Bħala poplu ta’ Alla qed nibdew il-mixja tar-Randan, żmien li fih infittxu li nissieħbu iktar mill-qrib mal-Mulej, biex naqsmu miegħu l-misteru tal-Passjoni u l-Qawmien tiegħu.

 

Il-liturġija tal-lum tipproponila fuq kollox is-silta mill-Profeta Ġoel, mibgħut minn Alla biex isejjaħ lill-poplu għall-penitenza u l-konverżjoni, minħabba f’diżgrazzja naturali (invażjoni ta’ ġradijiet) li tolqot lil-Lhudija.  Il-Mulej waħdu jista’ jsalvahom minn dan il-flaġell u għalhekk hemm bżonn li jduru lejh bit-talb u s-sawm, u jistqarru dnubhom.

 

Il-profeta jinsisti fuq l-indiema tal-qalb: “Erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” (2:12).

 

Nerġgħu lura lejn il-Mulej “bi qlubna kollha” ifisser naqbdu mhux mixja ta’ konverżjoni superfiċjali u transitorja, imma mixja spiritwali li tmiss l-aktar post intimu tal-persuna tagħna.  Fil-fatt, il-qalb hi s-sede tas-sentimenti tagħna, iċ-ċentru li fih jitrawmu l-għażliet tagħna, l-atteġġjamenti tagħna.  Dik l-“erġgħu duru lejja bi qlubkom kollha” m’hix biss għall-persuni singoli, imma titwessa’ għall-komunità sħiħa, hi sejħa għal kulħadd: “Iġbru l-poplu, qaddsu l-ġemgħa, għajtu ’x-xjuħ, iġbru t-tfal, u t-trabi tal-ħalib!  Ħa joħroġ l-għarus minn ġo kamartu u l-għarusa mill-kmajra tagħha!” (v. 16).

 

Il-profeta jieqaf b’mod partikulari fuq it-talba tas-saċerdoti, u josserva li din għandha tkun imsieħba mid-dmugħ.  Jagħmlilna tajjeb, lilna lkoll, imma speċjalment lilna s-saċerdoti, fil-bidu ta’ dan ir-Randan, li nitolbu d-don tad-dmugħ, biex hekk it-talba u l-mixja tal-konverżjoni tagħna nagħmluhom dejjem iżjed awtentiċi u bla wiċċ b’ieħor.  Nagħmlu sew nistaqsu lilna nfusna: “Jien qed nibki?  Il-Papa jibki?  Il-kardinali jibku?  L-isqfijiet jibku?  L-ikkonsagrati jibku?  Is-saċerdoti jibku?  Hemm dmugħ fit-talb tagħna?”.  Hu sewwa sew dan il-messaġġ tal-Vanġelu tal-lum.  Fis-silta minn Mattew, Ġesù jaqra mill-ġdid it-tliet opri ta’ tjieba li nsibu fil-liġi ta’ Mosè: il-karità, it-talb u s-sawm.  U jiddistingwi l-fatt estern minn dak intern, minn dak il-biki tal-qalb.  Matul iż-żmien, dawn il-preskrizzjonijiet inġabu fix-xejn mis-sadid tal-formaliżmu esterjuri, jew saħansitra nbidlu f’sinjal ta’ superjorità soċjali.  Ġesù jfakkar f’tentazzjoni komuni f’dawn it-tliet opri, li nistgħu niġbruha sewwa sew fl-ipokrezija jew il-wiċċ b’ieħor (dan isemmih għal tliet darbiet): “Qisu li l-għemil tajjeb tagħkom ma tagħmluhx għal wiċċ in-nies biex tidhru quddiemhom…  Meta tagħmel karità, tmurx iddoqq it-trombi quddiemek, kif jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor…  Meta titolbu, tkunux bħal dawk ta’ wiċċ b’ieħor, għax dawk iħobbu joqogħdu jitolbu bil-wieqfabiex jidhru quddiem in-nies…  Meta ssumu, tqarrsux wiċċkom, bħalma jagħmlu dawk ta’ wiċċ b’ieħor” (Mt 6:1,2,5,16).  Kunu afu, ħuti, li dawk ta’ wiċċ b’ieħor ma jafux jibku, insew kif jibku, qatt ma jitolbuh id-don tad-dmugħ.

 

Meta nagħmlu xi ħaġa tajba, kważi istintivament titnissel fina x-xewqa li niġu stmati u ammirati għal din l-azzjoni tajba, biex minnha nieħdu sodisfazzjon.  Ġesù jistedinna nwettqu dawn l-opri bla ma noqogħdu nidhru ħafna, u nafdaw biss fil-ħlas tal-Missier “li jara dak li hu fil-moħbi” (Mt 6:4,6,18).

 

Għeżież ħuti, il-Mulej qatt ma jegħja juri ħniena magħna, u jrid joffrilna għal darb’oħra l-maħfra tiegħu – kollha għandna bżonnha –, hu u jistedinna nerġgħu nduru lejH b’qalb ġdida, imsoffija mill-ħażen, imsoffija bid-dmugħ, biex nieħdu sehem fil-ferħ tiegħu.  Kif nilqgħuha din l-istedina?  Jissuġġerilna San Pawl: “Nitolbu fuq li nitolbu f’ġieħ Kristu: ‘Ħallu lil Alla jħabbibkom miegħu’” (2 Kor 5:20).  Dan l-isforz ta’ konverżjoni m’hux sempliċi ħidma umana, imma jfisser li nħallu lil Alla jirrikonċiljana miegħu.  Ir-rikonċiljazzjoni bejna u bejn Alla hi possibbli grazzi għall-ħniena tal-Missier li, fi mħabbtu għalina, ma qagħadx lura milli jissagrifika lil Ibnu l-waħdieni.  Fil-fatt Kristu, li kien ġust u bla dnub, għalina sar dnub (v. 21) meta fuq is-salib tgħabba bi dnubietna, u hekk fdiena u ġġustifikana quddiem Alla.  “FiH” aħna nistgħu nsiru ġusti, fiH nistgħu ninbidlu, jekk nilqgħu l-grazzja ta’ Alla u ma nħallux li “iż-żmien it-tajjeb” (6:2) jiġi għalxejn.  Nitlobkom, ejjew nieqfu, nieqfu ftit u nħallu lil Alla jerġa’ jħabbibna miegħu.

 

B’dan l-għarfien, ejjew nibdew kollna fiduċja u ferħ il-mixja tar-Randan.  Marija Omm Immakulata, bla dnub, twieżen hi l-ġlieda spiritwali tagħna kontra d-dnub, isseħibna hi f’dan iż-żmien it-tajjeb, biex għad nistgħu naslu ngħannu flimkien il-ferħ tar-rebħa f’jum l-Għid.  U bħala sinjal tar-rieda tagħna li nħallu lil Alla jħabbibna miegħu, barra d-dmugħ tagħna mxerrda “fil-moħbi”, il-lum inwettqu fil-pubbliku l-ġest tat-tqegħid tar-rmied fuq rasna.  Iċ-ċelebrant ilissen dan il-kliem: “Ftakar li trab kont u trab terġa’ ssir” (ara Ġen 3:19), jew itenni s-sejħa ta’ Ġesù: “Indmu u emmnu fil-Bxara t-tajba” (ara Mk 1:15).  Dawn iż-żewġ formuli t-tnejn li huma qed isejħulna mill-ġdid għall-verità tal-ħajja umana: aħna ħlejjaq limitati, midinbin dejjem fil-bżonn tal-penitenza u l-konverżjoni.  Kemm hu importanti fi żmienna li nisimgħu u nilqgħu din is-sejħa!  Is-sejħa għall-konverżjoni allura timbuttana biex induru lura, kif għamel l-iben tal-parabbola, f’dirgħajn Alla, Missier kollu ħlewwa u ħniena, biex nibku mdawrin minn dik it-tħaddina, nafdaw fiH u nafdaw ruħna f’idejH.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard