ĊELEBRAZZJONI TA’ L-GĦASAR FIS-SOLENNITÀ

TAL-KONVERŻJONI TA’ SAN PAWL APPOSTLU

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika ta’ San Paolo fuori le Mura

Is-Sibt 25 ta’ Jannar 2014

 

Jaqaw Kristu mifrud?” (1 Kor 1:13).  Is-sejħa qawwija li San Pawl jagħmel fil-bidu ta’ l-Ewwel Ittra tiegħu lill-Korintin, u li nerġgħu nisimgħuha fil-liturġija tal-lejla, ġiet magħżula minn grupp ta’ ħutna Nsara tal-Kanada bħala għajnuna għall-meditazzjoni tagħna tul l-Ottava ta’ Talb ta’ din is-sena.

 

L-Appostlu bi swied il-qalb kbir sar jaf li l-Insara ta’ Korintu kienu mifruda f’ħafna qasmiet.  Hemm min jgħid: “Jien ta’ Pawlu”; ieħor jgħid: “Jien ta’ Apollo”; u ieħor: “Jien ta’ Kefa”; u fl-aħħar hemm min anki jsostni: “U jien ta’ Kristu” (ara v. 12).  Pawlu lanqas lil dawk li jridu jgħidu li huma ta’ Kristu ma jista’ jfaħħar, għax huma qed jużaw l-isem tal-Feddej waħdieni biex jitbiegħdu minn aħwa oħra fil-komunità.  Fi kliem ieħor, l-esperjenza partikulari ta’ kull wieħed, ir-riferiment għal xi persuni ta’ importanza fil-komunità, isiru l-kejl tal-ġudizzju tal-fidi ta’ l-oħrajn.

 

F’din is-sitwazzjoni ta’ qasma, Pawlu jitlob lill-Insara ta’ Korintu, “f’isem Sidna Ġesù Kristu”, biex ikunu lkoll ħaġa waħda fi kliemhom, biex fosthom ma jkunx hemm firdiet, imma għaqda perfetta fil-ħsieb u fil-fehma (ara v. 10).  Imma l-komunjoni li l-Appostlu jixtieq ma tistax tkun il-frott ta’ strateġiji umani.  L-għaqda perfetta bejn l-aħwa, fil-fatt, hi possibbli biss jekk tkun f’sintonija mal-ħsieb u s-sentimenti ta’ Kristu (ara Fil 2:5).  Il-lejla, waqt li ninsabu hawn miġbura fit-talb, inħossu li Kristu, li ma jistax ikun mifrud, irid jiġbidna lejh, lejn is-sentimenti ta’ qalbu, lejn l-abbandun sħiħ u kunfidenti tiegħu f’idejn il-Missier, lejn il-mod radikali kif hu tneżża’ minn kollox għall-imħabba tal-bnedmin.  Hu biss jista’ jkun il-bidu, il-kawża, il-mutur ta’ l-għaqda ta’ bejnietna.

 

Meta ninsabu fil-preżenza tiegħu, nagħrfu iżjed li ma nistgħux inħarsu lejn il-firdiet fil-Knisja bħala fenomenu b’xi mod naturali, inevitabbli f’kull forma ta’ ħajja assoċjattiva.  Il-firdiet ta’ bejnietna jġerrħu l-ġisem tiegħu, iġerrħu x-xhieda tiegħu li aħna msejħin nagħtu fid-dinja.  Id-Digriet tal-Konċilju Vatikan II fuq l-ekumeniżmu jikkwota s-silta ta’ San Pawl li mmeditajna, u jagħmel din l-istqarrija sinifikanti: “Kristu l-Mulej waqqaf Knisja waħda u unika; iżda ħafna komunitajiet Insara jippreżentaw irwieħhom quddiem il-bnedmin bħala werrieta tassew ta’ Ġesù Kristu; kollha jistqarru li huma dixxipli tal-Mulej iżda bejniethom ma jaqblux u jgħaddu minn mogħdijiet differenti bħallikieku Kristu nnifsu kien mifrud”.  U għalhekk iżid: “Din il-firda tmur ċar u tond kontra r-rieda ta Kristu, hija ta skandlu għad-dinja u tagħmel ħsara lill-kawża l-aktar qaddisa li l-Vanġelu jixxandar lill-ħolqien kollu (Unitatis redintegratio, 1).  Il-firdiet għamlu ħsara lilna lkoll.  Ħadd minna ma jixtieq isir skandlu.  U għalhekk ilkoll kemm aħna nimxu flimkien, bħal aħwa, fit-triq lejn l-għaqda, u nġibu l-għaqda anki aħna u mexjin, dik l-għaqda li ġejja mill-Ispirtu s-Santu u li twasslilna kwalità unika u speċjali, li l-Ispirtu s-Santu biss jista’ joħloq: id-diversità rikonċiljata.  Il-Mulej qed jistenniena lkoll, jakkumpanjana lkoll, u jinsab magħna lkoll f’din il-mixja ta’ l-għaqda.

 

Għeżież ħbieb, Kristu ma jistax jiġi mifrud!  Din iċ-ċertezza għandha tqawwilna qalbna u tweżinna biex b’umiltà u b’fiduċja nissoktaw interrqu f’mixjietna lejn it-twaqqif mill-ġdid ta’ l-għaqda sħiħa li tidher bejn dawk kollha li jemmnu fi Kristu.  Bħalissa nieħu gost naħseb fil-ħidma tal-Beatu Ġwanni XXIII u tal-Beatu Ġwanni Pawlu II.  It-tnejn matul ħajjithom kibru fl-għarfien tagħhom ta’ kemm kienet urġenti l-kawża ta’ l-għaqda u, meta laħqu Isqfijiet ta’ Ruma, mexxew b’determinazzjoni lill-merħla Kattolika kollha fit-triq tal-mixja ekumenika: il-Papa Ġwanni fetaħ toroq ġodda u li tista’ tgħid ħadd ma kien ħasibhom qabel, waqt li l-Papa Ġwanni Pawlu ppropona d-djalogu ekumeniku bħala dimensjoni ordinarja u essenzjali tal-ħajja ta’ kull Knisja partikulari.  Magħhom jingħaqad ukoll il-Papa Pawlu VI, protagonista ieħor kbir tad-djalogu, li propju f’dawn il-jiem qed infakkru l-ħamsin anniversarju mit-tgħanniqa storika tiegħu mal-Patrijarka ta’ Kostantinopli Atenagora f’Ġerusalemm.

 

Bil-ħidma ta’ dawn il-Papiet id-dimensjoni tal-djalogu ekumeniku saret aspett essenzjali tal-ministeru ta’ l-Isqof ta’ Ruma, hekk li l-lum ma tistax tifhem għal kollox is-servizz Petrin jekk fih ma tinkludix dan il-ftuħ għad-djalogu ma’ dawk kollha li jemmnu fi Kristu.  Nistgħu ngħidu wkoll li l-mixja ekumenika ppermettietilna li ninżlu iktar fil-fond ta’ l-għarfien tal-ministeru tas-Suċċessur ta’ Pietru u għandu jkollna fiduċja li sa tkompli taġixxi f’dan is-sens anki fil-ġejjieni.  Waqt li nħarsu bi gratitudni lejn il-passi li l-Mulej tana li nagħmlu, u mingħajr ma naħbu d-diffikultajiet li l-lum id-djalogu ekumeniku qed iħabbat wiċċu magħhom, nitolbu li lkoll kemm aħna nilbsu mill-ġdid is-sentimenti ta’ Kristu, biex nistgħu nimxu lejn l-għaqda mixtieqa minnu.  U meta nimxu flimkien diġà qed noħolqu l-għaqda!

 

F’din il-klima ta’ talb għad-don ta’ l-għaqda, minn qalbi nixtieq insellem fraternament lill-Eminenza Tiegħu l-Metropolita Gennadios, rappreżentant tal-Patrijarkat Ekumeniku, u lill-Eċċellenza Tiegħu David Moxon, rappreżentat ta’ l-Arċisqof ta’ Canterbury f’Ruma, u lir-rappreżentanti kollha ta’ l-għadd ta’ Knejjes u Komunitajiet Ekkleżjali, hawn miġbura l-lejla.  Ma’ dawn iż-żewġ ħutna, f’isem kulħadd, tlabna quddiem il-Qabar ta’ Pawlu u bejnietna għidna: “Nitolbuh jgħinna f’din it-triq, f’din it-triq ta’ l-għaqda, ta’ l-imħabba, u nimxu flimkien fit-triq ta’ l-għaqda”.  L-għaqda m’hix ħa tasal donnha xi miraklu fl-aħħar: l-għaqda tiġi aħna u mexjin, jagħmilha l-Ispirtu s-Santu waqt il-mixja.  Jekk aħna ma nimxux flimkien, jekk aħna ma nitolbux wieħed għall-ieħor, jekk aħna ma nikkollaborawx flimkien f’tant affarijiet li nistgħu nagħmlu f’din id-dinja għall-Poplu ta’ Alla, l-għaqda ma tasalx!  Nilħquha f’din il-mixja, ma’ kull pass, u ma nagħmluhiex aħna: jagħmilha l-Ispirtu s-Santu, li jara r-rieda tajba tagħna.

 

Għeżież ħuti, nitolbu lill-Mulej Ġesù, li għamilna membri ħajjin ta’ Ġismu, biex iżommna magħqudin profondament miegħU, jgħinna nirbħu l-kunflitti ta’ bejnietna, il-firdiet tagħna, l-egoiżmi tagħna; u niftakru li l-għaqda hi dejjem aqwa mill-kunflitt!  U jgħinna biex inkunu magħqudin ma’ xulxin b’qawwa waħda, dik ta’ l-imħabba, li l-Ispirtu s-Santu jsawwab fi qlubna (ara Rum 5:5).  Ammen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard