Ġublew tal-Ħniena

Omelija tal-Papa Franġisku

fil-Quddies tal-Ġublew tat-Tfal

Pjazza San Pietru, Vatikan

24 ta' April 2016

 

Minn dan jagħraf kulħadd li intom dixxipli tiegħi, jiġfieri jekk ikollkom l-imħabba bejnietkom”. (Ġw 13,35)

Għeżież, x’responsabbilta’ qed jafdalna llum il-Mulej! Qed jgħidilna li n-nies jagħrfu d-dixxipli ta’ Ġesu’ minn kif jinħabbu  bejniethom. Fi kliem ieħor, l-imħabba hi l-karta tal-identita’ tan-nisrani; hi l-uniku “dokument” validu biex ningħarfu li aħna dixxipli ta’ Ġesu’. Dan hu l-uniku dokument validu. Jekk dan id-dokument jiskadi u  ma nġedduhx kontinwament, ma nibqgħux xhieda tal-Imgħallem.  Għalhekk nistaqsikom: tridu tilqgħu l-istedina ta’ Ġesu’ biex tkunu dixxipli tiegħu?  Tridu tkunu  tassew ħbieb  tiegħu? Il-veru ħabib ta’ Ġesu’ jingħaraf mill-imħabba ġenwina tiegħu, mhux mill-imħabba fis-sħab, le,  imma mill-imħabba ġenwina li tiddi fil-ħajja tiegħu. L-imħabba tidher fl-azzjonijiet tagħna. Min ma jkunx ġenwin  f’imħabbtu  u jitkellem biss fuqha jkun  bħall-atturi li jirreċtaw f’soap opera. Tridu tgħixu l-imħabba li Hu jagħtina?  Tridu jew ma tridux? Mela, ejjew inpoġġu ruħna fl-iskola tiegħu,  għax kliemu hu  skola ta’ ħajja  fejn  nitgħallmu nħobbu. U din hi xi ħaġa li rridu nagħmluha kuljum: nitgħallmu nħobbu.

L-ewwelnett, kemm hi ħaġa sabiħa l-imħabba;  hi twassalna biex inkunu kuntenti. Iżda mhijiex faċli; titlob impenn,  titlob sforz. Ejjew naħsbu ftit, per eżempju,  fuq meta nirċievu rigal: dan jagħmilna kuntenti, imma  biex dak ir-rigal wasal għandna kien hemm xi ħadd ġeneruż  li ddedika l-ħin u ħa l-impenn, u għalhekk meta tana dak ir-rigal, tana wkoll xi ftit minnu nnifsu; għaraf jiċċaħħad minn xi ħaġa. Ejjew naħsbu wkoll fuq  dak li għamlu l-ġenituri u l-animaturi tagħkom biex stajtu tiġu Ruma għal dan il-Ġublew iddedikat għalikom.  Għamlu pjanijiet, organizzaw u hejjew kollox għalikom,  u kienu kuntenti jagħmluh dan, ukoll jekk forsi  kellhom jiċċaħdu minn  xi vjaġġ  biex intom stajtu tiġu hawn.    Dan hu tassew att ta’ mħabba ġenwina. Fil-fatt tħobb tfisser tagħti,  tagħti mhux biss xi ħaġa materjali, imma tagħti  minnek innifsek: tagħti l-ħin, tagħti l-ħbiberija, tagħti l-kapaċitajiet tiegħek.

Ħarsu lejn il-Mulej, ħadd ma jirbaħlu fil-ġenerożita’.  Nirċievu ħafna rigali mingħandu, u jeħtieġ nirringrazzjawh kuljum..... Nistaqsikom:  tirringrazzjawh kuljum lill-Mulej?  Anki jekk aħna  ninsew nirringrazzjawh, imma Hu qatt ma jinsa jagħtina rigal speċjali kuljum.  Ir-rigal li jagħtina mhuwiex wieħed li taqbdu b’idejk u tużah, imma  hu bil-wisq akbar; jiswa għall-ħajja. X’jagħtina l-Mulej? Jagħtina l-ħbiberija fidila tiegħu u ma jċaħħadna qatt minnha.  Il-Mulej hu l-ħabib ta’ dejjem.  Anki meta int  ma tibqax fidil lejh u titbiegħed minnu, Ġesu’ jkompli jħobbok u jibqa’ qrib tiegħek; jibqa’ jemmen fik aktar milli temmen int fik innifsek. Din hi l-imħabba  ġenwina li jgħallimna Ġesu’. U dan hu importanti ħafna! Għax l-akbar theddida  biex nikbru sew  hi  meta naħsbu li  m’hemm  ħadd li jimpurtah minna, meta nħossuna mwarrba u din hi xi ħaġa  ta’ swied il-qalb .  Mela,  tajjeb  tkun taf li l-Mulej hu dejjem miegħek u kuntent li joqgħod miegħek.  Hu jħares f’għajnejk kif għamel mal-ewwel dixxipli tiegħu u jsejjaħlek biex tmur warajh; isejjaħlek biex “taqdef fil-fond” u biex “tkala x-xbiek” filwaqt li tibqa’ tafda fil-kelma tiegħu, u f’għaqda miegħu  ma tibżax tuża t-talenti  kollha li għandek. Ġesu’ joqgħod jistennik bil-paċenzja kollha; jistenna t-tweġiba tiegħek; jistenna “l-iva” tiegħek.

Għeżież, fl-eta’ tagħkom titqanqal fikom ix-xewqa li turu mħabbitkom u tkunu maħbuba. Fl-iskola ta’ Ġesu’, titgħallmu x’għandkom tagħmlu biex l-imħabba u t-tenerezza jisbieħu.  Hu  jiggwida lill-qalb tagħkom  u jurikom kif tħobbu mingħajr ma tippossedu, kif tħobbu lill-oħrajn mingħajr ma tagħmluhom xi ħaġa tagħkom, kif tħobbuhom imma tħalluhom liberi. Għax l-imħabba hi libera!  Jekk l-imħabba ma tkunx libera, ma tkunx imħabba vera!  Irid ikun hemm dik il-liberta’ li  l-Mulej jħallilna  filwaqt li jħobbna. Hu dejjem qrib tagħna. It-tentazzjoni li  wieħed iniġġes l-imħabba  dejjem qiegħda hemm għax l-istint jimbuttana biex niksbu dak li jogħġobna. Dan hu egoiżmu. Il-kultura tal-konsum tkompli ssaħħaħ  din it-tendenza.  U  meta aħna niggranfaw wisq ma’ xi ħaġa,  nirvinawha; imbagħad  inkunu delużi u nħossu l-vojt. Jekk tisimgħu leħen il-Mulej, hu jgħidilkom x’inhu s-sigriet tal-imħabba: hu li nieħdu ħsieb tal-persuna l-oħra; u dan ifisser nirrispettawha,  inħarsuha u nistennewha.  Din hi tassew l-imħabba u t-tenerezza ġenwina.

F’dan iż-żmien taż-żgħożija tagħkom, intom tħossu wkoll xewqa kbira għal liberta’.  Ħafna jgħidulkom li tkun liberu jfisser li tagħmel  li trid. Iżda hawnhekk  tridu tkunu kapċi tgħidu le. Min mhux kapaċi jgħid le, mhux liberu. Tkun liberu meta tkun taf tgħid iva u tkun taf tgħid le. Il-liberta’ mhijiex li nkun nista’ nagħmel dak li jogħġobni: dan jagħlaqni fija nnifsi u jbiegħdni mill-oħrajn,  ma jħallinix inkun ħabib miftuħ u sinċier. Mhux veru li meta nagħmel dak li jogħġobni, kollox ikun sew. Le, mhux veru! Il-liberta’ hi d-don li jagħmlek kapaċi tagħżel it-tajjeb; din hi l-veru liberta’. Hu liberu min jagħżel it-tajjeb, min ifittex li jogħġob lil Alla, anki meta  dan jitlob sforz u ma jkunx faċli. Imma naħseb li intom iż-żgħażagħ  ma tibżgħux  tagħmlu sforz, intom kuraġġużi!   Il-ħolm kbir li  tassew ta’ min igħix għalih isseħħ biss b’deċiżjonijiet  kuraġġużi  u qawwija. Għażliet  kuraġġużi u qawwija! Tikkuntentawx ruħkom b’affarijiet ta’ nofs kedda jew  b’ħajja komda li ġġorrkom mal-kurrent.  Tafdawx lil min jipprova jaljenakom u jneħħi l-attenzjoni  tagħkom minn fuq it-teżor  veru, li huwa intom, billi jgħidilkom li l-ħajja hi sabiħa jekk takkwistaw ħafna affarijiet.  Tafdawx lil dawk li  jridu jġiegħlukom  temmnu li tkunu importanti biss  jekk iġġibu  ruħkom b’mod iebes bħall-eroj tal-films jew inkella meta tilbsu l-ħwejjeġ tal-moda. Il-ferħ tagħkom m’għandux prezz; m’jinxtarax u lanqas m’hu xi “app”  li tista’ tniżżlu fuq il-mobile:  l-ebda verżjoni, lanqas l-aktar waħda aġġornata ma tista’ tgħinkom tkunu liberi u kbar fl-imħabba. Il-liberta’ hi ħaġ’oħra.

 U la  l-imħabba hi don liberu li jitlob  qalb miftuħa, hi responsabbilta’, imma  responsabbilta’ sabiħa li ddum ħajjitna  kollha; hi impenn fil-ħajja ta’ kuljum għal  dawk  li jrid jwettqu l-akbar ħolm! Gwaj għaż-żgħażagħ li ma jafux joħolmu, li  ma jippruvawx joħolmu! Jekk żagħżugħ tal-eta’ tagħkom ma jkunx kapaċi joħlom,  ġa jkun  beda l-ħajja ta’ pensjonant.... u dan  mhux sewwa. L-imħabba tissaħħaħ bil-fiduċja, bir-rispett, bil-maħfra. L-imħabba ma titwettaqx għax nitkellmu dwarha, imma għax ngħixuha; mhijiex poeżija ħelwa li nistudjawha bl-amment, imma għażla ta’ ħajja li ngħixuha!  Kif nistgħu nikbru fl-imħabba?  Għal darb’oħra, is-sigriet hu l-Mulej: Ġesu’ jagħtina lilu nnifsu fil-Quddiesa, joffrilna l-maħfra u l-paċi fil-Qrar. Hemmhekk nitgħallmu nilqgħu l-Imħabba tiegħu, nagħmluha tagħna u nagħtuha lid-dinja. U meta tkun tidher ħaġa iebsa li tħobb, meta jkun diffiċli tgħid le għal dak li hu żbaljat, ħares lejn  Ġesu’ fuq is-salib, ħaddan is-salib u titlaqx idejn Ġesu’, għax hu jmexxik u jgħinek meta taqa’.  Matul il-ħajja naqgħu diversi drabi għax aħna midinbin, aħna dgħajfin. Imma id  Ġesu’ tissollevana, tgħinna nqumu. Ġesu’ jridna fuq saqajna!  Hemm dik il-kelma sabiħa li Ġesu’ qal lill-mifluġ: “Qum!” Alla ħalaqna biex inkunu fuq saqajna.  U hemm song sabiħa li jkantawha l-alpini meta jkunu  telgħin il-muntanja; tgħid: “Għal min jitla’ l-muntanji,  importanti mhux li ma jaqax, imma li ma jibqax fl-art meta jaqa’”. Jeħtieġ ikollna l-kuraġġ li nqumu, li nħallu l-id ta’ Ġesu’ tgħinna nqumu. U ħafna drabi hu jagħtina idejh permezz ta’ id ta’ ħabib, tal-ġenituri tagħna, ta’ dawk li jakkumpanjawna fil-ħajja. Ġesu’ jinsab preżenti f’dawn ukoll.  Mela, qumu! Ġesu’ jrid li tkunu fuq saqajkom, iridkom dejjem fuq saqajkom!

Naf li intom kapaċi tagħmlu ġesti ta’ ħbiberija kbira  u ta’ tjubija. Intom imsejħin tibnu l-ġejjieni b’dawn ġesti: flimkien ma’ oħrajn u għall-oħrajn, imma qatt kontra ħaddieħor! Qatt ma tista’ tibni “kontra”, tkun qed tkisser. Tagħmlu affarijiet meraviljużi jekk sa minn issa  stess thejju ruħkom sew billi tgħixu l-milja taż-żgħożija tagħkom li hi mimlija b’tant doni u bla ma tibżgħu mill-impenn. Agħmlu bħaċ-champions tal-isport, li jilħqu l-iskop għoli tagħhom bit-taħriġ umli u iebes li jagħmlu kuljum. Araw li l-opri tal-ħniena jkunu l-programm tagħkom ta’ kuljum: tħarrġu fl-għixien tagħhom b’entużjażmu biex issiru champions tal-ħajja, champions tal-imħabba! B’hekk tingħarfu li intom dixxipli ta’ Ġesu’u jkollkom il-karta tal-identita’ tan-nisrani. U niżgurakom li l-ferħ tagħkom ikun sħiħ.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Vivienne Attard