QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI:

- VINĊENZ GROSSI

- MARIJA TA’ L-IMMAKULATA KUNĊIZZJONI

- LUDOVIKU MARTIN U MARIJA AZELIA GUÉRIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Id-XXIX Ħadd ta’ Matul is-Sena, 18 ta’ Ottubru 2015

 

Il-qari mill-Iskrittura l-lum jippreżentalna t-tema tal-qadi u jsejħilna nimxu wara Ġesù fit-triq ta’ l-umiltà u tas-salib.

 

Il-profeta Isaija jurina l-figura tal-Qaddej ta’ Jaħweh (53:10-11) u l-missjoni tiegħu ta’ salvazzjoni.  Għandna hawn persunaġġ li ma jiftaħarx b’xi arblu tar-razza illustri, hu mżeblaħ, mistmerr minn kulħadd, espert fit-tbatija.  Wieħed li ħadd ma jattribwilu xi kisbiet grandjużi, lanqas diskorsi ċelebri, imma li jwettaq il-pjan ta’ Alla permezz ta’ preżenza umli u siekta u permezz tat-tbatija tiegħu.  Fil-fatt, il-missjoni tiegħu jwettaqha permezz tat-tbatija, u hekk jista’ jifhem lil min qed ibati, u billi jerfa’ l-madmad tal-ħtijiet ta’ l-oħrajn u jpatti għalihom.  L-emarġinazzjoni u t-tbatija tal-Qaddej ta’ Alla, imtawla sa mewtu, iħallu l-frott, u hekk jaslu biex jeħilsu u jifdu l-kotra.

 

Ġesù hu l-Qaddej tal-Mulej: ħajtu u mewtu, kollha kemm huma fl-għamla ta’ qadi (ara Fil 2:7), kienu kawża tal-fidwa tagħna u tar-rikonċiljazzjoni tal-bnedmin ma’ Alla.  Il-kerygma, qalba tal-Vanġelu, tixhdilna li fil-mewt u l-qawmien tiegħu seħħu l-profeziji tal-Qaddej tal-Mulej.  Ir-rakkont ta’ San Mark jiddeskrivilna x-xena ta’ Ġesù jiddibatti mad-dixxipli Ġakbu u Ġwanni, li – imġiegħla minn ommhom – riedu joqogħdu fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu fis-saltna ta’ Alla (ara Mk 10:37), xtaqu postijiet ta’ ġieħ, skond viżjoni ġerarkika li kellhom huma ta’ din l-istess saltna.  Il-perspettiva tagħhom hi iktar u iktar imtappna minn ħolm ta’ suċċessi fuq din l-art.  Ġesù għalhekk jagħti l-ewwel “skoss” lil dawk il-konvinzjonijiet tad-dixxipli billi jfakkarhom x’inhi l-mixja tiegħu fuq din l-art: “Il-kalċi li se nixrob jien tixorbuh, iva, u titgħammdu wkoll bil-magħmudija li biha se nitgħammed jien; imma li wieħed joqgħod fuq il-lemin jew fuq ix-xellug tiegħi, din m’hijiex ħaġa tiegħi li nagħtiha jien, imma hi għal dawk li għalihom kienet imħejjija” (vv. 39-40).  Bix-xbieha tal-kalċi, Hu jiżgura lil dawn it-tnejn il-possibbiltà li jitwaħħdu sa l-aħħar mad-destin tiegħu ta’ tbatija, imma mingħajr ma jiggarantilhom il-postijiet ta’ ġieħ li xtaqu.  It-tweġiba tiegħu hi stedina biex jimxu warajh fit-triq ta’ l-imħabba u tal-qadi, u jwarrbu t-tentazzjoni mondana li jridu jispikkaw u jikkmandaw fuq l-oħrajn.

 

Quddiem nies li moħħha biex tikseb poter u suċċess, biex tidher, quddiem nies li trid min jagħraf il-merti tagħha, ix-xogħol tagħha, id-dixxipli huma msejħin jagħmlu l-kuntrarju.  Għalhekk iwissihom: “Tafu intom, dawk in-nies, li l-bnedmin jgħodduhom bħala kapijiet tal-pagani, jaħkmu fuqhom, u l-kbarat tagħhom iħaddmu s-setgħa tagħhom fuqhom.  Fostkom ma għandux ikun hekk, imma min irid ikun kbir fostkom, għandu jkun qaddej tagħkom” (vv. 42-44).  B’dawn il-kelmiet juri li l-qadi hu l-istil ta’ awtorità li għandu jitħaddem fil-komunità Nisranija.  Min jaqdi lill-oħrajn u hu tassew bla ebda ġieħ ta’ xejn ikun qed iħaddem il-vera awtorità fil-Knisja.  Ġesù jistedinna nibdlu l-mentalità tagħna u ngħaddu mill-kilba tas-setgħa għall-ferħ ta’ min jinħeba minn għajnejn in-nies biex jaqdi; biex inqaċċtu l-istint tal-ħakma fuq l-oħrajn u nħaddmu l-virtù ta’ l-umiltà.

 

U wara li ppreżenta l-mudell li m’għandux jiġi imitat, joffri lilu nnifsu bħala ideal lejn xiex inħarsu.  Fl-imġiba ta’ l-Imgħallem il-komunità tista’ ssib il-motivazzjoni għal perspettiva ġdida ta’ ħajja: “Għax hekk ukoll Bin il-bniedem, hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra” (v. 45).  Fit-tradizzjoni Biblika, Bin il-bniedem hu dak li jirċievi minn għand Alla “ħakma, ġieħ u saltna” (Dan 7:14).  Ġesù jimla b’sens ġdid din ix-xbieha u jippreċiża li Hu għandu l-ħakma għax hu qaddej, il-ġieħ għax kapaċi jitbaxxa, is-saltna għax hu miftuħ biex jagħti ħajtu sħiħa bħala don.  Fil-fatt, hu bil-passjoni u l-mewt tiegħu li Hu jirbaħ l-aħħar post, jilħaq l-ikbar livell ta’ qadi, u jagħmel minn dan kollu don għall-Knisja tiegħu.

 

Ma jaqblu xejn ma’ xulxin il-mod kif nifhmu s-setgħa skond il-kriterji tad-dinja u l-qadi umli li għandu jikkaratterizza l-awtorità skond it-tagħlim u l-eżempju ta’ Ġesù.  L-ambizzjoni u l-karreriżmu ma jaqblu xejn mal-mixja wara Kristu; l-unuri, is-suċċess, il-fama, it-trijonfi ta’ din l-art ma jaqblux mal-loġika ta’ Kristu msallab.  Min-naħa l-oħra, Ġesù “espert fit-tbatija” jaqbel sew mat-tbatija tagħna.  Dan tfakkarhulna l-Ittra lil-Lhud, li tippreżenta lil Kristu bħala l-qassis il-kbir li f’kollox jaqsam magħna fil-qagħda tagħna ta’ bnedmin, barra fid-dnub: “Għax aħna ma għandniex qassis il-kbir li ma jistax jagħder id-dgħufija tagħna, imma għandna wieħed li kien imġarrab bħalna f’kollox, minbarra d-dnub” (4:15).  Essenzjalment Ġesù jħaddem saċerdozju ta’ ħniena u ta’ kompassjoni.  Hu għamel l-esperjenza diretta tad-diffikultajiet tagħna, jaf minn ġewwa l-qagħda umana tagħna; billi ma ġarrabx id-dnub, dan ma jżommux milli jifhem lill-midinbin.  Il-glorja tiegħu m’hix dik ta’ l-ambizzjoni jew tal-kilba għall-ħakma, imma l-glorja ta’ l-imħabba lejn il-bnedmin, billi jieħu fuqu u jaqsam magħhom fid-dgħufija tagħhom u joffrilhom il-grazzja li tfejjaq, iseħibhom bi ħlewwa bla tarf, iseħibhom fil-mixja mqallba ta’ ħajjithom.

 

Kull wieħed u waħda minna, bħala mgħammed, għandu sehem mis-saċerdozju ta’ Kristu; il-fidili lajċi għandhom sehem fis-saċerdozju komuni, is-saċerdoti fis-saċerdozju ministerjali.  Għalhekk, ilkoll nistgħu nirċievu l-imħabba li tgelgel mill-Qalb miftuħa tiegħu, kemm għalina nfusna u kemm għall-oħrajn: insiru “kanali” ta’ mħabbtu, tal-ħniena tiegħu, speċjalment għal dawk kollha li qed ibatu, huma muġugħa, qalbhom maqtugħa jew iħossuhom waħidhom.

 

Dawk li l-lum ġew ipproklamati Qaddisin, il-ħin kollu qdew b’umiltà u mħabba straordinarja lil ħuthom, u hekk saru jixbhu lill-Imgħallem Divin.  San Vinċenz Grossi kien kappillan żelanti, dejjem ħsiebu fil-ħtiġijiet tal-poplu tiegħu, speċjalment fid-dgħufijiet taż-żgħażagħ.  Għal kulħadd qasam b’ħeġġa l-ħobż tal-Kelma u sar Samaritan it-tajjeb għal dawk l-iktar fil-bżonn.

 

Santa Marija ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni xorbot mill-għejun tat-talb u tal-kontemplazzjoni, u hekk għexet hi qabel xejn b’umiltà kbira l-qadi ta’ l-iżjed ċkejknin, b’attenzjoni partikulari għal ulied il-foqra u għall-morda.

 

Il-koppja qaddisa Ludoviku Martin u Marija Azelia Guérin għexu l-qadi Nisrani fil-familja, billi jum wara jum bnew ambjent mimli fidi u mħabba; u f’din il-klima tnisslu u trawmu l-vokazzjonijiet ta’ wliedhom bniet, fosthom Santa Teresa tal-Bambin Ġesù.

 

Ix-xhieda kollha dawl ta’ dawn il-Qaddisin ġodda tixprunana biex nipperseveraw fit-triq tal-qadi hieni lil ħutna, u nafdaw fl-għajnuna ta’ Alla u fil-ħarsien matern ta’ Marija.  Mis-Sema huma jħarsuna u jweżnuna bl-interċessjoni qawwija tagħhom.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard