Il-parabbola li għadna kemm smajna tkellimna fuq is-Saltna ta’ Alla bħala festa tat-tieġ (ara Mt 22:1-14). Il-protagonista hu bin is-sultan, l-għarus, li ma nsibuhiex bi tqila biex fih nilmħu lil Ġesù. Imma fil-parabbola qatt ma naqraw dwar l-għarusa, imma dwar ħafna mistednin, mixtieqa u mistennija: huma li jilbsu l-libsa tat-tieġ. Dawk il-mistednin huma aħna, ilkoll kemm aħna, għax ma’ kull wieħed u waħda minna l-Mulej jixtieq “jiċċelebra l-festa tat-tieġ”. It-tieġ jinawgura l-komunjoni tal-ħajja kollha: dak hu li jixtieq Alla ma’ kull wieħed u waħda minna. Għalhekk, ir-relazzjoni tagħna miegħu ma tistax tkun biss dik tas-sudditi devoti mas-sultan, tal-qaddejja fidili mas-sid jew tal-iskulari diliġenti mal-imgħallem, imma hi qabelxejn dik tal-għarusa maħbuba mal-għarus. Fi kliem ieħor, il-Mulej jixtieqna, ifittixna u jistedinna, u ma jikkuntentax ruħu li aħna nwettqu dmirijietna tajjeb u nosservaw il-liġijiet tiegħu, imma magħna jrid komunjoni vera u proprja ta’ ħajja, relazzjoni mibnija fuq id-djalogu, il-fiduċja u l-maħfra.

 

Din hi l-ħajja Nisranija, storja ta’ mħabba ma’ Alla, fejn il-Mulej minn jeddu jieħu l-inizjattiva u fejn ħadd minna ma jista’ jiftaħar li għandu xi stedina esklussiva: ħadd ma hu pprivileġġjat fuq l-oħrajn, imma kull wieħed u waħda huwa pprivileġġjat quddiem Alla. Minn din l-imħabba b’xejn, twajba u pprivileġġjata, titwieled u dejjem titwieled mill-ġdid il-ħajja Nisranija. Nistgħu nistaqsu lilna nfusna jekk, tal-inqas darba kuljum, lill-Mulej aħniex nistqarrulu mħabbitna: “Inħobbok, Mulej. Int il-ħajja tiegħi”. Għax, jekk tintilef l-imħabba, il-ħajja Nisranija ssir sterili, issir ġisem bla ruħ, morali impossibbli, ġabra ta’ prinċipji u liġijiet li rridu nosservaw mingħajr raġuni. Imma Alla tal-ħajja jistenna minna tweġiba għal ħajjitna, il-Mulej tal-imħabba jistenna tweġiba ta’ mħabba. Meta jdur fuq Knisja minnhom, fil-Ktieb tal-Apokalissi, hu jċanfarha b’mod preċiż: “Inti ħallejt dik l-imħabba li kont urejt fil-bidu” (2:4). Dan hu l-periklu: ħajja Nisranija tar-rutina, fejn nikkuntentaw ruħna bin-“normalità”, bla ebda qabża, bla ħeġġa, u bil-memorja qasira. Imma jeħtieġ inġeddu l-memorja tal-ewwel imħabba: aħna l-maħbuba, il-mistiedna tat-tieġ, u ħajjitna hi don, għax kull ġurnata hi opportunità tal-ġenn biex inwieġbu għall-istedina.

 

Imma l-Vanġelu jwissina: imma l-istedina tista’ tiġi miċħuda. Ħafna mistednin wieġbu le, għax kien moħħhom fl-interessi tagħhom: “iżda dawk ma tawx kas; min mar l-għalqa, min għan-negozju tiegħu”, jgħid it-test (Mt 22:5). Hemm kelma li dejjem titfaċċa: tiegħu; hi l-muftieħ biex nifhmu r-raġuni taċ-ċaħda. Fil-fatt, il-mistednin ma ħasbux li l-festa tat-tieġ kienet se tkun ta’ dwejjaq jew li se jixbgħu, imma sempliċiment “ma tawx kas”: kien moħħhom fl-interessi tagħhom, kienu jippreferu li jkollhom xi ħaġa f’idejhom pjuttost milli jilqgħu l-isfida, kif titlob l-imħabba. Araw kif minflok huma jitbiegħdu mill-imħabba, mhux b’ħażen, imma għax jippreferu dak li hu tagħhom: iċ-ċertezzi, l-awto-affermazzjoni, il-kumdità… Allura ninxteħtu fuq il-pultruni tal-gwadann, tal-pjaċiri, ta’ xi passatemp li jferraħna għal ftit, imma hekk nixjieħu malajr u ħażin, għax nixjieħu minn ġewwa: meta l-qalb ma titwessax, tingħalaq, tixjieħ. U meta kollox jiddipendi mill-jien – minn dak li jiftilli, minn dak li jaqbilli, minn dak li rrid – insiru iżjed riġidi u kiefra, nirreaġixxu ħażin għalxejn b’xejn, bħall-mistednin tal-Vanġelu, li waslu biex żebilħu u saħansitra qatlu (ara v. 6) lil dawk li wasslulhom l-istedina, sempliċiment għax dejquhom.

 

Allura l-Vanġelu jistaqsina fuq liema naħa qegħdin: fuq in-naħa tal-jien jew fuq in-naħa ta’ Alla? Għax Alla hu bil-maqlub tal-egoiżmu, tal-awtoreferenzjalità. Hu – jgħidilna l-Vanġelu –, quddiem iċ-ċaħdiet kontinwi li jirċievi, quddiem l-għeluq fil-konfront tal-istediniet li jibgħat, jibqa’ għaddej, ma jħassarx il-festa. Ma jirrassenjax ruħu, imma jibqa’ jistieden. Quddiem il-“lejiet”, ma jsabbatx il-bieb, imma jinkludi iżjed persuni. Alla, quddiem l-inġustizzji li jlaqqat, iwieġeb bi mħabba ikbar. Aħna, meta jweġġgħuna għax jagħmlulna tort jew jiċħduna, spiss inbejtu f’qalbna mrar u rabja. Imma Alla, filwaqt li jbati minħabba fil-“lejiet” tagħna, xorta jibqa’ jipprova, jibqa’ miexi u jħejji l-ġid anki għal min jagħmel il-ħażen. Għax l-imħabba hekk tagħmel, iġġib l-imħabba; għax hekk biss jista’ jintrebaħ il-ħażen. Illum dan Alla, li ma jaqta’ qalbu qatt, iridna nagħmlu bħalu, ngħixu skont l-imħabba vera, negħlbu r-rassenjazzjoni u l-kapriċċi tal-jien tagħna, sensittiv u mitluq.

 

Hemm aspett ieħor li l-Vanġelu jagħfas fuqu: il-libsa tal-mistednin, li hi indispensabbli. Fil-fatt, mhuwiex biżżejjed li wieħed iwieġeb darba għall-istedina, jgħid “iva” u daqshekk, imma hemm bżonn jilbes il-libsa, hi meħtieġa d-drawwa li jgħix l-imħabba ta’ kuljum. Għax ma tistax tgħid “Mulej, Mulej”, bla ma tgħix u tqiegħed fil-prattika r-rieda ta’ Alla (ara Mt 7:21). Għandna bżonn li ta’ kuljum nilbsu mill-ġdid l-imħabba tiegħu, li nġeddu ta’ kuljum l-għażla ta’ Alla. Il-Qaddisin ikkanonizzati llum, fuq kollox il-ħafna Martri, juruna din it-triq. Huma ma qalux “iva” għall-imħabba bil-kliem biss u għal ftit taż-żmien, imma b’ħajjithom u sal-aħħar. Il-libsa tagħhom ta’ kuljum kienet l-imħabba ta’ Ġesù, dik l-imħabba miġnuna li ħabbitna għall-aħħar, li tat il-maħfra tagħha u ħalliet il-libsa tagħha lil min sallabha. Aħna wkoll fil-Magħmudija rċivejna l-libsa l-bajda, il-libsa tat-tieġ ta’ Alla. Nitolbu lilu, bl-interċessjoni ta’ dawn il-qaddisin ħutna, il-grazzja li nagħżlu u nxiddu ta’ kuljum din il-libsa u nżommuha nadifa. Kif nagħmlu? Fuq kollox, billi nersqu biex nirċievu bla biża’ l-maħfra tal-Mulej: hu l-pass deċiżiv biex nidħlu fis-sala tat-tieġ ħalli miegħu niċċelebraw il-festa tal-imħabba.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard