VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIS-SRI LANKA U L-FILIPPINI

(12-19 TA’ JANNAR 2015)

 QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

Ajruport Internazzjonali ta’ Tacloban

Is-Sibt 17 ta’ Jannar 2015

 

Fl-Ewwel Qari smajna li għandna qassis il-kbir li hu kapaċi jagħder id-dgħufijiet tagħna, għax Hu stess kien imġarrab f’kollox barra d-dnub (ara Lhud 4:15).  Ġesù hu bħalna.  Ġesù għex bħalna.  Hu bħalna f’kollox, barra mid-dnub, għax Hu ma kienx midneb.  Imma biex ikun jixbahna aktar, hu libes, ħa fuqu d-dnubiet tagħna.  Sar dnub (ara 2 Kor 5:21)!  U dan jgħidu San Pawl li kien jafu sew.  U Ġesù dejjem jimxi qabilna, u meta aħna ngħaddu minn xi salib, Hu diġà jkun għadda minnu qabel.

 

U jekk il-lum ilkoll kemm aħna nġbarna hawn, erbatax-il xahar wara li għadda t-Tifun Yolanda, dan għax aħna ċerti li l-fidi m’hix ħa tqarraq bina, għax Ġesù għadda minn hawn qabel.  Fil-passjoni tiegħu Hu ħa fuqu t-tbatijiet kollha tagħna.  U meta – ippermettuli naqsam dan magħkom – meta jien minn Ruma rajt din il-katastrofi, ħassejt li kelli niġi hawn.  Dak in-nhar, f’dawk il-jiem iddeċidejt li nagħmel dan il-vjaġġ hawn.  Ridt niġi biex inkun magħkom – forsi tgħiduli, ftit tard, veru, imma hawn jien.

 

Hawn jien biex ngħidilkom li Ġesù hu l-Mulej, li Ġesù ma jqarraqx: “Dun”, jista’ jgħidli xi ħadd minnkom, “bija qarraq għax tlift id-dar, tlift kull ma kelli, imradt…”.  Veru dan li qed tgħidli, u jien nirrispetta s-sentimenti tiegħek; imma naraH mislub hemm, u minn hemm hu ma jqarraqx bina!  Hu ġie kkonsagrat Mulej fuq dak it-tron, u minn hemm għadda minħabba fil-ħażen kollu tagħna.  Ġesù hu l-Mulej!  Hu l-Mulej minn fuq is-Salib, minn hemm isaltan!  Għalhekk Hu jista’ jifhimna, kif smajna fl-Ewwel Qari: sar bħalna f’kollox.  Għalhekk għandna Mulej li kapaċi jibki magħna, kapaċi jimxi magħna fl-aktar waqtiet diffiċli tal-ħajja.

 

Ħafna minnkom tilfu kollox.  Jien ma nafx x’naqbad ngħidilkom.  Hu iva, hu jaf x’jgħidilkom!  Ħafna minnkom tilfu parti mill-familja tagħhom.  Nista’ biss nibqa’ fis-skiet, nimxi magħkom b’qalbi siekta…

 

Ħafna minnkom ħarsu lejn Kristu u staqsewh: “Għaliex, Mulej?”.  U lil kull wieħed u waħda minnkom il-Mulej iwieġbu fil-qalb tiegħu.  Jien m’għandi xejn iżjed x’ngħidilkom.  Inħarsu lejn Kristu: Hu l-Mulej, u Hu jifhimna għax għadda mill-provi kollha li laqtuna.

 

U flimkien miegħU mislub kien hemm ommu.  Aħna bħal dak it-tifel ta’ hemm isfel: fil-mumenti ta’ tbatija, ta’ diqa, fil-mumenti fejn ma nistgħu nifhmu xejn, fil-mumenti meta rridu nirribellaw, jiġina biss li noħorġu jdejna u naqbdu mal-libsa tagħha u ngħidulha: “Mamà!”.  Bħal tfajjel li meta jibża’, jgħid: “Mamà!”.  U forsi l-unika kelma li tista’ tesprimi dak li nħossu fil-waqtiet mudlama: “Omm tagħna!  Mamà!”.

 

Ejjew nagħmlu flimkien mument ta’ skiet.  Inħarsu lejn il-Mulej: Hu jista’ jifhimna għax hu għadda minn dan kollu.  U nħarsu lejn Ommna, u bħat-tfajjel ta’ hemm isfel naqbdu mal-libsa tagħha u ngħidulha bil-qalb: “Omm tagħna!”.  Nagħmlu din it-talba fis-skiet, kull wieħed jgħidilha dak li qed iħoss…

 

[skiet]

 

M’aħniex waħidna, għandna omm.  Għandna lil Ġesù ħuna l-kbir.  M’aħniex waħidna.  U għandna wkoll ħafna aħwa li, fil-mument tal-katastrofi, ġew jgħinuna.  U anki aħna nħossuna iżjed aħwa… aħna li għinna wieħed lill-ieħor.

 

Dan hu dak kollu li jiġini li ngħidilkom.  Aħfruli jekk m’għandix kliem ieħor.  Imma ibqgħu żguri li Ġesù ma jqarraqx.  Ibqgħu żguri li l-imħabba u l-ħlewwa ta’ Ommna ma jqarrqux.  U mħaddnin magħha bħal ulied u bil-qawwa li jagħtina Ġesù ħuna l-kbira, nistgħu nibqgħu mexjin.  U nimxu flimkien bħal aħwa.  Grazzi!

 

Wara t-Tqarbin

 

Iċċelebrajna l-passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu.

 

Ġesù mexa qabilna f’din il-mixja u jseħibna f’kull waqt li fih ninġabru biex nitolbu u niċċelebraw.

 

Grazzi, Mulej, li l-lum tinsab hawn magħna.  Grazzi, Mulej, li taqsam fit-tbatijiet tagħna.  Grazzi, Mulej, li timliena bit-tama.  Grazzi, Mulej, għall-ħniena kbira tiegħek.  Grazzi, Mulej, għax ridt issir wieħed minna.  Grazzi, Mulej, għax int dejjem qrib tagħna, anki fis-siegħa tas-salib.  Grazzi, Mulej, li tagħtina t-tama.  Mulej, tħallihomx jisirqulna t-tama!  Grazzi, Mulej, għax fil-mument l-aktar mudlam ta’ ħajtek, fuq is-salib, ftakart fina u ħallejtilna omm.  Grazzi, Mulej, li ma tlaqtniex iltiema.

 

Test ta’ l-omelija ppreparata

 

Xi kliem ta’ faraġ għadna kemm smajna!  Għal darb’oħra, intqalilna li Ġesù Kristu hu l-Iben ta’ Alla, il-Feddej tagħna, il-qassis il-kbir tagħna li joffrilna ħniena, grazzja u sostenn f’dak kollu li għandna bżonn (ara Lhud 4:14-16).  Hu jfejjaq il-ġrieħi tagħna, jaħfrilna dnubietna u jsejħilna biex inkunu dixxipli tiegħu, kif għamel ma’ San Mattew (ara Mk 2:14).  Nagħtuh ġieħ għal imħabbtu, il-ħniena tiegħu u l-kompassjoni tiegħu.  Infaħħru lill-kbir Alla tagħna!

 

Irrodd ħajr lill-Mulej Ġesù li dal-għodu stajna nkunu flimkien.  Ġejt biex inkun magħkom, f’din il-belt li erbatax-il xahar ilu sfat imħarbta mit-tifun Yolanda.  Ġibtilkom miegħi l-imħabba ta’ missier, it-talb tal-Knisja kollha, il-wegħda li m’intomx minsija intom u tibnu kollox mill-ġdid.  Hawn, l-ikbar tempesta li qatt ġiet irreġistrata fuq il-pjaneta ġiet mirbuħa mill-akbar qawwa ta’ l-univers: l-imħabba ta’ Alla.  Ninsabu hawn dal-għodu biex nagħtu xhieda ta’ dik l-imħabba, tal-qawwa tagħha li tibdel il-mewt u l-qerda f’ħajja u komunjoni.  Il-qawmien ta’ Kristu, li qed niċċelebraw f’din il-Quddiesa, hu t-tama tagħna, hu realtà li aħna ngħixu anki issa.  U nafu li l-qawmien jiġi biss wara s-salib, dak is-salib li intom erfajtu b’fidi, dinjità u l-qawwa li takom Alla.

 

Inġbarna flimkien qabel xejn biex nitolbu għal dawk li mietu, għal dawk kollha li għadhom mitlufa u għall-midruba.  Irressqu f’riġlejn Alla l-erwieħ tal-mejtin, l-ommijiet tagħna, il-missirijiet, uliedna, il-qraba, il-ħbieb u l-ġirien.  Aħna nemmnu li, quddiem Alla, huma sabu ħniena u sliem (ara Lhud 4:16).  Madankollu, jibqa’ n-niket minħabba fin-nuqqas tagħhom.  Għalikom li kontu tafuhom u ħabbejtuhom – u li għadkom tħobbuhom – in-niket tat-telfa tagħhom hu reali.  Imma ejjew inħarsu lejn il-ġejjieni bl-għajnejn tal-fidi.  In-niket tagħna hu żerriegħa li jum wieħed għad twarrad fil-ferħ li l-Mulej wiegħed lil dawk kollha li emmnu fi kliemu: “Henjin intom l-imikkta, għax għad tkunu mfarrġa” (ara Mt 5:4).

 

Barra minn hekk, ninsabu hawn miġbura biex irroddu ħajr lil Alla għall-għajnuna tiegħu fil-mument tal-ħtieġa.  Hu kien il-qawwa tagħna f’dawn ix-xhur hekk iebsa.  Intilfu tant ħajjiet, kien hemm tant tbatija u qerda.  Minkejja dan, għadna nistgħu ninġabru u rroddulu ħajr.  Nafu li Hu jieħu ħsiebna; nafu li f’Ġesù Ibnu għandna qassis il-kbir li jista’ jagħder in-niket tagħna (ara Lhud 4:15), ibati magħna.  Il-kom-passjoni ta’ Alla, meta hu jbati magħna, għandha tifsira u valur dejjiemi għall-isforzi tagħna.  Ix-xewqa tagħkom li troddulu ħajr għal kull grazzja u barka, anki meta tliftu daqstant, m’hix biss trijonf tal-ħila tagħkom li terġgħu tqumu fuq riġlejkom u tal-qawwa li hemm fil-poplu Filippin; hi wkoll sinjal tat-tjieba ta’ Alla, ta’ kemm hu qrib, tal-ħlewwa tiegħu, tal-qawwa tiegħu li ssalva.

 

Irroddu ħajr lil Alla l-Aktar Għoli anki għal dak kollu li sar bħala għajnuna, rikostruzzjoni, assistenza f’dawn ix-xhur ta’ bżonnijiet bla preċedenti.  Jiġuni f’moħħi l-ewwel nett dawk kollha li laqgħu u taw kenn lil għadd kbir ta’ familji bla saqaf, lill-anzjani, liż-żgħażagħ.  Kemm hi iebsa tħalli darek u l-mezzi li fuqhom tgħix!  Nirringrazzjaw lil dawk kollha li ħadu ħsieb lil min safa bla saqaf, l-iltiema u l-persuni waħidhom.  Saċerdoti, reliġjużi li taw kull ma setgħu.  Nesprimi l-gratitudni tiegħi lil dawk fostkom li laqgħu f’darhom u temgħu lill-persuni li fittxew kenn fi knejjes, kunventi, djar parrokkjali u li qed ikomplu jgħinu lil dawk kollha li għadhom f’diffikultà.  Intom il-ġieħ tal-Knisja, bikom imkabbar in-nazzjon tagħkom.  Nirringrazzja personalment lil kull wieħed u waħda minnkom, għax kull ma intom għamiltu ma’ l-iċken fost dawn l-aħwa ta’ Kristu, għamiltuh miegħU (ara Mt 25:41).

 

F’din il-Quddiesa rridu nirringrazzjaw ukoll lil Alla għal dawk l-irġiel u nisa li taw servizz bħala ħaddiema tas-salvataġġ u l-għajnuna.  Nirringrazzjawh għall-ħafna persuni li mid-dinja kollha b’ġenerożità offrew mill-ħin, il-flus u l-ġid tagħhom.  Stati, organizzazzjonijiet u individwi f’kull parti tad-dinja poġġew quddiem nett lil min kien fil-bżonn; dan hu eżempju ta’ min jimxi fuqu.  Nappella lil min qed jiggverna, lill-aġenziji internazzjonali, lill-benefatturi u lill-persuni ta’ rieda tajba biex ma jegħjew qatt.  Baqa’ ħafna iżjed xi jsir.  Anki jekk l-ewwel paġni tal-ġurnali nbidlu, il-ħtiġijiet għadhom hemm.

 

L-Ewwel Qari tal-lum, mill-Ittra lil-Lhud, isejħilna biex inżommu sħiħ fl-istqarrija tagħna, nipperseveraw fil-fidi, nersqu b’fiduċja lejn it-tron tal-grazzja ta’ Alla (ara Lhud 4:16).  Dawn il-kelmiet jidwu b’mod speċjali f’dan il-post: qalb tant tbatija, intom ma hedejtu qatt tistqarru r-rebħa tas-salib, it-trijonf ta’ mħabbet Alla.  Rajtu l-qawwa ta’ dik l-imħabba li dehret fil-qalb tajba ta’ ħafna persuni, fil-ħafna mirakli żgħar ta’ tjieba.  Imma rajtu wkoll quddiem għajnejkom il-qligħ qarrieq, is-sakkeġġi u n-nuqqas ta’ tweġibiet għal dan id-dramm kbir uman, sinjali daqstant ieħor traġiċi ta’ dak il-ħażen li minnu Kristu ġie jifdina.  Nitolbu biex anki dan iwassalna għal fiduċja ikbar fil-qawwa tal-grazzja ta’ Alla biex negħlbu d-dnub u l-egoiżmu.  Nitolbuh b’mod partikulari biex jagħmilna dejjem iktar sensibbli għall-karba ta’ ħutna fil-bżonn.  Nitolbuh iwassalna biex nistmerru kull għamla ta’ inġustizzja u korruzzjoni, li jisirqu lill-foqra, jivvelenaw l-istess għeruq tas-soċjetà.

 

Għeżież ħuti, f’din il-prova kbira intom ħassejtu b’mod speċjali l-grazzja ta’ Alla permezz tal-preżenza u l-għożża mimlija mħabba ta’ l-Imqaddsa Verġni Marija, Sidtna tas-Sokkors Perpetwu.  Hi l-omm tagħna.  Ħa tgħinkom tipperseveraw fil-fidi u fit-tama u tilħqu lil kull min hu fil-bżonn.  Flimkien ma’ San Lawrenz Ruiz u San Pedro Calungsod u l-qaddisin kollha, hi tkompli titlob il-ħniena ta’ Alla u l-kompassjoni kollha mħabba tiegħu fuq dan il-pajjiż u għall-maħbubin kollha Filippini.  Amen.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard