Żjara tal-Qdusija Tiegħu

il-Papa Franġisku

fil-Parroċċa ta’ Santa Maria a Setteville

Omelija

Waqt iċ-Ċelebrazzjoni Ewkaristika

Il-Ħadd, 15 ta’ Jannar 2017

 

Il-Vanġelu jippreżentalna lil Ġwanni (il-Battista) fil-mument li fih jagħti xhieda ta’ Ġesù. Hekk kif ra lil Ġesù riesaq lejh, qal: “Araw il-Ħaruf ta’ Alla, dak li jneħħi d-dnub tad-dinja! Hu Dak li għaliħ għedtilkom: “Warajja ġej bniedem li hu aqwa minni, għax kien qabli” (Ġw 1,29-30).  Dan huwa l-Messija. Ta xhieda. U xi dixxipli – dixxipli ta’ Ġwanni –, kif semgħu din ix-xhieda marru wara Ġesù; marru warajh u baqgħu ferħanin:  “Sibna l-Messija!” (Ġw 1,41). Ħassew il-preżenza ta’ Ġesù. Imma għaliex iltaqgħu ma’ Ġesù? Għaliex kien hemm xhud, kien hemm bniedem li kien xhud, għaliex kien hemm bniedem li ta xhieda ta’ Ġesù.

 

X’jiġri f’ħajjitna? Hemm ħafna Nsara li jistqarru li Ġesù huwa Alla; hemm ħafna qassisin li jistqarru li Ġesù huwa Alla, tant isqfijiet… Iżda kollha jagħtu xhieda ta’ Ġesù? Jew li tkun Nisrani huwa qisu… mod kif tgħix bħal kull mod ieħor, bħal qisek sapporter ta’ xi tim? “Imma iva, jien Nisrani…” Jew bħal meta jkollok xi filosofija: “Jien nosserva dawn il-kmandamenti, jien Nisrani, irrid nagħmel dan…”  Li tkun Nisrani, qabel kollox, huwa li tagħti xhieda ta’ Ġesù. L-ewwel ħaġa. U dan huwa dak li għamlu l-Appostli: l-Appostli taw xhieda ta’ Ġesù, u b’hekk il-Kristjaneżmu xtered mad-dinja kollha.  Xhieda u martirju: l-istess ħaġa. Tingħata xhieda fiċ-ċokon, u wħud jaslu fil-kobor, li jagħtu l-ħajja fil-martirju, bħall-Appostli. Imma l-Appostli ma kinux għamlu xi kors sabiex isiru xhieda ta’ Ġesù, ma kinux studjaw, ma marrux l-università. Kienu semgħu l-Ispirtu s-Santu ġewwa fihom u segwew l-ispirazzjoni tal-Ispirtu s-Santu; kienu fidili ma’ dan. Imma kienu midinba, kollha! It-Tnax kienu midinba. Le, Padre, Ġuda biss!”. Le, miskin… Aħna ma nafux x’ġara wara mewtu, għax il-ħniena ta’ Alla tkun hemmhekk ukoll dak il-mument. Imma kollha kienu midinba, kollha. Għajjura, kellhom l-għira bejniethom: “Le, jien irrid nokkupa l-ewwel post u int it-tieni”; u tnejn minnhom ikellmu ’l ommhom sabiex tmur tkellem lil Ġesù sabiex jagħti l-ewwel post lit-tfal tagħha… Kienu hekk, bid-dnubiet kollha. Kienu wkoll tradituri, għaliex meta qabdu lil Ġesù, kollha ħarbu, mimlijin biża’; inħbew: kienu beżgħana. U Pietru, li kien jaf li kien il-kap, ħass il-ħtieġa li jersaq xi ftit sabiex jara x’kien qed jiġri; u meta l-qaddejja tas-saċerdot qalet: “Imma int ukoll kont…”, qal: “Le, le, le”. Ċaħad lil Ġesù. Pietru! L-ewwel Papa. Ittradixxa lil Ġesù. U dawn huma x-xhieda! Iva, għaliex kienu xhieda tas-salvazzjoni li ġab Ġesù, u kollha, permezz ta’ din is-salvazzjoni, ikkonvertew, ħallew lilhom infushom ikunu salvati. Kemm hu sabiħ meta, fuq xatt ix-xmara, Ġesù jagħmel dak il-miraklu (is-sajda mirakuluża) u Pietru jgħid: “Tbiegħed minni, Mulej, għaliex jiena raġel midneb” (Lq 5,8). Li tkun xhud ma jfissirx li tkun qaddis, imma tkun bniedem fqajjar, waħda fqira tgħid: “Iva, jien midinba, imma Ġesù huwa l-Mulej u jien nagħti xhieda tiegħu, u jien infittex li nagħmel it-tajjeb kuljum, li nikkoreġi ħajti, li naqbad it-triq it-tajba”.

 

Biss irrid inħallilkom messaġġ. Dan nifhmuh kollha, dak li għidt: xhieda midinba. Imma, waqt li naqra l-Vanġelu, jien ma nsibx xi (tip ta’) dnub fl-Appostli. Uħud vjolenti kien hemm, li riedu jaħarqu villaġġ li ma kienx laqagħhom…  Kellhom tant dnubiet: tradituri, beżżiegħa… Imma na nsibx wieħed (partikolari): ma kinux paċpaċa, ma kinux jitkellmu ħażin fuq l-oħrajn, ma kinux jitkellmu ħażin wieħed fuq l-ieħor. F’dan kienu bravi. Ma kinux “iqaxxru ’l xulxin”. Jien naħseb fil-komunitajiet tagħna: kemm darbi, dan id-dnub, li “nqaxxru ’l xulxin”, li npaċpċu, li naħsbuna superjuri fuq l-ieħor u nitkellmu ħażin bil-moħbi! Dan fil-Vanġelu, huma m’għamluhx. Għamlu ħwejjeġ koroh, ittradew il-Mulej, imma dan le. Anki f’parroċċa, f’komunità fejn kulħadd jaf… dan qarraq, dan għamel dik il-ħaġa… imma mbagħad iqerr, jikkonverti… Aħna kollha midinba. Imma f’komunità fejn hemm il-paċpaċa nisa u rġiel, hija komunità li mhix kapaċi tagħti xhieda.

 

Jien ngħid dan biss: tridu parroċċa perfetta? Xejn tpaċpiċ. Xejn. Jekk inti għandek xi ħaġa kontra xi ħadd, mur għidlu f’wiċċu, jew għidu lill-kappillan: imma mhux bejnietkom. Dan huwa s-sinjal li l-Ispirtu s-Santu jinsab fil-parroċċa. Id-dnubiet l-oħra, għandna lkoll kemm aħna. Hemm kollezzjoni ta’ dnubiet: wieħed għandu dan, wieħed għandu dak, imma lkoll kemm aħna midinba. Imma dak li bħall-kamla jeqred il-komunità huwa t-tpaċpiċ, minn wara d-dahar.

 

Jien nixtieq li f’dan il-jum ta’ din iż-żjara din il-komunità tagħmel il-wegħda li ma tpaċpaċx. U meta jkollok aptit tpaċpaċ, igdem ilsienek, jintefaħlek, imma jagħmillek ħafna ġid, għax fil-Vanġelu dawn ix-xhieda ta’ Ġesù – midinba: ittradew ukoll il-Mulej! – qatt ma paċpċu fuq xulxin. U dan huwa sabiħ. Parroċċa fejn mhemmx tpaċpiċ hija paroċċa perfetta, hija parroċċa ta’ midinba, iva, imma ta’ xhieda. U din hija x-xhieda li kienu jagħtu l-ewwel Insara: “Kemm jinħabbu, kemm jinħabbu!” Tinħabb għall-anqas f’dan. Il-Mulej jagħtikom dan ir-rigal, din il-grazzja: qatt, qatt tpaċpċu fuq xulxin. Grazzi.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Edmond Callejja