Il-Papa Frangisku

Quddiesa u Omelija fis-Solennita' ta' Kristu Sultan,

Il-Ħadd, 24 ta' Novembru 2013

 

Is-solennita’ tallum ta’ Kristu Sultan tal-univers, il-quċċata tas-sena liturġika, timmarka wkoll l-għeluq tas-Sena tal-Fidi li kien nieda l-Papa Benedittu li f’dan il-waqt imur lejh il-ħsieb tagħna mimli mħabba u gratitudni għal dan id-don li huwa tana.  B’din l-inizjattiva provvidenzjali, huwa tana l-opportunita’ li niskopru mill-ġdid is-sbuħija ta’ dik il-mixja ta’ fidi li bdiet fil-jum tal-Magħmudija tagħna, li għamlitna wlied Alla u aħwa fil-Knisja.  Hija mixja li għandha bħala skop aħħari l-laqgħa sħiħa m’Alla, u li matulha l-Ispirtu s-Santu jippurifikana, jgħollina ’l fuq, iqaddisna, sabiex idaħħalna fil-hena li għaliha tixxennaq qalbna.

Nixtieq ukoll insellem minn qalbi u b’mod fratern lill-Patrijarki u l-Arċisqfijiet il-Kbar tal-Knejjes Orjentali Kattoliċi li hawn preżenti.  Il-bdil tal-paċi li nwettaq magħhom irid ifisser fuq kollox il-gratitudni tal-Isqof ta’ Ruma għal dawn il-Komunitajiet li stqarru l-isem ta’ Kristu b’fedelta’ eżemplari u li ħafna drabi għaliha ħallsu bi prezz għoli.

Bl-istess mod, u permezz tagħhom, b’dan il-ġest nixtieq nilħaq l-insara kollha li jgħixu fl-Art Imqaddsa, fis-Sirja u fil-Lvant kollu, sabiex naqilqgħu għal kulħadd id-don tal-paċi u tal-ftehim.

Il-Qari tal-Iskrittura li ġie mxandar għandhom bħala ħaġa waħda li tgħaqqadhom iċ-ċentralita’ ta’ Kristu.  Kristu huwa fiċ-ċentru.  Kristu ċentru tal-ħolqien, Kristu ċentru tal-poplu., Kristu ċentru tal-istorja.

1.  L-Appostlu Pawlu joffrielna dehra profonda ħafna taċ-ċentralita’ ta’ Ġesu’. Huwa jippreżentahulna bħala l-Kbir fost il-ħlejjaq kollha: fiH, permezz tiegħu u minħabba fiH kien maħluq kollox.  Huwa ċ-ċentru tal-ħwejjeġ kollha, huwa l-bidu: Ġesu’ Kristu, il-Mulej.  Permezz tiegħu Alla ta l-milja, it-totalita’, sabiex fiH il-ħwejjeġ kollha jerġgħu jingħaqdu (ara 1, 12-20).  Mulej tal-ħolqien, Mulej tar-rikonċiljazzjoni.

Din ix-xbiha tgħinna nifhmu li Ġesu’ huwa ċ-ċentru tal-ħolqien; u għalhekk huwa l-atteġġjament mitlub minn dak li jemmen, jekk irid ikun hekk tassew, li jkun dak li jagħaraf u jilqa’ fil-ħajja din iċ-ċentralita’ ta’ Ġesu’ Kristu, fil-ħsibijiet, fil-kliem u fil-għemejjel.  Huwa hekk li l-ħsibijiet tagħna jkunu ħsibijiet kristjani, ħsibijiet ta’ Kristu.  L-għemejjel tagħna jkunu għemejjel kristjani, għemejjel ta’ Kristu, il-kliem tagħna jkun kliem kristjan, kliem ta’ Kristu.  Inkella, meta nitilfu dan iċ-ċentru, għaliex jiġi mibdul ma’ xi ħaġa oħra, jiġu minn hekk ħsara biss, għall-ambjent madwarna u għall-bniedem stess.

2.  Barra li Kristu huwa ċ-ċentru tal-ħolqien u ċ-ċentru tar-rikonċiljazzjoni, Kristu huwa ċ-ċentru tal-poplu t’Alla.  U proprju llum huwa hawn, fiċ-ċentru tagħna.  Issa huwa hawn fil-Kelma, hu jkun hawn fuq l-artal, ħaj, preżenti, fostna, il-poplu tiegħu.  Dan hu li ġie muri lielna fl-ewwel Qari, fejn insibu l-ġrajja li fiha t-tribu’ ta’ Iżrael marru jfittxu lil David u quddiem il-Mulej dilkuh sultan fuq Iżrael (ara 2 Sam 5, 1-3).  Permezz tat-tfittxija tal-figura ideali tas-sultan, dawk in-nies fittxew lil Alla nnifsu: Alla li kien qribhom, li kien aċċetta li jkun is-sieħeb tagħhom f’mixjithom bħala bnedmin, li jkun ħuhom.

Kristu li ġej min-nisel ta’ David, huwa proprju “dak ħuna” li madwaru jinbena l-poplu, huwa dak li jieħu ħsieb il-poplu tiegħu, tagħna lkoll, anke jekk iħallas b’ħajtu.  FiH aħna lkoll ħaġa waħda; poplu wieħed mgħaqud miegħU, naqsmu mixja waħda, destin wieħed.  Huwa biss fiH, fiH bħala ċentru, għandna l-identita’ bħala poplu.

3.  U fl-aħħar, Kristu huwa ċ-ċentru tal-istorja tal-umanita’, u wkoll iċ-ċentru tal-istorja ta’ kull bniedem.  Lilu nistgħu nirreferu l-ferħat u t-tamiet tagħna, in-niket u d-dwejjaq tagħna li bihom hija mgħaġuna ħajjitna.  Meta Ġesu’ huwa ċ-ċentru tagħna, il-mumenti wkoll l-aktar imdalma tal-eżistenza jiġu mdawla, u jagħtina tama, kif seħħ għall-ħalliel it-tajjeb tal-Evanġelju tallum.

Waqt li l-oħrajn kollha iduru lejn Ġesu’ b’disprezz – “jekk Inti l-Kristu, ir-Re Messija, salva lilek innifsek u inżel mis-salib” – dak il-bniedem li kien żbalja f’ħajtu, fl-aħħar jitgħannaq niedem ma’ Ġesu’ Mislub u jitolbu: “Ftakar fija meta tidħol fis-saltna tiegħek” (Lq 23, 42).  U Ġesu jwegħedu: “Illum tkun fil-Ġenna miegħi” (v 43): is-Saltna tiegħu.  Ġesu’ jlissen biss kelma ta’ maħfra, mhux waħda ta’ kundanna; u meta l-bniedem isib il-kuraġġ li jitlob maħfra, il-Mulej ma jħalli qatt tintilef talba bħal din.  Illum aħna lkoll nistgħu naħsbu fl-istorja tagħna, fil-mixja tagħna.  Kull wieħed minna għandu l-istorja tiegħu; kull wieħed minna għandu wkoll l-iżbalji tiegħu, id-dnubiet tiegħu, il-mumenti hienja tiegħu u l-mumenti mdalma.  Jagħmlilna tajjeb f’dan il-jum, naħsbu fl-istorja tagħna u nħarsu lejn Ġesu’, u minn qalbna nirrepetu bosta drabi, imma minn qalbna, fis-skiet, kull wieħed minna: Ftakar fija, Mulej, issa li qiegħed fis-Saltna tiegħek!  Ġesu’, ftakar fija għax jien irrid insir tajjeb, imma m’ghandix qawwa, ma nistax: jiena midneb, jiena midneb.  Imma ftakar fija, Ġesu’!  Inti tista’.  Ejjem nagħmluh dan ilkoll, kulħadd f’qalbu, bosta drabi.  “Ftakar fija, Mulej, Inti li int fiċ-ċentru, Inti li int fis-Saltna tiegħek!”

Il-wegħeda ta’ Ġesu’ lill-ħalliel it-tajjeb tagħtina tama kbira: tgħidilna li l-grazzja t’Alla hija dejjem aktar abbundanti mit-talba li tkun tennithielu.  Il-Mulej jagħti dejjem aktar, huwa wisq ġeneruż, jagħti dejjem aktar minn dak li nitolbuh: itolbu jiftakar fik, u jwasslek fis-Saltna tiegħu!  Ġesu’ huwa proprju ċ-ċentru tax-xewqat ta’ ferħ u ta’ salvazzjoni.  Immorru lkoll flimkien f’din it-triq!

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap