VELJA TAL-LEJL QADDIS TAL-GĦID

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Sibt il-Għid, 15 ta’ April 2017

 

“Meta għadda s-Sibt, maż-żerniq tal-ewwel jum tal-ġimgħa, Marija ta’ Magdala u Marija l-oħra marru jaraw il-qabar” (Mt 28:1). Nistgħu nitħajlu dawk il-passi…: il-pass tipiku ta’ min imur iċ-ċimiterju, pass għajjien u konfuż, pass mifni ta’ min mhux konvint li kollox spiċċa hekk… Nistgħu nistħajlu l-uċuħ safrana tagħhom, maħsula mid-dmugħ… U l-mistoqsija: kif jista’ jkun li l-Imħabba mietet?

 

B’differenza mid-dixxipli, huma jinsabu hemm – kif imxew mal-Imgħallem sal-aħħar nifs tiegħu fuq is-salib u mbagħad ma’ Ġużeppi minn Arimatija fid-difna li tah –; żewġ nisa li jafu ma jaħarbux, jafu jirreżistu, jaffrontaw il-ħajja hekk kif tippreżenta ruħha u jissaportu t-togħma morra tal-inġustizzji. Arahom hemmhekk, quddiem il-qabar, bejn imnikkta u bejn ma jafux jirrassenjaw ruħhom, jaċċettaw li dejjem kollox hekk jispiċċa.

 

U jekk nagħmlu sforz bl-istħajjil tagħna, fil-wiċċ ta’ dawn in-nisa nistgħu nsibu l-uċuħ ta’ tant ommijiet u nanniet, il-wiċċ ta’ tfal u żgħażagħ li jissaportu t-tagħbija u l-uġigħ ta’ tant inġustizzja diżumana. Naraw jilmaw fihom l-uċuħ ta’ dawk kollha li, mexjin fil-belt, jitnikktu għall-miżerja, jitnikktu għall-isfruttament u t-traffikar. Fihom nilmħu anki l-uċuħ ta’ dawk li jġarrbu d-disprezz għax huma immigranti, iltiema minn pajjiżhom, mid-dar, mill-familja; l-uċuħ ta’ dawk li ħarsithom tixkef solitudni u abbandun għax għandhom idejhom kollha tikmix. Huma jirriflettu l-wiċċ ta’ nisa, ta’ ommijiet li jibku meta jaraw li l-ħajja ta’ wliedhom baqgħet midfuna taħt it-toqol tal-korruzzjoni li ċċaħħadhom mid-drittijiet tagħhom u tisfrattalhom tant xewqat għall-futur, taħt l-egoiżmu ta’ kuljum li jsallab u jidfen it-tama ta’ bosta, taħt il-burokrazija paralizzanti u sterili li ma tħallix l-affarijiet jinbidlu. Fin-niket tagħhom, huma jġorru l-uċuħ ta’ dawk kollha li, mexjin fil-belt, jaraw imsallba l-istess dinjità.

 

Fil-wiċċ ta’ dawn in-nisa hemm ħafna wċuħ, forsi nistgħu nsibu l-wiċċ tiegħi u tiegħek. Bħalhom nistgħu nħossuna mċaqilqa biex nimxu, biex ma nirrassenjawx ruħna għall-fatt li l-affarijiet dejjem hekk iridu jispiċċaw. Hu minnu, fina nġorru wegħda u ċ-ċertezza tal-fedeltà ta’ Alla. Imma anki l-uċuħ tagħna jitkellmu dwar ġrieħi, jitkellmu dwar tant infedeltajiet – tagħna u tal-oħrajn –, jitkellmu dwar tentattivi u battalji mitlufa. Qalbna taf li l-affarijiet jistgħu jkunu differenti, imma, kważi bla nintebħu, nistgħu nidraw ngħixu mal-qabar, ngħixu mal-frustrazzjoni. Iżjed minn hekk, nistgħu naslu biex nikkonvinċu ruħna li din hi l-liġi tal-ħajja u nilloppjaw ruħna b’ħarbiet li ma jagħmlux ħlief jitfu t-tama li Alla xeħtilna f’ħobbna. Hekk huma, ħafna drabi, il-passi tagħna, hekk il-mixi tagħna, bħal dak ta’ dawn in-nisa, niġġerrew bejn ix-xewqa ta’ Alla u rassenjazzjoni mnikkta. Ma jmutx biss l-Imgħallem: miegħu tmut it-tama tagħna.

 

“U ara, inħasset theżżiża kbira” (Mt 28:2). F’ħin bla waqt, dawk in-nisa ħadu tregħida kbira, xi ħaġa u xi ħadd heżżeż l-art ta’ taħt riġlejhom. Xi ħadd, għal darb’oħra, ġie jiltaqa’ magħhom u qalilhom: “Tibżgħu xejn”, imma din id-darba żied: “Qam, kif kien qal!” (Mt 28:6). U din hi l-aħbar li, minn ġenerazzjoni għall-oħra, dan il-Lejl qaddis jirregalalna: Ma nibżgħux, ħuti, għax Hu qam kif kien qal! Dik l-istess ħajja mċarrta, meqruda, imxejna fuq is-salib reġgħet qamet u qalbha qed tħabbat mill-ġdid (ara R. Guardini, Il Signore, Milano 1984, 501). Il-qalb tħabbat tal-Irxoxt joffrihielna bħala don, bħala rigal, bħala xefaq. Il-qalb tħabbat tal-Irxoxt hi dak li ngħatalna u li mbagħad ġejna mitluba rroddu bħala qawwa li kapaċi tibdel, bħala ħmira li ttella’ l-għaġna ta’ umanità ġdida. Bil-Qawmien tiegħu, Kristu mhux biss gerbeb il-ġebla tal-qabar, imma jrid ukoll ineħħi l-ħitan kollha li jagħlquna fil-pessimiżmi niexfa tagħna, fid-dinjiet kunċettwali hekk ikkalkulati tagħna li jbegħduna mill-ħajja, mit-tiftix ossessjonat tagħna ta’ sigurtà u ta’ ambizzjonijiet bla qies li kapaċi jilagħbu mad-dinjità ta’ ħaddieħor.

 

Meta l-Qassis il-Kbir, il-mexxejja reliġjużi kompliċi mar-Rumani emmnu li setgħu jikkalkulaw kollox, meta ħasbu li l-aħħar kelma kienet tlissnet u li huma setgħu jgħiduha, Alla jidħol fin-nofs biex iħawwad il-kriterji kollha u hekk joffri possibbiltà ġdida. Alla, għal darb’oħra, jiġi jiltaqa’ magħna biex jistabbilixxi u jwaqqaf żmien ġdid, iż-żmien tal-ħniena. Din hi l-wegħda li saret sa minn dejjem, din hi s-sorpriża ta’ Alla għall-poplu fidil tiegħu: ifraħ u thenna, għax il-ħajja tiegħek taħbi fiha ż-żerriegħa tal-qawmien, offerta ta’ ħajja li qed tistenna l-qawmien.

 

U dan hu li dan il-lejl isejħilna nxandru: il-qalb tħabbat tal-Irxoxt, Kristu hu ħaj! U dan hu li bidel il-pass ta’ Marija Maddalena u ta’ Marija l-oħra: dan hu li jġagħlhom imorru jħaffu u jiġru biex jagħtu l-aħbar (ara Mt 28:8); dan hu li jreġġagħhom lura fuq l-istess passi tagħhom u fuq l-istess ħarsiet tagħhom; lura lejn il-belt biex jiltaqgħu mal-oħrajn.

 

Kif magħhom dħalna fil-qabar, hekk magħhom nistedinkom immorru, nirritornaw fil-belt, lura fuq il-passi tagħna, fuq il-ħarsiet tagħna. Magħhom ejja mmorru nwasslu l-aħbar, immorru… F’dawk l-imkejjen kollha fejn donnu l-qabar kellu l-aħħar kelma u fejn donnha l-mewt kienet l-unika soluzzjoni. Immorru nħabbru, naqsmu, nuru li hu minnu: il-Mulej hu Ħaj. Hu ħaj u jrid iqum mill-ġdid f’tant uċuħ li difnu t-tama, difnu l-ħolm tagħhom, difnu d-dinjità tagħhom. U jekk m’aħniex kapaċi nħallu l-Ispirtu jmexxina f’din it-triq, allura m’aħniex Insara.

 

Immorru u nħallu din l-għodwa differenti tissorprendina, inħallu jgħaġġibna dak il-ġdid li Kristu biss jaf jagħti. Inħallu l-ħlewwa u l-imħabba tiegħu jħarrku l-passi tagħna, inħallu t-taħbita ta’ qalbu tibdel it-taħbita dgħajfa ta’ qalbna.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard