QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI:

- GIOVANNA EMILIA DE VILLENEUVE

- MARIA CRISTINA DELLIMMACOLATA CONCEZIONE BRANDO

- MARIA ALFONSINA DANIL GHATTAS

- MARIA DI GESÙ CROCIFISSO BAOUARDY

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru - Is-VII Ħadd ta’ l-Għid, 17 ta’ Mejju 2015

 

L-Atti ta’ l-Appostli ppreżentawlna lill-Knisja għadha titwieled, fil-mument li fih għażlet lil dak li Alla sejjaħ biex jieħu post Ġuda fil-kulleġġ ta’ l-Appostli.  Hawn m’aħniex qed nitkellmu dwar xi kariga, imma servizz ta’ qadi.  U fil-fatt Mattija, li fuqu taqa’ l-għażla, jirċievi missjoni li Pietru jfissirha hekk: “Jeħtieġ li… ikun flimkien magħna xhud tal-qawmien tiegħu mill-imwiet” – tal-qawmien ta’ Kristu (Atti 1:21-22).  B’dan il-kliem hu jiġbor fil-qosor xi jfisser tkun wieħed mit-Tnax: ifisser tkun xhud tal-qawmien ta’ Ġesù mill-imwiet.  Il-fatt li jgħid “flimkien magħna” jagħti x’jifhem li l-missjoni li nxandru lil Kristu Rxoxt m’hix xi biċċa xogħol individwali: irridu ngħixuha b’mod komunitarju, mal-kulleġġ appostoliku u l-komunità.  L-Appostli għamlu l-esperjenza diretta u mill-isbaħ tal-Qawmien; huma xhieda okulari ta’ din il-ġrajja.  Grazzi għax-xhieda awtorevoli tagħhom, ħafna emmnu; u mill-fidi fi Kristu Rxoxt twieldu u jitwieldu kontinwament il-komunitajiet Insara.  Anki aħna, il-lum, insejsu l-fidi tagħna fil-Mulej li qam mill-mewt fuq ix-xhieda ta’ l-Appostli li waslet sa għandna permezz tal-missjoni tal-Knisja.  Il-fidi tagħna hi marbuta b’mod sħiħ max-xhieda tagħhom bħal f’katina ma taqta’ xejn mifruxa matul il-medda tas-sekli mhux biss mis-suċċessuri ta’ l-Appostli, imma minn ġenerazzjonijiet u ġenerazzjonijiet ta’ Nsara.  Fuq ix-xebh ta’ l-Appostli, fil-fatt, kull dixxiplu ta’ Kristu hu msejjaħ isir xhud tal-qawmien tiegħu, fuq kollox f’dawn l-ambjenti umani fejn Alla l-aktar hu minsi u l-bniedem mitluf.

 

Biex dan iseħħ, hemm bżonn nibqgħu fi Kristu Rxoxt u fi mħabbtu, kif fakkritna l-Ewwel Ittra ta’ Ġwanni: “Min jibqa’ fl-imħabba jibqa’ f’Alla u Alla fih” (1 Ġw 4:16).  Ġesù dan kien tennieh b’insistenza lid-dixxipli tiegħu: “Ibqgħu fija…  Ibqgħu fl-imħabba tiegħi” (Ġw 15:4,9).  Dan hu s-sigriet tal-qaddisin: li jgħixu fi Kristu, magħqudin miegħU bħall-friegħi mad-dielja, biex jagħmlu ħafna frott (ara Ġw 15:1-8).  U dan il-frott m’hux ħlief l-imħabba.  Din l-imħabba tilma fix-xhieda ta’ Swor Giovanna Emilia de Villeneuve, li kkonsagrat ħajjitha lil Alla u lill-foqra, lill-morda, lill-ħabsin, lill-maħqurin, u saret għalihom u għal kulħadd sinjal konkret ta’ l-imħabba ħanina ta’ Alla.

 

Ir-relazzjoni ma’ Kristu Rxoxt hi – biex ngħidu hekk – l-“atmosfera” li fiha jgħix in-Nisrani u li fiha jsib il-qawwa biex jibqa’ fidil lejn il-Vanġelu, anki qalb ix-xkiel u meta jsib min ma jifhmux.  “Nibqgħu fl-imħabba”: dan hu li għamlet ukoll Swor Maria Cristina Brando.  Hi kienet għal kollox mirbuħa minn imħabba mixgħula għall-Mulej; u mit-talb, mil-laqgħa ta’ qalbha ma’ qalb Kristu Rxoxt, preżenti fl-Ewkaristija, kienet tirċievi l-qawwa biex iġġarrab it-tbatijiet u tingħata bħal ħobż maqsum għal tant persuni mbiegħda minn Alla u mġewħa għall-imħabba vera.

 

Aspett essenzjali tax-xhieda għal Kristu Rxoxt hu l-għaqda ta’ bejnietna, id-dixxipli tiegħu, fuq ix-xebh ta’ dik li hemm bejnU u l-Missier.  Anki l-lum fil-Vanġelu rġajna smajna t-talba ta’ Ġesù lejlet il-Passjoni tiegħu: “Biex ikunu ħaġa waħda bħalna” (Ġw 17:11).  Minn din l-imħabba dejjiema bejn il-Missier u l-Iben, li tissawwab fina permezz ta’ l-Ispirtu s-Santu (ara Rum 5:5), jiksbu l-qawwa tagħhom il-missjoni u l-komunjoni fraterna ta’ bejnietna; minnha jnixxi dejjem mill-ġdid il-ferħ li nimxu wara l-Mulej fit-triq tal-faqar tiegħu, tal-verġinità tiegħu u ta’ l-ubbidjenza tiegħu; u dik l-istess imħabba ssejħilna biex nikkultivaw it-talb kontemplattiv.  Dan għexitu b’mod eminenti Swor Maria Baouardy li, umli u illitterata, għarfet tagħti pariri u spjegazzjonijiet teoloġiċi b’ċarezza kbira, frott tad-djalogu kontinwu ma’ l-Ispirtu s-Santu.  Id-doċilità għall-Ispirtu s-Santu għamlitha wkoll strument ta’ laqgħa ta’ komunjoni mad-dinja Musulmana.  Hekk ukoll Swor Maria Alfonsina Danil Ghattas fehmet tajjeb xi jfisser ixxerred l-imħabba ta’ Alla fl-appostolat, u saret xhud ta’ tjieba u ta’ għaqda.  Hi toffrilna eżempju ċar ta’ kemm hu importanti nħossuna responsabbli ta’ xulxin, ngħixu għall-qadi ta’ xulxin.

 

Nibqgħu f’Alla u fi mħabbtu, biex inħabbru bil-kelma u bil-ħajja l-qawmien ta’ Ġesù, nagħtu xhieda ta’ l-għaqda ta’ bejnietna u l-imħabba lejn kulħadd.  Dan hu li għamlu l-erba’ qaddisin li qed nipproklamaw il-lum.  L-eżempju kollu dawl tagħhom jinterpella wkoll il-ħajja Nisranija tagħna: Jien kif qed inkun xhud ta’ Kristu Rxoxt?  Hi mistoqsija li rridu nagħmlu lilna nfusna.  Kif nibqa’ fiH, kif ngħix fi mħabbtu?  Jien kapaċi “niżra’” fil-familja, fuq il-post tax-xogħol, fil-komunità tiegħi, iż-żerriegħa ta’ dik l-għaqda li Hu tana b’sehem fil-ħajja Trinitarja?

 

Meta l-lum nerġgħu lura d-dar, ejjew nieħdu magħna l-ferħ ta’ din il-laqgħa mal-Mulej li qam mill-mewt; ngħożżu fil-qalb tagħna l-impenn li ħadna li ngħixu fl-imħabba ta’ Alla, billi nibqgħu magħqudin miegħU u bejnietna, u nimxu fuq il-passi ta’ dawn l-erba’ nisa, mudelli ta’ qdusija, li l-Knisja qed tistedinna nixbhuhom.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard