ĊELEBRAZZJONI PPRESEDUTA MILL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

FIL-MAFKAR MILITARI TA’ REDIPUGLIA

FIĊ-ĊENTINARJU TAL-BIDU TA’ L-EWWEL GWERRA DINJIJA

 

 QUDDIESA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Mafkar Militari ta’ Redipuglia

Is-Sibt 13 ta’ Settembru 2014

 

Wara li qgħadt nitgħaxxaq bil-ġmiel tal-pajsaġġ ta’ din iz-zona kollha, fejn tant persuni rġiel u nisa jitħabtu biex iżommu għaddejja l-familja tagħhom, fejn it-tfal jilagħbu u l-anzjani joħolmu… x’ħin sibt ruħi hawn, f’dan l-imkien, qrib ta’ dan iċ-ċimiterju, ħaġa waħda nsib xi ngħid: il-gwerra hi ġennata.

 

Waqt li Alla jwettaq il-ħolqien tiegħu, u aħna l-bnedmin imsejħin nikkollaboraw fl-opra tiegħu, il-gwerra taf biss teqred.  Teqred anki dak li Alla ħalaq l-iżjed sabiħ: il-bniedem.  Il-gwerra tqalleb kollox ta’ taħt fuq, anki r-rabta bejn l-aħwa.  Il-gwerra hi bluha, il-pjan ta’ żvilupp tagħha hu l-qerda: tikber skond kemm teqred!

 

Ir-regħba, l-intolleranza, l-ambizzjoni għall-poter… dawn huma r-raġunijiet li jwasslu għal deċiżjoni li ssir gwerra, u spiss dawn il-motivi huma ġġustifikati minn ideoloġija; imma l-ewwel tiġi l-passjoni, jiġi dak l-istimolu żbaljat.  L-ideoloġija hi ġustifikazzjoni, u meta m’hemmx ideoloġija, hemm it-tweġiba ta’ Kajjin: “X’jimpurtani?”.  “Jaqaw jien għassies ta’ ħija?” (Ġen 4:9).  Il-gwerra ma tħares f’wiċċ ħadd: xjuħ, tfal, ommijiet, missirijiet…  “X’jimpurtani?”.

 

Fuq id-daħla ta’ dan iċ-ċimiterju, bħal jiddandan fl-għoli l-motto ironiku tal-gwerra: “X’jimpurtani?”.  Dawn il-persuni kollha, li qed jistrieħu hawn, kellhom il-pjanijiet tagħhom, kellhom il-ħolm tagħhom…, imma ħajjithom sfat imfarrka.  Għaliex?  Għax l-umanità qalet: “Lili x’jimpurtani?”.

 

Anki l-lum, wara t-tieni falliment ta’ gwerra oħra dinjija, forsi nistgħu nitkellmu dwar it-tielet gwerra miġġielda “f’biċċiet”, b’reati, qtil, qerda…

 

Biex inkunu onesti, l-ewwel paġna tal-ġurnali messu jkollha bħala titlu: “X’jimpurtani?”.  Kajjin kien qal: “Forsi jien qiegħed għassa fuq ħija?”.

 

Dan l-atteġġjament hu eżattament il-kontra ta’ dak li jitlob minna Ġesù fil-Vanġelu.  Smajnieh: Hu jinsab fl-iċken fost l-aħwa: Hu, is-Sultan, l-Imħallef ta’ din id-dinja, Hu dak li hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, marid, fil-ħabs…  Min jieħu ħsieb ta’ ħuh, jidħol fl-hena ta’ Sidu; imma min ma jagħmilx hekk, min bit-tħollija ta’ dmirijietu jkun jgħid: “X’jimpurtani?”, jibqa’ barra.

 

Hawn u fiċ-ċimiterju l-ieħor hemm midfuna tant vittmi.  Il-lum aħna qed niftakru fihom.  Hemm il-biki, hemm il-luttu, hemm in-niket.  U minn hawn niftakru wkoll fil-vittmi tal-gwerer kollha.

 

Anki l-lum il-vittmi huma ħafna…  Kif jista’ jkun dan?  Jista’ jkun għax anki l-lum wara l-kwinti hemm interessi, pjanijiet ġeopolitiċi, kilba għall-flus u l-poter, hemm l-industrija ta’ l-armamenti, li donnha hi tant importanti!

 

U dawk li jippjanaw kif joħolqu t-terrur, dawn l-organizzaturi tal-kunflitti, kif ukoll in-negozjanti ta’ l-armi, f’qalbhom għandhom miktub: “X’jimpurtani?”.

 

Min hu għaref, jintebaħ bl-iżbalji li ħa, u jitnikket għalihom, jindem minnhom, jitlob maħfra u jibki.

 

B’dik ix-“X’jimpurtani?” li għandhom f’qalbhom dawk li jġibu l-gwerra, forsi huma jiggwadanjaw ħafna, imma l-qalb imħassra tagħhom tilfet il-ħila li tibki.  Kajjin ma bekiex.  Ma setax jibki.  Id-dell ta’ Kajjin qed jgħattina l-lum hawn, f’dan iċ-ċimiterju.  Jidher hawn.  Jidher fl-istorja li bdiet mill-1914 sa żmienna.  U jidher anki fi żmienna.

 

B’qalb ta’ iben, ta’ ħukom, ta’ missier, nitlob lilkom kollha u għalina lkoll il-konverżjoni tal-qalb: li ngħaddu minn “X’jimpurtani?”, għall-biki.  Għal dawk kollha li mietu fl-“istraġi inutli”, għall-vittmi kollha tal-ġenn tal-gwerra, f’kull żmien.  Nibku.  Ħuti, l-umanità għandha bżonn tibki, u din hi s-siegħa tal-biki.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard