PAPA FRANĠISKU

Ċelebrazzjoni Ewkaristika

għall-Jum tal-Evangelium Vitae

fl-okkażjoni tas-Sena tal-Fidi,

Pjazza San Pietru - 16 ta’ Ġunju 2013

 

Għeżież Ħuti,

Din iċ-ċelebrazzjoni għandha isem sabiħ wisq: L-Evanġelju tal-Ħajja.  B’din l-Ewkaristija, fis-Sena tal-Fidi, irridu nroddu ħajr lil Alla għad-don tal-ħajja, fil-wirjiet kollha tiegħu; u fl-istess waqt irridu nħabbru l-Evanġelju tal-Ħajja.

Nibdew mill-Kelma t’Alla li għadna kemm smajna, nixtieq nipproponielkom tlitt spunti sempliċi ta’ meditazzjoni għall-fidi tagħna: qabel xejn, il-Bibbja tirrivelelna Alla l-Ħaj, Alla li hu Ħajja u għajn tal-ħajja; fit-tieni post, Ġesu’ Kristu li jagħti l-ħajja, u l-Ispirtu s-Santu li jżommna fil-ħajja; it-tielet, li timxi fit-triq ta’ Alla  jwassal għall-ħajja, waqt li timxi wara l-idoli jwassal għall-mewt.

1. L-ewwel Qari, meħud mit-Tieni Ktieb ta’ Samwel, ikellimna dwar ħajja u mewt.  Is-sultan David irid jaħbi l-adulterju li wettaq mal-mara ta’ Urija l-Hitita, suldat tal-eżerċitu tiegħu u biex jagħmel dan jordna li jqegħedu lil Urija fl-ewwel linja biex jiġi maqtul fil-battalja.  Il-Bibbja turina id-dramma uman fir-realta’ kollha tagħha, it-tajjeb u l-ħażin, il-passjonijiet, id-dnub u l-konsegwenzi tiegħu.  Meta l-bniedem irid jafferma lilu nnifsu, waqt li jgħalaq lilu nnifsu fl-egoiżmu tiegħu u jqiegħed lilu nnifsu minn flok Alla, jispiċċa biex jiżra’ l-mewt.  L-adulterju tas-sultan David hu eżempju ta’ dan.  U l-egoiżmu jwassal għall-gidba, li biha wieħed ifittex li jinganna lilu nnifsu u l-proxxmu.  Imma Alla ma jistax jiġi ngannat, u smajna kif il-profeta jkellem lil David: inti għamilt dak li hu ħażin fl-għajnejn ta’ Alla (ara 2Sam 12,9).  Is-sultan jitqiegħed quddiem l-opri tiegħu tal-mewt – tassew dak li għamel hu opra tal-mewt,  mhux tal-ħajja! -, jifhem u jitlob maħfra: “Dnibt kontra l-Mulej!” (v 13), u Alla ħanin li jrid il-ħajja u dejjem jaħfrilna, jaħfirlu, iroddlu lura l-ħajja; il-profeta jgħidlu: “Il-Mulej warrab id-dnub tiegħek: inti ma tmutx”.  Xi xbiha għandna aħna t’Alla?  Forsi jidhrilna bħala mħallef aħrax, bħal xi ħadd li jillimita il-liberta’ tagħna biex ngħixu.  Imma l-Iskrittura kollha tfakkarna li Alla hu il-Ħaj, dak li jagħti l-ħajja u li juri t-triq tal-ħajja fil-milja tagħha.  Naħseb fuq il-bidu tal-Ktieb tal-Ġenesi: Alla jsawwar il-bniedem mit-trab tal-art, jonfoħlu fi mnifsejh in-nifs tal-ħajja u l-bniedem isir ħolqien ħaj (ara 2,7).  Alla huwa l-għajn tal-ħajja; huwa bis-saħħa tan-nifs tiegħu li l-bniedem għandu l-ħajja u huwa n-nifs tiegħu li jżomm il-mixja tal-eżistenza tiegħu fl-art.  Niftakar ukoll fis-sejħa ta’ Mose’, meta l-Mulej jippreżenta lilu nnifsu bħala Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb, bħala Alla tal-ħajjin; u meta huwa bagħat lil Mose’ għand il-Farawni biex jeħles lill-poplu tiegħu jirrivela ismu: “Jien hu dak li hu”, Alla li juri lilu nnifsu preżenti fl-istorja, li jeħles mill-jasar, mill-mewt, u jġib il-ħajja lill-poplu tiegħu għaliex hu il-Ħaj.  Naħseb ukoll fuq ir-rigal tal-Għaxar Kmandamenti: triq li biha Alla wriena l-ħajja tassew ħielsa, għal ħajja mimlija; m’humiex xi innu għal- “le” – ma għandekx tagħmel da, ma għandekx tagħmel dan, ma għandekx tagħmel dan ... Le!  Huma innur għall- “iva” lil Alla, għall-Imħabba, għall-ħajja.  Għeżież ħbieb, il-ħajja tagħna tkun mimlija biss f’Alla, għaliex huwa biss hu il-Ħaj!

2. Is-silta tal-evanġelju tallum tgħinna nagħmlu pass ‘il quddiem.  Ġesu’ jiltaqa’ ma’ mara midinba waqt pranzu fid-dar ta’ fariżew, fil-waqt li qajjem l-iskandlu ta’ dawk preżenti:  Ġesu’ jħalli li jkun avviċinat minn waħda midinba e biex tgħaqad jaħfrilha d-dnubiet waqt li jgħidilha: “Dnubietha li kienu ħafna, inħafrulha, għax ħabbet ħafna;  imma min jinħafirlu ftit, ftit iħobb” (Lq 7, 47).  Ġesu’ huwa l-inkarnazzjoni ta’ Alla l-Ħaj, Dak li jġib il-ħajja, quddiem tant ħidmiet ta’ mewt, quddiem id-dnub, l-egoiżmu, l-għeluq fina nfusna.  Ġesu’ jilqa’, iħobb, jgħin, jagħmel kuraġġ, jaħfer u jagħti mill-ġdid is-saħħa biex nimxu, jagħti mill-ġdid il-ħajja.  Fl-Evanġelju kollu aħna naraw kif Ġesu’ bil-ġesti tiegħu u bil-kliem iġib il-ħajja t’Alla li tbiddel.  Hija l-esperjenza tal-mara li tidlek bil-fwieħa riġlejn il-Mulej: tħossha mifhmuma, maħbuba, u twieġeb b’ġest ta’ mħabba, tħalli lilha nnifisha tintmiss mill-ħniena t’Alla u taqla’ l-maħfra, tibda ħajja ġdida.  Alla, il-Ħaj, huwa ħanin.  Taqblu ma’ dan?  Ejjew ngħiduh flimkien:  Alla, il-Ħaj, huwa ħanin!  Ilkoll: Alla, il-Ħaj, huwa ħanin.  Għal darb’oħra:  Alla, il-Ħaj, huwa ħanin!

Din kienet ukoll l-esperjenza tal-appostlu Pawlu, kif smajna fit-tieni Qari: “Din il-ħajja li issa ngħix fil-ġisem qiegħed ngħixha bil-fidi fl-Iben ta’ Alla, li ħabbni u ta lilu nnifsu għalija” (Gal 2,20).  Liema hija din il-ħajja?  Hija l-istess ħajja t’Alla.  U min idaħħalna f’din il-ħajja?  Huwa l-Ispirtu s-Santu, id-don ta’ Kristu Mqajjem mill-imwiet.  Huwa hu li jdaħħalna fil-ħajja divina bħala wlied Alla tassew, bħala wlied fl-Iben Waħdieni, Ġesu’ Kristu.  Aħna miftuħin għall-ispirtu s-Santu?  Inħallu li niġu mmexxija minnu?  In-nisrani huwa bniedem spiritwali, u dan ma jfissirx li huwa persuna li tgħix “fis-sħab”, barra mir-realta’, bħallikieku kienet xi fantażma.  Le!  In-nisrani huwa persuna li taħseb u taġixxi fil-ħajja ta’ kuljum skont Alla, persuna li tħalli li ħajjitha tkun animata, imgħajjxa mill-Ispirtu s-Santu biex tkun mimlija, bħala wlied tassew.  E dan ifisser realiżmu u fekondita’  Min iħalli lilu nnifsu jiġi mmexxi mill-Ispirtu s-Santu huwa realista, jaf ikejjel u jagħti valur lir-realta’, u huwa wkoll fekond: ħajtu tiġġenera ħajja madwaru.

3.  Alla huwa Dak li jagħti l-Ħajja, huwa il-Ħanin.  Ġesu’ iġibielna l-Ħajja t’Alla, l-Ispirtu s-Santu  idaħħalna u jżommna fir-relazzjoni ta’ ħajja ta’ wlied Alla tassew.  Imma spiss – dan nafuh bl-esperjenza – il-bniedem ma jagħżilx il-ħajja, ma jilqax “l-Evanġelju tal-ħajja”, imma jħalli lilu nnifsu jiġi mmexxi minn ideoloġiji u ħsibijiet li jqegħedu tfixkil lill-ħajja, li ma jirrispettawhiex, għax huma mqanqlin mill-egoiżmu, mill-interess, mill-qliegħ, mill-poter, mill-pjaċir u m’humiex imqanqla mill-imħabba, mit-tfittxija tal-ġid għall-ieħor.  Hija l-illużjoni bla ma taqta’ li nixtiequ nibnu l-belt tal-bniedem mingħajr Alla, mingħajr il-ħajja u l-imħabba t’Alla – torri ġdida ta’ Babel; huwa l-ħsieb li twarrab lil Alla, il-Messaġġ ta’ Kristu, l-Evanġelju tal-Ħajja, li jista’ jġib il-ħelsien, ir-realiżazzjoni sħiħa tal-bniedem.  Ir-riżultat huwa li minn flok Alla l-Ħaj jidħlu idoli umani li jgħaddu, li joffru dagħdiegħa ta’ mument ta’ ħelsien, imma li fl-aħħar iġibu jasar ġdid u mewt.  Il-għerf tas-Salmista jgħid:  “Il-preċetti tal-Mulej dritti, u jferrħu l-qalb; il-kmandament tal-Mulej safi , u jdawwal l-għajnejn” (Salm 19, 9).  Niftakruh dejjem: Il-Mulej huwa il-Ħaj, huwa ħanin.  Il-Mulej huwa il-Ħaj, huwa ħanin.

Għeżież ħuti, inħarsu lejn Alla bħala Alla tal-ħajja, inħarsu lejn il-liġi tiegħu, lejn il-messaġġ tal-Evanġelju bħala triq ta’ ħelsien u ta’ ħajja.  Alla l-Ħaj jagħmilna ħielsa!  Ngħidu iva għall-imħabba u le għall-egoiżmu; ngħidu iva għall-ħajja u le għall-mewt, ngħidu iva għall-ħelsien u le għall-jasar ta’ tant idoli ta’ żminijietna; f’kelma waħda ngħidu iva għal Alla, li huwa mħabba, ħajja u ħelsien, u qatt ma jqarraq  (ara 1Ġw 4,8; Ġw 11,25; Ġw 8,32), lil Alla li huwa il-Ħaj u l-Ħanin.  Hija biss il-fidi f’Alla Ħaj li ssalvana; f’Alla li f’Ġesu’ Kristu tana ħajtu bid-don tal-Ispirtu s-Santu u jagħmel ħaj bħala wlied Alla tassew bil-ħniena tiegħu.  Din il-fidi tagħmilna ħielsa u hienja.  Nitolbu lil Marija, Omm il-Ħajja, li tgħinna nilqgħu u nagħtu xhieda dejjem lill-“Evanġelju tal-Ħajja”.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap