VJAĠĠ APPOSTOLIKU TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIS-SRI LANKA U L-FILIPPINI

(12-19 TA’ JANNAR 2015)

 QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATU GIUSEPPE VAZ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 Galle Face Green, Colombo - L-Erbgħa 14 ta’ Jannar 2015

 

Din hi l-profezija mill-isbaħ li għadna kemm smajna fl-Ewwel Qari tal-lum.  Isaija jħabbar sa minn qabel ix-xandir tal-Vanġelu ta’ Ġesù Kristu sa truf l-art.  Din il-profezija għandha tifsira speċjali għalina li qed niċċelebraw il-kanonizzazzjoni tal-missjunarju kbir tal-Vanġelu San Ġużepp Vaz.  Bħal għadd kbir ta’ missjunarji oħra fl-istorja tal-Knisja, hu wieġeb għall-kmand ta’ Kristu Rxoxt biex imorru jagħmlu dixxipli mill-ġnus kollha (ara Mt 28:19).  Bi kliemu, imma fuq kollox bl-eżempju ta’ ħajtu, wassal lill-poplu ta’ dan il-pajjiż għall-fidi li tagħtina “sehem fost dawk li huma kkonsagrati lilu (Atti 20:32).

 

F’San Ġużepp naraw sinjal elokwenti tat-tjieba u l-imħabba ta’ Alla għall-poplu tas-Sri Lanka.  Imma fih nilmħu wkoll stimolu biex nipperseveraw fit-triq tal-Vanġelu, biex aħna stess nikbru fil-qdusija, u nagħtu xhieda tal-messaġġ evanġeliku ta’ rikonċiljazzjoni li għalih hu ddedika ħajtu.

 

Saċerdot Oratorjan, minn art twelidu Goa, San Ġużepp Vaz wasal f’dan il-pajjiż, imnebbaħ minn żelu missjunarju u minn imħabba kbira għal dawn in-nies.  Minħabba fil-persekuzzjoni reliġjuża li kienet għaddejja, kien jilbes ta’ tallab, iwettaq id-dmirijiet saċerdotali tiegħu billi jiltaqa’ mal-fidili fis-sigriet, spiss bil-lejl.  L-isforzi tiegħu taw qawwa spiritwali u morali lill-Kattoliċi assedjati.  Hu kellu xewqa kbira li jaqdi lill-morda u l-batuti.  Il-ministeru tiegħu ma’ dawk milquta mill-epidemija tal-ġidri f’Kandy kienet hekk apprezzata mir-Re, li ngħatatlu libertà akbar biex iħaddem l-istess ministeru.  Minn Kandy seta’ jilħaq zoni oħra tal-gżira.  Intefa’ b’ruħu u ġismu għall-ħidma missjunarja u miet, mifni bix-xogħol, fl-età ta’ disgħa u ħamsin sena, meqjum għal qdusitu.

 

San Ġużepp Vaz jibqa’ mudell u mgħallem għal ħafna raġunijiet, imma nixtieq nieqaf fuq tlieta minnhom.

 

Qabel xejn, hu kien saċerdot eżemplari.  Hawn il-lum magħna hawn ħafna saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, li, bħal San Ġużepp Vaz, huma kkonsagrati għas-servizz tal-Vanġelu ta’ Alla u għall-proxxmu.  Inħeġġeġ lil kull wieħed u waħda minnkom biex tħarsu lejn San Ġużepp bħala gwida żgura.  Hu jgħallimna noħorġu lejn il-periferiji, biex Ġesù Kristu jkun magħruf u maħbub kullimkien.  Hu wkoll eżempju ta’ tbatija bis-sabar għall-kawża tal-Vanġelu, ta’ ubbidjenza għas-superjuri, ta’ għożża mimlija mħabba għall-Knisja ta’ Alla (ara Atti 20:28).  Bħalna għex f’perjodu ta’ bidliet mgħaġġla u kbar; il-Kattoliċi kienu minoranza spiss maqsuma minn ġewwa; raw ostilità minn barra, saħansitra persekuzzjonijiet.  Madankollu, magħqud kif kien il-ħin kollu fit-talb mal-Mulej mislub, kien kapaċi jsir għan-nies kollha ikona ħajja ta’ l-imħabba ħanina u rikonċiljanti ta’ Alla.

 

It-tieni nett, San Ġużepp uriena l-importanza li negħlbu l-firdiet reliġjużi fis-servizz għall-paċi.  L-imħabba sħiħa tiegħu lejn Alla fetħitu għall-imħabba tal-proxxmu; hu ddedika l-ministeru tiegħu għal dawk fil-bżonn, kienu min kienu u kienu fejn kienu.  L-eżempju tiegħu jissokta jnebbaħ il-lum ukoll lill-Knisja fis-Sri Lanka.  Hi taqdi minn qalbha u b’mod ġeneruż lill-membri kollha tas-soċjetà.  Ma tagħmilx distinzjoni bejn razza, twemmin, appartenenza tribali, qagħda soċjali jew reliġjon fis-servizz li tagħti permezz ta’ l-iskejjel, l-isptarijiet, il-kliniċi u bosta opri oħra ta’ karità.  Hi ma titlob xejn iżjed ħlief il-libertà li tkompli miexja bil-missjoni tagħha.  Il-libertà reliġjuża hi dritt uman fundamentali.  Kull individwu għandu jkun liberu, waħdu jew flimkien ma’ oħrajn, li jfittex il-verità, li jesprimi b’mod miftuħ il-konvinzjonijiet reliġjużi tiegħu, ħieles minn intimidazzjonijiet u minn kostrizzjonijiet esterni.  Kif tgħallimna l-ħajja ta’ San Ġużepp Vaz, il-qima awtentika ta’ Alla twassal mhux għad-diskriminazzjoni, għall-mibegħda u għall-vjolenza, imma għar-rispett tal-qdusija tal-ħajja, għar-rispett tad-dinjità u l-libertà ta’ l-oħrajn u għall-impenn mimli mħabba b’riżq il-ġid ta’ kulħadd.

 

Fl-aħħar nett, San Ġużepp joffrilna eżempju ta’ żelu missjunarju.  Minkejja li kien ġie Ceylon biex jgħin u jwieżen il-komunità Kattolika, fil-karità evanġelika tiegħu hu wasal għand kulħadd.  Ħalla warajh id-dar, il-familja, il-kumdità tal-postijiet familjari tiegħu, biex wieġeb għas-sejħa li jitlaq, li jitkellem dwar Kristu kull fejn imur.  San Ġużepp kien jaf kif għandu joffri l-verità u l-ġmiel tal-Vanġelu f’kuntest multi-reliġjuż, b’rispett, dedikazzjoni, perseveranza u umiltà.  Din hi t-triq anki għad-dixxipli ta’ Ġesù l-lum.  Aħna msejħin “noħorġu” bl-istess żelu, bl-istess kuraġġ ta’ San Ġużepp, imma anki bis-sensibbiltà tiegħu, bir-rispett tiegħu għall-oħrajn, bix-xewqa li kellu li jaqsam magħhom dik il-kelma ta’ grazzja (ara Atti 20:32) li kapaċi tibnihom.  Aħna msejħin biex inkunu dixxipli missjunarji.

 

Għeżież ħuti, nitlob li, fuq l-eżempju ta’ San Ġużepp Vaz, l-Insara ta’ dan il-pajjiż jistgħu jitwettqu fil-fidi u jagħtu kontribut ikbar għall-paċi, għall-ġustizzja u għar-rikonċiljazzjoni fis-soċjetà tas-Sri Lanka.  Dan hu li jistenna Kristu minnkom.  Dan hu li jgħallimkom San Ġużepp.  Dan hu li l-Knisja qed titlob minnkom.  Nafdakom ilkoll fit-talb tal-Qaddis ġdid tagħna, biex, f’għaqda mal-Knisja kollha mxerrda mad-dinja, intom tistgħu tgħannu għanja ġdida lill-Mulej u xxandru l-glorja tiegħu sa truf l-art.  Għax kbir hu l-Mulej u jixraqlu kull tifħir (ara Salm 96:1-4)!  Amen.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard