«L-għajnuna tiegħek, Missier ħanin, tagħmilna dejjem attenti għal-leħen tal-Ispirtu» (Kolletta).

Din it-talba, li għidna fil-bidu tal-Quddiesa, tfakkarna f'atteġġjament fundamentali: li nisimgħu lill-Ispirtu s-Santu li jgħajjex il-Knisja u janimaha.  Bil-qawwa tiegħu li toħloq u ġġedded, l-Ispirtu dejjem imantni t-tama tal-Poplu t'Alla fil-mixja tiegħu tul l-istorja, u, bħala Paraklitu, imantni dejjem ix-xhieda tal-Insara.  F'dan il-ħin, ilkoll kemm aħna, flimkien mal-Kardinali l-ġodda, irridu nisimgħu il-leħen tal-Ispirtu li jitkellem permezz tat-tħabbir tal-Iskrittura.

Fl-ewwel qari smajna l-appell li l-Mulej jagħmel lill-poplu tiegħu: «Kunu qaddisin għax qaddis jien, il-Mulej Alla tagħkom» (Levitiku 19,2).  U kliem Ġesù, fl-Evanġelju huwa eku ta' dan: «Kunu perfetti bħalma hu perfett Missierkom li hu fis-sema» (Mattew 5,48).  Dan il-kliem huwa sejħa għalina lkoll, dixxipli tal-Mulej; u llum jolqtu speċjalment lili u likom, għeżież ħuti Kardinali, b'mod partikolari lilkom li lbieraħ sirtu membri tal-Kulleġġ tal-Kardinali.  L-imitazzjoni tal-qdusija u l-perfezzjoni ta' Alla jistgħu jidhru bħala mira li ma tistax tintlaħaq.  Madnakollu, l-ewwel qari u l-Evanġelju jtuna eżempji konkreti biex l-imġieba ta' Alla ssir regola ta' kif naġixxu.  Imma niftakru, ilkoll kemm aħna, niftakru li mingħajr l-ispirtu s-Santu l-isforzi tagħna jkunu fiergħa!  Qabel kollox, il-qdusija Nisranija mhix opra tagħna imma frott tal-manswetudni – frott ir-rieda u l-koltivazzjoni – lejn l-Ispirtu t'Alla Qaddis għal tlett darbiet.

Il-Levitiku jgħid: «La tbejjitx 'il ħuk f'qalbek....... la titħallasx b'idejk u la żżomx f'qalbek..... imma ħobb lil għajrek....» (19, 17-18).  Dawn l-atteġġjamenti jitwieldu mill-qdusija ta' Alla.  Soltu aħna nkunu tant differenti minn hekk, tant egoisti u suppervi.... eppure, it-tjubija u s-sbuħija ta' Alla jattirawna u l-Ispirtu s-Santu jista' jsaffina, jista' jibdilna, jista' jagħġinna jum wara jum.  Hemm bżonn inwettqu din il-ħidma ta' konverżjoni, konverżjoni tal-qalb, konverżjoni li lkoll kemm aħna, speċjalment intom il-Kardinali u jien – għandna bżonn nagħmlu.   Konverżjoni!

Fl-Evanġelju anki Ġesù jkellimna dwar il-qdusija u jispjegalna l-liġi l-ġdida, il-liġi tiegħu.  Dan jagħmlu billi juża antiteżi bejn il-ġustizzja imperfetta tal-Iskribi u l-Fariżej u l-ġustizzja superjuri tas-Saltna t'Alla.  L-ewwel antiteżi fis-silta tallum hija dwar il-vendetta. «Smajtu x'intqal: Għajn għal għajn u sinna għal sinna.  Imma jiena ngħidilkom: ….. jekk xi ħadd itik daqqa ta' ħarta fuq ħaddek il-lemin, inti dawwarlu wkoll haddek l-ieħor» (Mattew 5, 38-39).  Mhux biss m'għandniex inroddu d-deni b'deni, imma għandna nagħmlu ħilitna kollha biex nagħmlu l-ġid bl-abbundanza.

It-tieni antiteżi tirreferi għall-għedewwa: «Smajtu x'intqal: ħobb lill-proxxmu u obgħod lill-għadu».  «Imma jiena ngħidilkom: ħobbu lill-għedewwa tagħkom u itolbu għal dawk li jippersegwitawkom» (versi 43-44).  Lil min irid jimxi warajh, Ġesù jitolbu jħobb li min ma jistħoqqlux, mingħajr ma jistenna xejn lura, biex jimtela' l-vojt li hemm fil-qlub, fir-realzzjonijiet umani, fil-familji, fil-komunitajiet, fid-dinja.

Ħuti Kardinali, Ġesù ma ġiex biex jgħallimna l-manjieri tajbin, il-manjieri tas-salott!  Għal dan ma kienx ikollu għalfejn jinżel mis-Sema u jmut fuq is-Salib.  Kristu ġie biex isalvana, biex jurina t-triq, l-unika triq li teħlisna mill-belliegħa tad-dnub, u din it-triq hi dik tal-qdusija u tal-ħniena, dik li għamel Hu, u li jimxi magħna fiha ta' kuljum.  Il-qdusija mhix lussu, hija meħtieġa għas-salvazzjoni tad-dinja.  Dan hu dak li jitlob minna l-Mulej.

Għeżież ħuti Kardinali, il-Mulej Ġesù u Ommna l-Knisja jitolbuna nkunu xhieda ta' dawn l-atteġġjamenti ta' qdusija, b'żelu u ħeġġa akbar.  Il-qdusija tal-Kardinal hija propju ż-żjieda fil-ħeġġa tal-offerta gratwita tiegħu innifsu.  Għalhekk inħobbu lil dawk li huma ostili għalina; inbierku lil min iqassas fuqna; insellmu bi tbissima lil min forsi ma jistħoqqlux; ma nippruvawx nuru kemm niswew, imma l-prepotenza niġġilduha bil-manswetudni; ninsew l-umiljazzjonijiet li rċevejna.  Inħallu l-Ispirtu ta' Kristu, li ssagrifika ruħu fuq is-Salib, imexxina dejjem, biex inkunu dejjem in-nixxiegħat li minnhom iġġelben il-karità tiegħu.  Dan hu l-atteġġjament, din għandha tkun l-imġieba tal-Kardinal.  Il-Kardinal – ngħidha speċjalment lilkom – jidħol fil-Knisja ta' Ruma, ma jidħolx f'xi palazz.  Nevitaw ilkoll, u ngħinu lil xuxlin biex nevitaw, drawwiet u mġieba li ssibhom f'xi palazz irjali: intrigi, tqassis, klikek, favuri, preferenzi.  Il-lingwaġġ tagħna għandu jkun dak tal-Evanġelju: “iva, iva; le, le”; l-atteġġjamenti tagħna għandhom ikunu mnebbħin mill-Beatitudnijiet, u t-triq tagħna tkun dik tal-qdusija.  Nitolbu mill-ġdid: “L-għajnuna tiegħek, Missier ħanin, iżżommna dejjem miftuħa għal-leħen tal-Ispirtu”.

L-Ispirtu li qed ikellimna llum anki permezz tal-kliem ta' San Pawl: «Kunu tempji tal-Mulej... qaddis hu t-tempju tal-Mulej, li hu intom» (I Korintin 3, 16-17).  F'dan it-tempju, li hu aħna, tiġi ċelebrata liturġija eżistenzjali: dik tat-tjubija, tal-maħfra, tas-servizz, f'kelma waħda, il-liturġija tal-imħabba.  Dan it-tempju tagħna jkun qisu profanat jekk nittraskuraw dmirijietna lejn il-proxxmu.  Meta l-iżgħar wieħed minn dawn hħutna jsib kenn fi qlubna, jkun Alla stess li jsib il-kenn.  Meta dak ħuna jitħalla barra, jkun Alla stess li ma jkunx qed jiġi milqugħ.  Qalb għerja mill-imħabba qiesha knisja skonsagrata, mneżża' mis-servizz divin u destinata għal affarijiet oħra.

Għeżież ħuti Kardinali, ejjew nibqgħu magħqudin fi Kristu u bejnietna!  Nitlobkom tkunu qrib tiegħi bit-talb, bil-pariri, bil-kollaborazzjoni.  U intom ilkoll, isqfijiet, presbiteri, djakni, persuni konsagrati u lajċi, inagħqdu f'invokazzjoni lill-Ispirtu s-Santu sabiex il-Kulleġġ tal-Kardinali jibqa' dejjem imħeġġeġ bil-karità pastorali, ikun aktar mimli bil-qdusija ħalli jservi l-Evanġelju u jgħin lill-Knisja tifrex ir-raġġi tal-imħabba ta' Kristu madwar id-dinja.

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber.