QUDDIESA FL-OKKAŻŻJONI TAL-JUM MARJAN

FIS-SENA TAL-FIDI

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Pjazza San Pietru - Il-Ħadd, 13 t’Ottubru 2013

 

Fis-Salm għidna: “Għannu lill-Mulej għanja ġdida, għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb”  (Salm 97, 1).

Illum ninsabu quddiem waħda mill-ħwejjeġ tal-għaġeb tal-Mulej: Marija!  Kreatura umli u fraġli bħalna, magħżula biex tkun l-Omm ta’ Alla, l-Omm tal-Ħallieq tagħha. 

Hekku waqt li nħarsu lejn Marija fid-dawl tal-Qari li smajna, nixtieq nirrifletti magħkom fuq tlitt realtajiet: l-ewwel, Alla jissorprendina; it-tieni, Alla jitlob minna fedelta’; it-tielet, Alla huwa l-qawwa tagħna.

1. L-ewwel:  Alla jissorprendina.  Il-ġrajja ta’ Naaman, kap tal-eżerċitu tas-sultan ta’ Aram, hija waħdanija:  biex ifieq mill-marda tal-lebbra imur għand il-profeta t’Alla, Eliżew, li ma jwettaqx riti maġiċi; l-anqas ma jitolbu ħwejjeġ sgtraordinarji, imma biss li jafda f’Alla u jinxteħet fl-ilma tax-xmara; imma mhux xi waħda mix-xmajjar kbar ta’ Damasku, imma tax-xmara żgħira tal-Ġurdan.  Hija talba li tħalli lil Naaman imħawwad, u sorpriż ukoll: Alla jista’ jkun dak li jitlob xi ħaġa daqshekk sempliċi?  Irid jerġa lura, imma mbagħad jagħmel il-pass, jinxteħet fil-Ġurdan u jfieq minnufih (ara 2 Re 5, 1-14).  Hekku, Alla jissorprendina; huwa proprju fil-faqar, fin-nuqqas ta’ ħila, fl-umilta’ li juri lilu nnifsu u jagħtina imħabbtu li ssalvana, li tfejjaqna, li tagħtina l-qawwa.  Huwa jitlob biss li nimxu fuq kelmtu u nafdaw fih.

Din hija l-esperjenza tal-verġni Marija: quddiem it-tħabbira tal-Anġlu ma taħbix li kienet sorpriża għaliha.  Huwa l-għaġeb li tara li Alla, sabiex isir bniedem, jagħżel proprju lilha, sempliċi tfajla minn Nażaret, li ma kenitx tgħix fil-palazzi tas-setgħa u tal-għana, li ma kenitx wettqet ħwejjeġ straordinarji, imma kienet miftuħa għal Alla, kienet taf tafda fiH, u wkoll jekk ma tifhimx kollox: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1, 38).  Din hija t-tweġiba tagħha.  Alla jissorprendina dejjem, ikisser l-iskemi tagħna, iqiegħed fi kriżi il-proġetti tagħna, u jgħidilna: afda fija, la tibżax, ħallik tkun sorpriż, oħroġ minnek innifsek u imxi warajja!

Illum insaqsu lkoll lilna nfusna jekk nibżgħux minn dak li Alla jista’ jitlobna jew minn dak li jitlobna.  Jiena nħalli lil Alla jissorprendini, kif għamlet Marija, jew ningħalaq fis-sigurtajiet tiegħi, sigurtajiet materjali, sigurtajiet intellettwali, sigurtajiet ideoloġiċi, sigurtajiet tal-proġetti tiegħi?  Inħalli tassew lil Alla jidħol f’ħajti?  Kif inwieġbu?

2. Fis-silta ta’ San Pawl li smajna, l-Appostlu jdur fuq id-dixxiplu tiegħu Timotju u jgħidlu: ftakar f’Ġesu’ Kristu, jekk nipperseveraw miegħu, miegħu wkoll għad insaltnu (ara 2Tim 2, 8-13),  Hekku t-tieni punt: niftakru dejjem fi Kristu, it-tifkira ta’ Ġesu’ Kristu; u dan hu li tippersevera fil-fidi;  Alla jissorprendina bi mħabbtu, imma jitlob fedelta’ biex nimxu warajh.  Aħna nistgħu nsiru “mimgħajr fedelta’”, imma Huwa ma jistax, Huwa dejjem “il-fidil” [f’kelmtu] u jitlob minna l-istess fedelta’. Niftakru f’kemm drabi ġejna entużjażmati minn xi ħaġa, għal xi inizjattiva, għal xi mpenn; imma mbagħad, quddiem l-ewwel problemi, bdejna naqtgħu qalbna.  U dan, ukoll, jiġri fl-għażliet fundamentali bħalma huwa ż-żwieġ.  Id-diffikulta li nkunu kostanti, li nkunu fidili għad-deċiżjonijiet li nkunu għamilna, quddiem l-impenji li ħadna.  Spiss tkun ħaġa ħafifa tgħid “iva”, imma mbagħad ma jirnexxilniex intennu din “l-iva” kull jum.  Ma jirnexxilniex inżommu kelmtna bil-fedelta’.

Marija qalet “l-iva” tagħha lil Alla, “iva” li biddlet ta’ taħt fuq l-eżistenza tagħha umli ta’ Nażaret, imma ma kenitx l-unika, anzi dik kienet biss l-ewwel ta’ ħafna “iva” imtennija f’qalbha fil-mumenti tagħha ta’ ferħ, kif ukoll f’dawk tat-tbatija; dawn kienu ħafna “iva” li waslu fil-qiċċata tagħhom taħt is-Salib.  Illum hawnhekk hawn ħafna ommijiet; aħsbu sa fejn waslet il-fedelta’ ta’ Marija lejn Alla:  tara l-Iben waħdieni tagħha fuq is-Salib.  Il-mara fidila [f’kelmitha], wieqfa, imfarrka minn ġewwa, imma żżomm kelmitha u qawwija

U jien insaqsi lili nnifsi:  Jiena nisrani “bl-iskossi” [illum mod u għada mod ieħor], jew jiena nisrani dejjem?  Il-kultura tal-provviżorju, ta’ dak li huwa relattiv tidħol ukoll fil-għixien tal-fidi.  Alla jitlob minna li nkunu fidili miegħu, kull jum, fl-azzjonijiet ta’ kull jum u jżid li ukoll meta xi drabi ma nkunux fidili lejH, Huwa dejjem jibqa’ fidil f’kelmtu u bil-ħniena tiegħu ma jgħejja qatt li jnewwlilna idejh biex jgħinna, biex jinkuraġġina ħalli nerġgħu naqbdu t-triq, nerġgħu lura għandu u nkellmuH fuq in-nuqqas ta’ ħila tagħna sabiex jagħtina l-qawwa tiegħu.  U din hija t-triq definittiva: dejjem mal-Mulej, fid-dgħufijiet tagħna wkoll, ukoll fi dnubietna.  Ma mmorru qatt fuq it-triq tal-provviżorju.  Dan joqtolna.  Il-fidi hija fedelta’ għal dejjem, bħal dik ta’ Marija.

3. L-aħħar ħsieb:  Alla huwa l-qawwa tagħna.  Naħseb fuq l-għaxar lebbrużi tal-Evanġelju li kienu mfejjqin minn Ġesu’:  marru għandu, jieqfu fil-bogħod u jgħajjtu: “Ġesu’, Mgħallem, ikollok ħniena minna!” (Lq 17, 13).  Huma morda, jeħtieġu li jkunu maħbubin, li jkollhom il-qawwa u jfittxu lil xi ħadd li jfejjaqhom.  U Ġesu’ jwieġeb billi jeħlishom ilkoll mill-marda tagħhom.  Iżda jimpressjonak il-fatt meta tara li wieħed biss jerġa’ lura biex ifaħħar lil Alla b’leħen għoli u jroddlu ħajr.  Ġesu’ nnifsu jinnota dan:  għaxra għajjtu biex jaqilgħu l-fejqan u wieħed biss reġa’ lura jgħajjat b’leħen għoli r-radd il-ħajr lil Alla u jagħraf li Huwa hu l-qawwa tagħna.  Inkunu nafu nroddu ħajr, inkunu nafu nfaħħru l-Mulej għal dak kollu li huwa jagħmel magħna.

Inħarsu lejn Marija: wara t-Tħabbira mill-anġlu, l-ewwel ġest li twettaq huwa dak ta’ karita’ lejn qaribitha anzjana, Eliżabetta; u l-ewwel kelmiet li tlissen huma “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej”, jiġifieri l-innu ta’ tifħir u ta’ radd il-ħajr lil Alla mhux biss għal dak li huwa għamel magħha, imma għal ħidmietu fl-istorja kollha tas-salvazzjoni.  Kollox huwa għotja tiegħu.  Jekk aħna nistgħu nifhmu li kollox huwa għotja t’Alla, kemm ikollna ferħ fi qlubna!  Kollox huwa għotja tiegħu.  Huwa hu il-qawwa tagħna.  Li tgħid “grazzi” hija ħaġa ħafifa, imma hija daqshekk diffiċli!  Kemm drabi aħna ngħidu grazzi fil-familja?  Hija waħda mill-kelmiet l-aktar importanti bejn dawk li jgħixu flimkien.  “Nista’ nagħmel hekk”, “skużi”, “grazzi”:  jekk fil-familja jingħadu dawn it-tlitt kelmiet, il-familja timxi ‘l quddiem. “Nista’ nagħmel hekk”, “skużani”, “grazzi”.  Kemm-il darba ngħidu “grazzi” fil-familja?  Kemm drabi ngħidu grazzi lil min jgħinna, lil min huwa qribna, lil min jakkumpanjana fil-ħajja?  Spiss aħna ngħoddu kollox bħala ħaġa mhux importanti!  U dan iseħħ ukoll ma’ Alla.  Hija ħaġa ħafifa tmur għand il-Mulej titolbu xi ħaġa; imma tmur biex troddlu ħajr: “Dik ma tiġinix f’moħħi”.

Fil-waqt li nkomplu niċċelebraw l-Ewkaristija, insejħu l-interċessjoni ta’ Marija sabiex tgħinna nħallu lil Alla jissorprendina mingħajr ma nirreżistu, biex inkunu fidili lejH kull jum, biex infaħħruh u nroddulu ħajr għaliex huwa hu l-qawwa tagħna.  Ammen.

 

 * * *


ATT TA’ FIDUĊJA SĦIĦA F’MARIJA

 

Qaddisa Verġni Marija ta’ Fatima,

b’radd il-ħajr imġedded għall-preżenza tiegħek ta’ Omm,

ngħaqqdu l-leħen tagħna ma’ dak ta’ kull nisel

li jsejjaħlek hienja.

 

Aħna niċċelebraw fik l-opri kbar ta’ Alla,

li qatt ma jgħejja jinżel bil-ħniena fuq il-bnedmin kollha,

imnikkta mill-ħażen u miġruħa bid-dnub,

biex ifejjaqha u jsalvaha.

 

Ilqa’, nitolbuk, bit-tjieba tiegħek ta’ Omm,

dan l-att ta’ fiduċja sħiħa li llum qegħdin nagħmlulek

għax nafdaw fik,

quddiem din ix-xbiha tiegħek tant għażiża għalina.

 

Aħna ninsabu ċerti li kull wieħed u waħda minna,

aħna lkoll niswew ħafna quddiem għajnejk

u xejn ma huwa barrani għalik minn dak kollu li hemm fi qlubna.

 

Aħna naslu quddiemek miġbudin minn dik ħarstek l-aktar ħelwa

u naqilgħu l-faraġ ħlejju tat-tbissima tiegħek.

 

Ħares ħajjitna f’idejk:

bierek u saħħaħ kull xewqa li nagħmlu t-tajjeb;

agħti ħajja ġdida u mantni l-fidi;

qawwi u dawwal it-tama;

qajjem mill-ġdid u agħti ruħ lill-imħabba;

mexxi lilna lkoll fit-triq tal-qdusija.

 

Għallimna l-istess imħabba tiegħek ta’ predilezzjoni

għaż-żgħar u għall-fqar

għal dawk li huma mwarrbin u li qed ibatu,

għall-midinbin u dawk li huma mitlufin f’qalbhom:

iġma’ lil kulħadd taħt il-ħarsien tiegħek
u rodd lil kulħadd lil Ibnek il-maħbub, il-Mulej tagħna Ġesu’.

Ammen.

 

 Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.