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali kollha jsibu ambjent essenzjali għal kollaborazzjoni iżjed stretta.  Biex nistgħu nwettqu b’mod effikaċi din il-ħidma, jeħtieġ nevitaw li ningħalqu fil-partikulariżmi u esklussiviżmi tagħna, jew li nimponu uniformità skond pjanijiet purament umani (ara Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, 131).  L-impenn komuni biex inħabbru l-Vanġelu jippermettilna negħlbu kull għamla ta’ proselitiżmu u t-tentazzjoni li nikkompetu ma’ xulxin.  Aħna lkoll qegħdin għall-qadi ta’ l-istess Vanġelu wieħed!

 

U f’dan il-mument ta’ talb għall-għaqda, nixtieq infakkar il-martri tagħna tal-lum.  Huma jagħtu xhieda ta’ Ġesù Kristu u jiġu ppersegwitati u maqtula għax huma Nsara, bla ma ssir ebda distinzjoni, min-naħa tal-persekuturi, bejn il-konfessjonijiet li minnhom ġejjin.  Huma Nsara u għalhekk jiġu ppersegwitati.  Ħuti, dan hu l-ekumeniżmu tad-demm.

 

Aħna u niftakru f’din ix-xhieda tal-martri tagħna tal-lum, u b’din iċ-ċertezza hienja, insellem minn qalbi lil ħuti, l-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Gennadios, rappreżentant tal-Patrijarkat Ekumeniku, u l-Eċċellenza Tiegħu David Moxon, rappreżentant personali f’Ruma ta’ l-Arċisqof ta’ Canterbury, u lir-rappreżentanti kollha tad-diversi Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali li nġbartu hawn għall-Festa tal-Konverżjoni ta’ San Pawl.  Barra dan, bi pjaċir insellem lill-membri tal-Kummissjoni Mħallta għad-Djalogu Teoloġiku bejn il-Knisja Kattolika u l-Knejjes Ortodossi Orjentali, li nawguralhom ħidma li tħalli l-frott għas-sessjoni plenarja li se tinżamm fil-jiem li ġejjin f’Ruma.  Insellem ukoll lill-istudenti ta’ l-Ecumenical Institute of Bossey u liż-żgħażagħ li jibbenefikaw minn boroż ta’ studju li jagħti l-Kumitat ta’ Kollaborazzjoni Kulturali mal-Knejjes Ortodossi, li jopera fi ħdan il-Kunsill għall-Promozzjoni ta’ l-Għaqda ta’ l-Insara.

 

Il-lum hawn preżenti wkoll reliġjużi mid-diversi Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali li matul dawn il-jiem ħadu sehem f’Konvenju ekumeniku, organizzat mill-Kongregazzjoni għall-Istituti tal-Ħajja Kkonsagrata u s-Soċjetà ta’ Ħajja Appostolika, f’kollaborazzjoni mal-Kunsill Pontifiċju għall-Promozzjni ta’ l-Għaqda ta’ l-Insara, fl-okkażjoni tas-Sena tal-Ħajja Kkonsagrata.  Il-ħajja reliġjuża bħala profezija fid-dinja futura hi msejħa toffri fi żmienna xhieda ta’ dik il-komunjoni fi Kristu li tmur lil hemm minn kull differenza, u li hi magħmula minn għażliet konkreti ta’ akkoljenza u djalogu.  Konsegwentement, it-tiftix għall-għaqda bejn l-Insara ma jistax ikun prerogattiva biss ta’ xi persuna jew komunità reliġjuża waħda partikularment sensibbli għal din il-problematika.  L-għarfien reċiproku tad-diversi tradizzjonijiet ta’ ħajja kkonsagrata u l-qsim għammiel ta’ esperjenzi jista’ jkun siewi għall-vitalità ta’ kull għamla ta’ ħajja reliġjuża fid-diversi Knejjes u Komunitajiet ekkleżjali.

 

Għeżież ħuti, il-lum aħna, għatxana għall-paċi u l-fraternità, nitolbu b’qalb fiduċjuża lil Missierna tas-Sema, permezz ta’ Ġesù Kristu s-Saċerdot u Medjatur waħdieni u bl-interċessjoni tal-Verġni Marija, ta’ l-Appostlu Pawlu u tal-qaddisin kollha, id-don tal-komunjoni sħiħa bejn l-Insara kollha, biex jista’ jiddi mill-ġdid “il-misteru mqaddes ta’ l-għaqda tal-Knisja” (Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Digriet fuq l-Ekumeniżmu Unitatis redintegratio, 2), sinjal u għodda ta’ rikonċiljazzjoni għad-dinja kollha.  Hekk ikun.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard