ĠUBLEW STRAORDINARJU TAL-ĦNIENA

ĠUBLEW TAL-PERSUNI SOĊJALMENT ESKLUŻI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ħadd 13 ta’ Novembru 2016

 

Imma għalikom […] titla’ x-xemx tal-ġustizzja” (Mal 3:20. Kliem il-profeta Malakija, li smajna fl-Ewwel Qari, idawwal iċ-ċelebrazzjoni ta’ dan il-jum ġubilari. Insibuh fl-aħħar paġna tal-aħħar profeta tat-Testment il-Qadim u hu indirizzat lejn dawk li jafdaw fil-Mulej, li jqiegħdu t-tama tagħhom fih, jagħżluh bħala l-ogħla ġid ta’ ħajjithom u jirrifjutaw li jgħixu biss għalihom infushom u għall-interessi tagħhom. Għal dawk, foqra fihom infushom imma għonja f’Alla, titla’ x-xemx tal-ġustizzja tiegħu: huma l-foqra fl-ispirtu, li Ġesù jwegħidhom is-saltna tas-smewwiet (ara Mt 5:3) u li Alla, b’fomm il-profeta Malakija, isejħilhom “teżor liema bħalu” (Mal 3:17). Il-profeta jqabbilhom mas-suppervi, ma’ dawk li qiegħdu ċ-ċertezza tal-ħajja fl-awtosuffiċjenza tagħhom u fil-ġid tad-dinja. Quddiem din l-aħħar paġna tat-Testment il-Qadim, jixirfu mistoqsijiet li jisfidawna dwar it-tifsira aħħarija tal-ħajja: Fejn qed infittex jien iċ-ċertezzi tiegħi? Fil-Mulej jew f’ċertezzi oħra li ma jogħġbux lil Alla? Lejn fejn miexja ħajti, lejn fejn tipponta qalbi? Lejn il-Mulej Sid il-ħajja jew lejn ħwejjeġ li jgħaddu u ma jaqtgħux l-għatx?

 

Kwistjonijiet jixxiebhu jidhru fis-silta tal-Vanġelu tal-lum. Ġesù jinsab Ġerusalemm, għall-aħħar u l-aktar paġna importanti tal-ħajja tiegħu fuq din l-art: il-mewt u l-qawmien tiegħu. U qrib it-Tempju, “imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet” (Lq 21:5). In-nies kienet qed titkellem sewwasew fuq il-ġmiel tat-Tempju minn barra, meta Ġesù jaqbeż u jgħid: “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx” (v. 6). Iżid li mhux sa jonqsu gwerer, ġuħ, taqlib fl-art u fis-sema. Ġesù ma jridx ibeżżagħna, imma jrid jgħidilna li dak kollu li qed naraw, illum jew għada se jintemm żgur. Anki s-saltniet l-aktar qawwija, l-iktar binjiet imqaddsa u r-realtajiet l-iżjed stabbli tad-dinja, mhumiex sa jibqgħu hemm għal dejjem; illum jew għada, jiġġarrfu.

 

Quddiem dawn l-affermazzjonijiet, in-nies dlonk tagħmel żewġ mistoqsijiet lill-Imgħallem: “Dan meta għad jiġri? U x’se jkun is-sinjal li dawn il-ħwejjeġ ikunu waslu biex iseħħu?” (v. 7). Meta u kif… Dejjem tegħlibna l-kurżità: irridu nafu meta u nirċievu xi sinjali. Imma Ġesù din il-kurżità xejn ma togħġbu. Bil-maqlub, hu jitlobna biex ma nitqarrqux minn predikaturi apokalittiċi. Min jimxi wara Ġesù ma jismax mill-profeti tal-iżventura, mill-frugħa tal-oroskopju, mill-predikazzjoni u mit-tbassir li jġib il-biża’, u jaljenana minn dak li jiswa tassew. Qalb tant ilħna li nisimgħu, il-Mulej qed jistedinna nagħżlu bejn dak li jiġi minnu u dak li jiġi mill-ispirtu qarrieq. Importanti: nagħmlu għażla bejn l-istedina kollha għerf li Alla jagħmlilna ta’ kuljum u l-istorbju ta’ min jinqeda b’isem Alla biex iwerwer, u jqanqal firdiet u biżgħat.

 

Ġesù jistedinna bil-qawwa kollha biex ma nitbeżżgħux quddiem it-taqlib ta’ kull epoka, lanqas quddiem il-provi l-iżjed gravi u inġusti li jgħaddu minnhom id-dixxipli tiegħu. Hu jridna nipperseveraw fit-tajjeb u nqiegħdu l-fiduċja sħiħa tagħna f’Alla, li qatt ma jqarraq bina: “Imma xagħra waħda minn raskom ma tintilifx” (v. 18). Alla ma jinsiex lill-fidili tiegħu, it-teżor tiegħu, li huwa aħna.

 

Imma llum hu qed jisfidana naħsbu fuq it-tifsira tal-ħajja tagħna. Jekk irridu nużaw xbieha, nistgħu ngħidu li dan il-qari qisu “għarbiel” biex minnu ngħaddu l-ħajja tagħna: ifakkarna li f’din id-dinja kważi kollox jgħaddi, bħall-ilma li jċarċar; imma hemm realtajiet prezzjużi li jibqgħu, bħal ġawhra li teħel fl-għarbiel. X’jibqa’, x’inhu dak li għandu valur fil-ħajja, liema għana ma jgħibx fix-xejn? Żgur li hemm tnejn: il-Mulej u l-proxxmu tagħna. Dawn iż-żewġ teżori ma jintemmux! Dan hu l-ogħla ġid, li rridu nħobbu. Il-bqija kollu – is-sema, l-art, l-isbaħ affarijiet, anki din il-Bażilika – jgħaddi; imma ma rridux neskludu lil Alla u lill-oħrajn mill-ħajja.

 

U propju llum, meta nitkellmu tant dwar esklużjoni, dritt jiġuna f’moħħna persuni konkreti; mhux ħwejjeġ bla siwi, imma persuni prezzjużi. Il-persuna umana, imqiegħda minn Alla fil-quċċata tal-ħolqien, spiss tiġi mormija, għax iktar nippreferu l-ħwejjeġ li jgħaddu. U dan mhux aċċettabbli, għax il-bniedem hu l-egħżeż ġid f’għajnejn Alla. U hi ħaġa gravi li nidraw narmuh; għandna għax ninkwetaw, meta l-kuxjenza tisfa lloppjata u ma tibqax tagħti kas tal-aħwa li qed ibatu maġenbna jew tal-problemi serji tad-dinja, li jsiru biss ritornelli li diġà smajna fuq l-aħbarijiet.

 

Illum, għeżież ħuti, hu l-Ġublew tagħkom, u bil-preżenza tagħkom qed tgħinuna nissintonizzaw ruħna mal-frekwenza ta’ Alla, biex naraw kif jara hu: hu ma jiqafx mad-dehra ta’ barra (ara 1 Sam 16:7), imma jixħet ħarstu fuq “l-imsejken u n-niedem f’qalbu” (Is 66:2), fuq tant Lazzri foqra tal-lum. Kemm nagħmlu ħażin meta nagħmlu tabirruħna ma ntbaħniex b’Lazzru li ġie eskluż u mormi (ara Lq 16:19-21)! Lil Alla nkunu qed indawrulu wiċċna n-naħa l-oħra! Hu sintomu ta’ sklerosi spiritwali meta l-interess tagħna jikkonċentra fuq x’ħa nipproduċu, flok fuq liema persuni ħa nħobbu. Hekk titwieled il-kontradizzjoni traġika ta’ żminijietna: iktar ma jikbru l-progress u l-possibbiltajiet, li hi ħaġa tajba, iżjed jiżdiedu dawk li ma għandhomx aċċess għalihom. Hi inġustizzja kbira li għandha tħassibna, wisq iżjed milli nkunu nafu meta u kif sa jkun l-aħħar tad-dinja. Għax ma nistgħux noqogħdu bi kwietna d-dar meta Lazzru mixħut hemm wara biebna; m’hemmx paċi fid-dar ta’ min qiegħed sew, meta fid-dar ta’ kulħadd hi nieqsa l-ġustizzja.

 

Illum, fil-katidrali u fis-santwarji tad-dinja kollha qed jingħalqu l-Bibien tal-Ħniena. Nitolbu l-grazzja li ma nagħlqu qatt għajnejna quddiem Alla li qed iħares lejna u quddiem il-proxxmu li qed jitlobna l-għajnuna. Ejjew niftħu għajnejna lil Alla, innaddfu l-vista tal-qalb tagħna mir-rappreżentazzjonijiet qarrieqa u li jbeżżgħu, mill-alla tal-poter u tal-kastigi, affarijiet li jipproġettawhom is-suppervja u l-biża’ uman. Inħarsu b’fiduċja lejn Alla tal-ħniena, biċ-ċertezza li “l-imħabba ma tintemm qatt” (1 Kor 13:8). Inġeddu t-tama fil-ħajja vera li għaliha aħna msejħin, dik li ma tgħaddi qatt u li hemm tistenniena f’xirka mal-Mulej u mal-oħrajn, f’ferħ li jibqa’ għal dejjem u hu bla tmiem.

 

U niftħu għajnejna għall-proxxmu, fuq kollox għal ħuna minsi u eskluż, għal “Lazzru” li jinsab mixħut wara biebna. Fuq hemm qiegħda l-lenti tal-Knisja. Ħa jeħlisna l-Mulej milli ndawruha fuqna nfusna. Ħa jwarrabna mill-qerq li jaljenana, mill-interessi u mill-privileġġi, mir-rabtiet mal-poter u mal-glorja, mill-ġibda tal-ispirtu ta’ din id-dinja. L-Omm tagħna l-Knisja tħares “b’mod partikulari lejn dik il-parti tal-umanità li qed tbati u tibki, għax taf li dawn il-persuni huma tagħha b’jedd Evanġeliku” (Pawlu VI, Indirizz fil-ftuħ tat-II Sessjoni tal-Konċilju Vatikan II, 29 ta’ Settembru 1963). Bi dritt, u anki bi dmir Evanġeliku, għax hu dmir tagħna li nieħdu ħsieb tal-għana veru li huma l-foqra. Fid-dawl ta’ dawn ir-riflessjonijiet, nixtieq li llum ikun “jum il-foqra”. Dan tfakkarhulna tajjeb tradizzjoni antika, dwar il-martri qaddis Ruman Lawrenz. Hu, qabel ma ġarrab martirju mill-eħrex għall-imħabba tal-Mulej, qassam il-ġid tal-komunità lill-foqra, li hu sejħilhom il-veri teżori tal-Knisja. Ħa jagħtina l-Mulej li nħarsu bla biża’ lejn dak li jiswa tassew, li ndawru qlubna lejh u lejn it-teżori veri tagħna.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard