Ifirħu dejjem fil-Mulej; nerġa’ ngħidilkom, ifirħu” (Fil 4:4).  Stedina li tolqot bil-qawwa kollha l-ħajja tagħna.  Ifirħu, jgħidilna San Pawl, b’qawwa kważi ta’ kmand.  Stedina li hi bħal eku tax-xewqa li lkoll kemm aħna għandna għal ħajja fil-milja tagħha, għal ħajja li tagħmel sens, għal ħajja hienja.  Donnu San Pawl kien kapaċi jisma’ l-qalb ta’ kull wieħed u waħda minna u jagħti vuċi lil dak li qed inħossu, li qed inġarrbu.  Hemm xi ħaġa fina li tistedinna għall-ferħ, biex ma nadattawx ruħna għal soluzzjonijiet temporanji li dejjem jippruvaw jikkuntentawna.

 

Imma lkoll kemm aħna ngħixuhom it-tensjonijiet tal-ħajja ta’ kuljum.  Huma bosta s-sitwazzjonijiet li donnhom ipoġġu f’dubju din l-istedina.  Id-dinamika li għaliha ħafna drabi aħna suġġetti donnha trid twassalna għal rassenjazzjoni ta’ diqa li naqra naqra tinbidel fi drawwa, b’konsegwenza qattiela: li traqqdilna lil qalbna.

 

Ma rridux li r-rassenjazzjoni tkun il-mutur ta’ ħajjitna – jew hekk irridu?  Ma rridux li d-drawwa taħkem il-jiem ta’ ħajjitna – jew iva?  Għalhekk nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Kif nagħmlu biex ma nraqqdux lil qalbna?  Kif ninżlu iżjed fil-fond tal-ferħ tal-Vanġelu fid-diversi sitwazzjonijiet ta’ ħajjitna?

 

Ġesù dan qalu lid-dixxipli ta’ żmienu u qed jgħidu lilna: Morru!  Xandru!  Il-ferħ tal-Vanġelu nistgħu nduquh, nagħrfuh u ngħixuh biss meta nagħtuh, meta nagħtu lilna nfusna.

 

L-ispirtu ta’ din id-dinja jistedinna għall-konformiżmu, għall-kumdità.  Quddiem dan l-ispirtu uman “għandna bżonn nisimgħu mill-ġdid li neħtieġu wieħed ta’ l-ieħor, li għandna responsabbiltà lejn l-oħrajn u lejn id-dinja” (Enċiklika Laudato si’, 229).  Ir-responsabbiltà li nħabbru l-messaġġ ta’ Ġesù.  Għax l-għajn tal-ferħ tagħna qiegħda f’dik ix-“xewqa bla temma li noffru ħniena, u dan ġej mill-fatt li aħna stess doqna mill-ħniena infinita tal-Missier u l-qawwa tiegħu bla tarf” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 24).  Morru għand kulħadd, xandrulhom bid-dilka u idilkuhom bix-xandira.  Għal dan qed jistedinna l-Mulej il-lum u jgħidilna:

il-ferħ tiegħu n-Nisrani jgħixu fil-missjoni: morru għand il-ġnus kollha ta’ l-art;

il-ferħ tiegħu n-Nisrani jsibu fi stedina: morru u ħabbru;

il-ferħ tiegħu n-Nisrani jġeddu u jwettqu b’sejħa: morru u idilku.

 

Ġesù qed jibgħatkom għand il-ġnus kollha.  Għand il-popli kollha.  U f’din il-“kollha” ta’ elfejn sena ilu kien hemm aħna wkoll.  Ġesù ma jagħtix xi lista selettiva ta’ min iva u min le, ta’ dawk li jixirqilhom jew ma jixirqilhomx li jirċievu l-messaġġ tiegħu, il-preżenza tiegħu.  Għall-kuntrarju, dejjem ħaddan miegħu l-ħajja kif ġiet quddiemu.  Bil-wiċċ tat-tbatija, il-ġuħ, il-mard, id-dnub.  B’wiċċ mimli ġrieħi, għatxan, għajjien.  Bil-wiċċ tad-dubji u li jġiblek ħniena.  Lil hemm milli stenna xi ħajja kollha xinxilli, imżejna, irtukkjata, hu ħaddanha miegħu kif resqet quddiemu.  Anki jekk kienet ħajja li ħafna drabi resqet quddiemu spiċċuta, maħmuġa, imkissra.  Għand kulħadd, qal Ġesù, lil kulħadd morru u ħabbru; lil din il-ħajja kollha, hi kif inhi, u mhux kif jogħġobna li tkun: Morru u f’ismi ħaddnu magħkom.  Morru f’salib it-toroq, morru… u xandru bla biża’, bla preġudizzji, bla superjorità, bla puriżmi lil dawk kollha li tilfu l-ferħ tal-ħajja, morru ħabbru t-tħaddina ħanina tal-Missier.  Morru għand dawk li qed jgħixu taħt it-toqol tat-tbatija, tal-falliment, ta’ ħajja mkissra u ħabbru l-ġenn ta’ Missier li jrid jidlikhom biż-żejt tat-tama, tal-fidwa.  Morru u xandru li l-iżbalji, l-illużjonijiet qarrieqa, l-inkomprensjonijiet, m’għandhomx l-aħħar kelma fil-ħajja ta’ persuna.  Morru biż-żejt li jserraħ il-ġrieħi u jagħti ħajja ġdida lill-qalb.

 

Il-missjoni qatt ma titwieled minn proġett perfettament elaborat jew minn manwal stutturat u pprogrammat tajjeb ħafna; il-missjoni titwieled dejjem minn ħajja li tħossha mfittxija u mfejqa, misjuba u maħfura.  Il-missjoni titwieled milli wieħed jagħmel esperjenza darba u iżjed drabi tad-dilka ħanina ta’ Alla.

 

Il-Knisja, il-Poplu Qaddis ta’ Alla, taf tiġġerra mat-toroq kollha trab ta’ l-istorja li tant drabi raw kunflitti, inġustizzji u vjolenza, biex issa tmur issib lil uliedha u ħutha.  Il-Poplu Qaddis u fidil ta’ Alla ma jibżax mill-iżball; jibża’ mill-għeluq, mill-kristalizzazzjoni elitista, li wieħed jintrabat maċ-ċertezzi tiegħu fejn iħossu fiż-żgur.  Jaf li l-għeluq, fil-kotra ta’ bixriet tiegħu, hu l-kawża ta’ tant rassenzjazzjonijiet.

 

Għalhekk, ejjew noħorġu, immorru noffru lil kulħadd il-ħajja ta’ Ġesù Kristu (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 49).  Il-Poplu ta’ Alla jaf jindiehes fil-ħajja tal-bnedmin għax hu dixxiplu ta’ Dak li niżel għarkubbtejh quddiem dawk li kienu tiegħu biex jaħslilhom saqajhom (ara ibid., 24).

 

Il-lum qegħdin hawn, stajna nkunu hawn għax kien hemm ħafna li kellhom il-kuraġġ li jwieġbu għal din is-sejħa, ħafna li emmnu li “il-ħajja tikber meta nagħtuha u tiddgħajjef fl-iżolament u l-kumdità” (Dokument ta’ Aparecida, 360).  Aħna wlied il-kuraġġ missjunarju ta’ ħafna li ppreferew ma jingħalquxfl-istrutturi li jagħtuna protezzjoni falza […] fid-drawwiet li fihom inħossuna trankwilli, waqt li hemm barra hemm folla kbira mġewħa” (Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 49).  Aħna midjunin ma’ Tradizzjoni, ma’ katina ta’ xhieda li għamluha possibbli li l-Bxara t-Tajba tal-Vanġelu tissokta tkun minn nisel għall-ieħor Ġdida u Tajba.

 

U l-lum qed infakkru wieħed minn dawk ix-xhieda li f’dawn l-artijiet għaraf jagħti xhieda tal-ferħ tal-Vanġelu: Padre Junipero Serra.  Fehem jgħix dik “il-Knisja li toħroġ”, din il-Knisja li taf toħroġ u timxi fit-toroq, biex taqsam il-ħlewwa rikonċiljatriċi ta’ Alla.  Għaraf iħalli artu, id-drawwiet tiegħu, kellu l-kuraġġ jiftaħ toroq ġodda, għaraf joħroġ jiltaqa’ ma’ ħafna u tgħallem jirrispetta d-drawwiet u l-karatteristiċi tagħhom.

 

Tgħallem inissel u jsieħeb il-ħajja ta’ Alla fl-uċuħ ta’ dawk li kien jiltaqa’ magħhom u jagħmilhom ħutu.  Junipero fittex jiddefendi d-dinjità tal-komunità nativa, jipproteġiha minn dawk li kienu abbużaw minnha.  Abbużi li l-lum għadhom inikktuna, speċjalment minħabba t-tbatija li jġibu fil-ħajja ta’ tant persuni.

 

Għażel motto li nebbaħ il-passi tiegħu u għaġinlu ħajtu: għaraf jgħid, imma fuq kollox għaraf jgħix ilissen: “Sempre adelante! – Nimxu dejjem ’il quddiem!”.  Dan kien il-mod li sab Junipero biex jgħix il-ferħ tal-Vanġelu, biex ma torqodlux qalbu.  Dejjem baqa’ miexi, għax il-Mulej qed jistenna; dejjem ’il quddiem, għax ħija qed jistenna; dejjem ’il quddiem, lejn dak kollu li kien jonqsu jgħix; dejjem mexa ’l quddiem.  Bħalma għamel hu dak iż-żmien, nistgħu aħna l-lum ngħidu: Ejjew nimxu dejjem ’il quddiem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard