Ġejna pellegrini f’din il-Bażilika ta’ San Bartilmew fuq l-Isola Tiberina, fejn l-istorja antika tal-martirju tingħaqad mat-tifkira tal-martri ġodda, tal-ħafna Nsara maqtula mill-ideoloġiji boloh tas-seklu li għadda – u anki llum – u maqtula biss għax dixxipli ta’ Ġesù.

 

It-tifkira ta’ dawn ix-xhieda erojċi kemm antiki u kemm riċenti tikkonfermana fl-għarfien li l-Knisja hi Knisja jekk hi Knisja tal-martri. U l-martri huma dawk li, kif fakkarna l-Ktieb tal-Apokalissi, “ġejjin mit-taħbit il-kbir, u l-ilbiesi tagħhom ħasluhom u bajduhom fid-demm tal-Ħaruf” (7:17). Huma kellhom il-grazzja li jistqarru lil Ġesù sal-aħħar, sa mewthom. Huma jbatu, huma jagħtu ħajjithom, u aħna nirċievu l-barka ta’ Alla minħabba fix-xhieda tagħhom. U hekk ukoll tant martri moħbija, dawk l-irġiel u nisa fidili lejn il-qawwa ħelwa tal-imħabba, lejn il-leħen tal-Ispirtu s-Santu, li fil-ħajja ta’ kuljum ifittxu li jgħinu lil ħuthom u li jħobbu lil Alla bla riservi.

 

Jekk inħarsu sewwa, il-kawża ta’ kull persekuzzjoni hi l-mibegħda: il-mibegħda tal-prinċep ta’ din id-dinja lejn dawk li ġew salvati u mifdija minn Ġesù bil-mewt u l-qawmien tiegħu. Fis-silta tal-Vanġelu li għadna kemm smajna (ara Ġw 15:12-19), Ġesù juża kelma qawwija u li tbeżża’: il-kelma “mibegħda”. Hu, li hu l-imgħallem tal-imħabba, li tant kien iħobb jitkellem dwar l-imħabba, hawn jitkellem fuq il-mibegħda. Imma hu ried dejjem isejjaħ l-affarijiet b’isimhom. U jgħidilna: “La tibżgħux! Id-dinja għad tobgħodkom; imma kunu afu li qabilkom bagħdet lili”.

 

Ġesù għażilna u fdiena, bid-don mogħti b’xejn ta’ mħabbtu. Bil-mewt u l-qawmien tiegħu fdiena minn taħt il-ħakma tad-dinja, minn taħt il-ħakma tax-xitan, minn taħt il-ħakma tal-prinċep ta’ din id-dinja. U l-bidu tal-mibegħda hu dan: billi aħna mifdija minn Ġesù, u l-prinċep tad-dinja dan ma jridux, hu jobgħodna u jqajjem il-persekuzzjoni, li sa minn żmien Ġesù u l-Knisja tal-bidu għadha għaddejja sa żminijietna. Kemm komunitajiet Insara llum huma vittmi ta’ persekuzzjoni! Għaliex? Minħabba fil-mibegħda tal-ispirtu tad-dinja.

 

Kemm drabi f’mumenti diffiċli tal-istorja, instema’ min jgħid: “Illum pajjiżna għandu bżonn tal-eroj”. Il-martri nistgħu naħsbuh eroj, imma l-aspett fundamentali tal-martri hu li sab “grazzja”: hi l-grazzja ta’ Alla, mhux il-kuraġġ, li tagħmel il-martri. Illum, bl-istess mod nistgħu nistaqsu: “X’għandha bżonn il-Knisja llum?”. Ta’ martri, ta’ xhieda, jiġifieri ta’ qaddisin ta’ kuljum. Għax lill-Knisja huma l-qaddisin li jmexxuha ’l quddiem. Il-qaddisin: mingħajrhom, il-Knisja ma tistax tibqa’ miexja ’l quddiem. Il-Knisja għandha bżonn tal-qaddisin ta’ kuljum, dawk tal-ħajja ordinarja, li jmexxuha b’koerenza; imma anki ta’ dawk li għandhom il-kuraġġ jilqgħu l-grazzja li jkunu xhieda sat-tmiem, sal-mewt. Dawn kollha huma d-demm ħaj tal-Knisja. Huma x-xhieda li jmexxu l-Knisja ’l quddiem; dawk li jagħtu xhieda li Ġesù qam tassew, li Ġesù hu ħaj, u dan jixhduh bil-koerenza ta’ ħajjithom u bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu li huma rċivew bħala don.

 

Jiena llum nixtieq inżid ikona oħra, f’din il-knisja. Ta’ mara. Isimha ma nafux. Imma hi qed tħares fuqna mis-Sema. Kont Lesbo, qed insellem lir-rifuġjati, u ltqajt ma’ wieħed ta’ xi tletin sena, bi tlitt itfal. Ħares lejja u qalli: “Dun, jien Musulman. Marti kienet Nisranija. F’pajjiżna ġew it-terroristi, xeħtu għajnejhom fuqna u staqsewna ta’ liema reliġjon konna, u lilha rawha bil-Kurċifiss, u qalulha biex tixħtu mal-art. Dan hi m’għamlitux u ħanxruha quddiemi. Konna ninħabbu ħafna!”. Din hi l-ikona li ġibt miegħi llum bħala rigal hawnhekk. Ma nafx jekk dak ir-raġel għadux Lesbo jew irnexxilux imur band’oħra. Ma nafx wasalx biex ħareġ minn dak il-kamp tal-konċentrament, għax il-kampijiet tar-rifuġjati – ħafna minnhom – huma tal-konċentrament, meta tara l-folla kbira ta’ nisa mitluqa hemm. U l-popli ġenerużi li jilqgħuhom iridu jġorru wkoll dan il-piż, għax il-ftehim internazzjonali donnu hu iżjed importanti mid-drittijiet umani. U dan ir-raġel ma kellux rabja fih: hu, Musulman, kellu dan is-salib tat-tbatija li kompla jġorru bla rabja. Kien isib kenn fl-imħabba ta’ martu, li sabet il-grazzja tal-martirju.

 

Li niftakru f’dawn ix-xhieda tal-fidi u nitolbu f’dan il-post hu don kbir. Hu don għall-Komunità ta’ Sant’Eġidju, għall-Knisja f’Ruma, għall-Komunitajiet Insara kollha ta’ din il-belt, u għal tant pellegrini. Il-wirt ħaj tal-martri llum jagħtina l-paċi u l-għaqda. Huma jgħallmuna li, bil-qawwa tal-imħabba, bil-ħlewwa, nistgħu neħduha kontra l-prepotenza, il-vjolenza, il-gwerra, u bis-sabar nistgħu naslu għall-paċi. U allura nistgħu nitolbu hekk: O Mulej, agħmilna xhieda denji tal-Vanġelu u ta’ mħabbtek; sawwab il-ħniena tiegħek fuq il-bnedmin kollha; ġedded il-Knisja tiegħek, ħares lill-Insara ppersegwitati, rodd malajr is-sliem lid-dinja kollha. Lilek, Mulej, kull glorja, u għalina, Mulej, il-mistħija (ara Dan 9:7).

 


 

Ringrazzjament wara l-laqgħa mar-rifuġjati:

 

Tislima ċkejkna, u biex nirringrazzjakom ta’ dak kollu li intom tagħtuna. Grazzi ħafna. Il-Mulej iberikkom.

 

Tislima tal-aħħar quddiem il-Bażilika:

 

Nirringrazzjakom tal-preżenza u tat-talb tagħkom f’din il-knisja tal-martri. Ejja naħsbu fil-kefrija, il-ħruxija li llum qed tippersegwita lil tant nies; l-isfruttament tal-persuni… Dawk li jaslu fuq id-dgħajjes u mbagħad jibqgħu hemm, fil-pajjiżi ġenerużi bħall-Italja u l-Greċja li jilqgħuhom, imma mbagħad it-trattati internazzjonali ma jħalluhomx… Jekk fl-Italja kellna nilqgħu tnejn, żewġ immigranti kull komun, kien ikun hemm post għal kulħadd. U din il-ġenerożità tan-Nofsinhar, ta’ Lampedusa, ta’ Sqallija, ta’ Lesbo, jalla tat-Tramuntana jittieħdu xi ftit minnha. Hu minnu: sirna ċiviltà li mhix iġġib tfal, imma qegħdin nagħlqu wkoll il-bibien tagħna għall-immigranti. Dan jissejjaħ suwiċidju. Nitolbu!

 

[Barka]

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard