Aħna nkunu ferħana meta naqsmu l-ħobż tal-Kelma, u minn hawn u ftit ieħor inħossu l-ferħ ta’ meta naqsmu u nirċievu l-Ħobż tal-Ewkaristija, l-ikel li jsaħħaħna fil-mixja ta’ ħajjitna. Ilkoll neħtieġuh dan l-ikel, kulħadd jeħtieġu mingħajr ma jitħalla barra ħadd,  għax aħna lkoll tallaba meta niġu għal dak  li hu essenzjali, għall-imħabba t’Alla,  li tagħti sens lil ħajjitna u l-ħajja bla tmiem.  Mela, illum ukoll noħorġu idejna  quddiemu biex jagħtina d-doni tiegħu.

Il-parabbola tal-Evanġelju tkellimna propju dwar doni. Tgħidilna li Alla tana  talenti, ta lil “kull wieħed skont il-ħila tiegħu” (Mt 25,15). L-ewwel ħaġa li rridu nagħmlu  hi li  nirrikonoxxuha din il-ħaġa: aħna għandna talenti, quddiem Alla aħna “nies b’talenti”.  Mela, ħadd minna ma jista’ jħoss li ma jiswa għalxejn, ħadd ma jista’ jgħid li hu daqshekk fqir li m’għandu xejn x’jagħti lill-oħrajn.  Aħna lkoll magħżula u mbierka minn Alla, li jixtieq  ifawwar fuqna d-doni tiegħu, aktar milli jixtiequ jagħmlu missier u omm ma’ uliedhom.  U Alla, li f’għajnejh ebda iben ma jista’ jkun skartat, jafda missjoni lil kull wieħed u waħda minna.

Tant hu hekk, li ta’ Missier li jħobb u esiġenti li hu,  jagħmilna wlied responsabbli. Il-parabbola tgħidilna li kull qaddej ġie mogħti talenti biex ikattarhom.  Iżda filwaqt li l-ewwel tnejn wettqu l-missjoni tagħhom, it-tielet wieħed ma ħaddimx it-talenti tiegħu; ta lura biss dak li kien mogħti lilu. Qal:“Bżajt u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek” (v.25).   Għall-imġiba ta’ dan il-qaddej kien hemm  kliem  iebes: “Qaddej ħażin u għażżien” (v.26). Xinhu dak  li ma għoġobx lill-Mulej f’dan il-qaddej? Hemm kelma li forsi llum ma tantx nużawha, iżda hi attwali ħafna: l-ommissjoni. Il-ħażin tiegħu kien li m’għamilx it-tajjeb. Spiss, aħna wkoll naħsbu  li m’għamilna xejn ħażin, u  allura nikkuntentaw ruħna  għax minn għalina  li aħna tajbin u ġusti.  Hekk nirriskjaw li nġibu ruħna bħall-qaddej ħażin:  hu  m’għamel xejn ħażin ukoll, it-talent ma rvinahx, anzi mar jaħbih fl-art. Iżda mhux biżżejjed li ma nagħmlu xejn ħażin, għax Alla mhux xi inspector li joqgħod ifittex jekk il-biljetti humiex ittimbrati; imma hu Missier li jfittex lil uliedu biex jafdalhom ġidu u l-pjanijiet tiegħu (ara v.14). Issewwed qalbek meta tara li l-Missier li tant iħobb  ma jirċevix tweġiba ġeneruża ta’ mħabba mingħand uliedu għax huma  jfittxu  biss li  jirrispettaw ir-regoli, iwettqu l-kmandamenti, bħal lavranti f’dar  il-Missier ( ara Lq 15,17).

 Il-qaddej ħażin irċieva talent mingħand il-Mulej li jagħtina d-doni  biex inkattruhom;  ħa ħsiebu t-talent, iżda kkuntenta ruħu biss billi mar jaħbih. Imma min iħabbel rasu  biss biex jikkonserva u jħares it-teżori tal-passat mhuwiex  fidil lejn Alla.  Il-parabbola tgħidilna  li l-“fidil” tassew  ifittex li  jżid talenti ġodda ( vv. 21.23), għax dan jaħsibha bħal  Alla u ma  jibqax b’idejh marbuta ma jagħmel xejn: jirriskja għall-imħabba, jagħti ħajtu għall-oħrajn; ma jaċċettax li kollox jibqa’ kif inhu. Ħaġa waħda jħalli għaddejja: l-interessi personali tiegħu. Din hi l-ommissjoni waħdanija ġusta.

L-ommissjoni hi wkoll dnub kbir fejn jidħlu l-foqra. Hawhekk  l-ommissjoni tieħu isem preċiż: indifferenza. F’dan il-kas, wieħed ikun qed jgħid: “Jien m’għandix x’naqsam; din mhux affari tiegħi, hu tort tas-soċjeta’”.  Hekk  jiġri meta nara lil ħija fil-bżonn u ndawwar wiċċni n-naħa l-oħra, meta nagħlaq widnejja għal xi ħaġa  li tagħtini fastidju, meta nirrabja quddiem  dak li hu ħażin u ma nagħmel xejn dwaru.  Alla mhux ser jistaqsina jekk irrabjajniex b’mod ġust, imma jekk għamilniex xi ħaġa ta’ ġid.

Allura, konkretament, x’nistgħu nagħmlu biex nogħġbu lil Alla?   Meta, per eżempju, niġu biex nagħtu rigal  lil xi persuna għażiża għalina,  l-ewwel ħaġa li  rridu nagħmlu biex inkunu żguri li dan ir-rigal jogħġobha, hi li nsiru nafu l-gosti tagħha. U hekk nevitaw  li r-rigal ikun  jogħġob aktar  lil min jagħtih milli lil min jirċevih. Meta niġu biex noffru xi ħaġa lill-Mulej, il-gosti tiegħu nsibuhom fl-Evanġelju. Preċiż  wara s-silta li smajna llum, insibu li Ġesu’ qal: “Kull ma għamiltu ma’ wieħed mill-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi” (Mt 25,40). L-iżgħar fost dawn ħutu, dawk l-aktar għal qalbu huma:  min hu bil-ġuħ u marid, il-barrani u l-ħabsi, il-fqir u l-imwarrab, il-batut mingħajr għajnuna u dak fil-bżonn u skartat. Fuq wiċċhom nistgħu nilmħu l-wiċċ tiegħu; fuq xufftejhom, anki jekk magħluqin bit-tbatija, hemm il-kliem tiegħu: “Dan hu ġismi” ( Mt 26,26). Ġesu’ fil-fqir  u bil-għatx  iħabbat fuq il-bieb ta’ qlubna u  jitlob imħabbitna.  Meta nirbħu l-indifferenza u f’isem Ġesu’ nagħtu lilna nfusna għall-iżgħar fost ħutu, aħna nkunu tassew ħbieb fidili tiegħu u hu  jieħu gost ikunu magħna.  Alla japprezzah dan; japprezza dik l-imġiba  li smajna dwarha fl-ewwel qari: “mara ta’ ħila” li “tiftaħ mal-fqir idejha, tmidd idejha lejn l-imsejken” ( Prov. 31, 10.20). Din hi l-vera qawwa: mhux idejn magħluqa u dirgħajn marbuta, imma idejn miftuħa lesti li jnewlu l-għajnuna lill-fqir, lill-ġisem ferut tal-Mulej.

Fil-fqir tidher il-preżenza ta’ Ġesu’, li għad li kien għani ftaqar ( ara 2 Kor 8,9). Għalhekk fil-foqra, fid-dgħufija tagħhom, hemm “forza salvifika”.  U jekk f’għajnejn id-dinja  ma tantx  jidher li għandhom valur, iżda huma dawk li jiftħulna l-bieb tas-sema, huma “l-passaport tagħna għall-ġenna”. Hu dmir evanġeliku għalina li nieħdu ħsiebhom; huma l-veru għana tagħna. U rridu nieħdu ħsiebhom  mhux biss billi nagħtuhom il-ħobż x’jieklu, imma billi naqsmu magħhom il-ħobż tal-Kelma t’Alla; huma d-destinatarji l-aktar naturali tagħha. Tħobb il-fqir ifisser li tiġġieled kontra kull faqar spiritwali u materjali.

U jagħmlilna l-ġid: li nkunu qrib ta’ min hu aktar fqir minna għax din hi xi ħaġa li tolqot  lil ħajjitna. Tfakkarna  f’dak li tassew jiswa: tħobb lil Alla u lill-proxxmu. Dan biss jibqa’ għal dejjem; il-bqija kollu jispiċċa; dak li ninvestu fl-imħabba jibqa’, il-bqija jisparixxi. Illum nistgħu nistaqsu lilna nfusna: “Xinhu dak li jgħodd f’ħajti? Fiex qed ninvesti?”  Fil-ġid li jgħaddi,  li d-dinja  dejjem għatxana għalih u qatt  ma hi sodisfatta, jew fir-rikkezza ta’ Alla li twassal għall-ħajja ta’ dejjem? Quddiemna għandna din l-għażla: jew  ngħixu biex nakkwistaw il-ġid ta’ din l-art  inkella  nagħtu minn dak li jkollna biex nirbħu s-sema”. Għax  għas-sema ma jgħoddx dak li għandek, imma dak li tagħti u “ min jiġma’ l-ġid għalih innifsu, ma jistgħaniex quddiem Alla” (Lq 12,21 ).

Mela ejjew ma nfittxux iżżejjed għalina, imma nfittxu l-ġid għall-oħrajn, u  xejn minn dak li jiswa ma jkun jonqosna.  Jalla l-Mulej, li ħenn għall-faqar tagħna u jlibbisna bit-talenti tiegħu, jagħtina l-għerf li nfittxu dak li jgħodd u  l-kuraġġ  li nħobbu, mhux bil-kliem imma bil-fatti.  

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard