ŻJARA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA
"SANTA MARIA DELL'ORAZIONE"

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

It-Tieni Ħadd tar-Randan, 16 ta’ Marzu, 2014

 

Fit-talba tal-bidu tal-quddiesa tlabna l-Mulej żewġ grazzji: “li nisimgħu lil Ibnek il-maħbub” sabiex il-fidi tagħna tkun imgħajxa bil-Kelma t’Alla; u l-grazzja l-oħra hija sabiex il-Mulej “isaffi l-għajnejn ta’ ruħna ħalli nithennew bid-dehra tal-glorja”.  Nisimgħu, il-grazzja li tisma’, u l-grazzja li nsaffu għajnejna.  Dan huwa proprju b’relazzjoni mal-Evanġelju li smajna.  Meta l-Mulej tbiddel quddiem Pietru, Ġakbu u Ġwanni, dawn semgħu l-leħen t’Alla l-Missier, li qal:  “Dan huwa Ibni!, IsimgħuH”!  Il-grazzja li tisma’ lil Ġesu’.  Għaliex?  Biex inmantnu l-fidi tagħna bil-Kelma t’Alla.  U dan huwa dmir tan-nisrani.  Liema huma d-dmirijiet tan-nisrani?  Forsi tgħiduli: Tmur għall-quddies nhar ta’ Ħadd; issum u ma tieħux laħam matul il-Ġimgħa l-Kbira; tagħmel hekk...  Imma l-ewwel dmir tan-nisrani huwa tisma’ l-Kelma t’Alla, tisma, lil Ġesu’, għaliex huwa jkellimna u huwa jsalvana bil-Kelma tiegħu.  U huwa jagħmel aktar b’saħħitha, iktar qawwija l-fidi tagħna, b’din il-Kelma.  Tisma’ lil Ġesu’! “ “Imma, Father, jiena nisimgħu lil Ġesu’, u nisimgħu ħafna!”.  “Veru?  X’tisma’?”.  “Nisma’ r-radju, nisma’ t-televiżjoni, nisma’ t-tpaċpiċ tan-nies...”.  Aħna nisimgħu ħafna affarijiet matul il-jum, ħafna affarijiet...  Imma jien nagħmlilkom mistoqsija:  aħna nsibu ftit ħin, kull jum, biex nisimgħu lil Ġesu’, biex nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesu’?  Id-dar, aħna għandna l-Evanġelju?  Jew nibżgħu minnu dan, jew m’aħniex imdorrijin?  Nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesu, biex inmantnu lilna nfusna!  Dan ifisser li l-Kelma ta’ Ġesu’ hija l-ikel l-iktar qawwi tar-ruħ: imantnielna lil ruħna; imantni l-fidi tagħna!  Jien nissuġġerielkom, kull jum, li ssibu ftit minuti u taqraw paragrafu tajjeb tal-Evanġelju u araw xi jkun qed jiġri hemmhekk.  Tisma’ lil Ġesu’, u dik il-Kelma ta’ Ġesu’ kuljum tidħol f’qalbna u tagħmilna aktar qawwijin fil-fidi.  Nissuġġerilkom ukoll li jkollkom kopja żgħira tal-Evanġelju, żgħira, li żżommuh fil-but, fil-basket u meta jkollna xi ftit tal-ħin, forsi anke fil-karozza tal-linja... meta tkun tista’ fil-karozza tal-linja, għaliex kull tant fil-karozza nkunu mġegħelin inżommu l-bilanċ jew inkella biex inħarsu l-bwiet tagħna, mhux hekk? ...  Imma meta tkun bil-qiegħda, hawn jew hemm, tkun tista’ taqra, anke matul il-jum, tieħu f’idejk l-Evanġelju u taqra żewġ kelmiet.  L-Evanġelju jkun dejjem magħna!  Dwar xi martri tal-ewwel żminijiet jingħad – bħal Santa Ċeċilja – li kienu jġorru dejjem l-Evanġelju magħhom: huma kienu jġorru l-Evanġelju; hija, Ċeċilja kienet iġġorr l-Evanġelju.  Għaliex hu l-ewwel ikla tagħna, hu l-Kelma ta’ Ġesu’, dak li jmantni l-fidi tagħna.

U mbagħad it-tieni grazzja li tlabna hija l-grazzja li nsaffu l-għajnejn , il-għajnejn ta’ ruħna, biex inħejju l-għajnejn ta’ ruħna għall-ħajja ta’ dejjem.  Insaffu għajnejna!  Jiena mistieden nisma’ lil Ġesu’ u Ġesu’ juri lilu nnifsu u bit-Trasfigurazzjoni tiegħu jistedinna nħarsu lejH.  U l-fatt li nħarsu lejn Ġesu’ isaffi l-għajnejna u jħejjijhom għall-ħajja ta’ dejjem, għad-dehra tas-Sema.   Jista’ jkun li għajnejna huma xi ftit morda għaliex naraw ħafna affarijiet li m’humiex ta’ Ġesu’, huma wkoll kontra Ġesu’: ħwejjeġ tad-dinja, ħwejjeġ li ma jagħmlux ġid għad-dawl tar-ruħ.  Huwa hekk li dan id-dawl jintefa bil-mod il-mod u mingħajr ma nkunu nafu nispiċċaw fid-dlam interjuri, fid-dlam spiritwali, fid-dlam tal-fidi: dlam għaliex ma nibqgħux imdorrijin inħarsu, nimmaġinaw l-affarijiet ta’ Ġesu’.

Dan huwa dak li llum tlabna lill-Missier, li jgħallimna nisimgħu lil Ġesu’ u nħarsu lejn Ġesu’.  Nisimgħu l-Kelma tiegħu, u aħsbu f’dak li għidtilkom dwar l-Evanġelju:  huwa ħafna importanti!  U ħarsu: meta naqra l-Evanġelju, inġib quddiem għajnejja u nara kif kien Ġesu’, kif Hu kien jagħmel l-affarijiet.  U hekk l-intelliġenza tagħna, il-qalb tagħna jimxu ‘l quddiem fit-triq tat-tama, fit-triq li fiha jqegħedna l-Mulej, kif smajna għamel ma’ missierna Abram.  Ftakru dejjem: nisimgħu lil Ġesu’, biex insaħħu aktar il-fidi tagħna; inħarsu lejn Ġesu’ biex inħejju lil għajnejna għad-dehra sabiħa ta’ wiċċu, fejn aħna lkoll – il-Mulej jagħtina l-grazzja – insibu Quddiesa li ma tintemm qatt.  Ammen.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.