QUDDIESA TA’ RINGRAZZJAMENT  
GĦALL-KANONIZZAZZJONI TA’ ŻEWĠ QADDISIN KANADIŻI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

Fil-Bażilika tal-Vatikan - Il-Ħadd, 12 ta’ Ottubru 2014

 

Smajna l-profezija tal-Iżaija: «Il-Mulej jixxotta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ……» (25,8). Dan il-kliem mimli tama f’Alla jindika d-destinazzjoni, juru l-futur li aħna lkoll mexjin lejh.  Il-qaddisin imxew qabilna u jiggwidawna f’din it-triq.  Dan il-kliem jiddeskrivi wkoll il-vokazzjoni tal-bnedmin missjunarji.

Il-missjunarji huma dawk li, għax doċli għall-Ispirtu s-Santu, għandhom il-kuraġġ li jgħixu l-Evanġelju.  Anki dan l-Evanġelju li għadna kif smajna: «Morru f’salib it-toroq» - jgħid ir-re lill-qaddejja tiegħu (Mattew 22,9).  U l-qaddejja ħarġu u ġabru lil kulħadd «tajbin u ħżiena», biex jeħduhom għall-ikla tat-tieġ tar-re (cfr v.10).

Il-missjunarji laqgħu din is-sejħa: ħarġu biex isejħu lil kulħadd f’salib it-toroq tad-dinja; u b’hekk għamlu tant ġid lill-Knisja, għax jekk il-Knisja tieqaf u tingħalaq, timrad, tista’ tikkorrompi ruħha kemm bid-dnubiet u wkoll b’għerf falz mifrud minn Alla, bħalma hu s-sekulariżmu mondan.

Il-missjunarji dawru ħarsithom lejn Kristu msallab, laqgħu l-grazzja tiegħu u ma żammewhiex għalihom.  Bħal San Pawl, saru kollox għal kulħadd; għarfu jgħixu fil-faqar u fl-abbundanza, fix-xaba’ u fil-ġuħ; kollox setgħu f’dak li kien iqawwihom (cfr Fil 4,12-13.  B’din il-qawwa huma sabu l-kuraġġ li joħorġu fit-toroq tad-dinja b’fiduċja fil-Mulej li jsejjaħ.  Hekk hi l-ħajja ta’ missjunarju u ta’ missjunarja…. Biex imorru bogħod minn djarhom, minn pajjiżhom; tant drabi maqtulin, assassinati!  Kif ġara f’dawn il-ġranet li tant ħutna oħra.

Il-missjoni evanġeliżżatriċi tal-Knisja hija essenzjalment it-tħabbira tal-imħabba, tal-ħniena u tal-maħfra t’Alla, rivelati lill-bnedmin permezz tal-ħajja, il-mewt u l-qawmien mill-imwiet ta’ Ġesù Kristu.  Il-missjunarji qdew il-Missjoni tal-Knisja, billi qassmu lill-iżgħar u lil dawk l-aktar imbiegħda, il-ħobż tal-Kelma u billi wasslu lil kulħadd ir-rigal tal-imħabba bla tmiem li tnixxi mill-istess qalb tas-Salvatur.

Hekk kienu San Franġisk de Laval u Santa Maria tal-Inkarnazzjoni.  Illum, għeżież pellegrini Kanadiżi, irrid inħallilkom żewġ ħsibijiet: meħudin mill-Ittra lill-Lhud, filwaqt li t-tiflira tal-missjunarji tagħmel tant ġid lill-komunitajiet tagħkom.

L-ewwel wieħed hu dan: «Ftakru f’dawk li jmexxukom, li wasslulkom il-Kelma t’Alla; aħsbu fuq it-tmiem ta’ ħajjithom, imxu fuq l-eżempju tal-fidi tagħhom (13,7).  Il-fakra tal-missjunarji issostnina fil-mument li nħossu n-nuqqas tal-operaturi tal-Evanġelju.  L-eżempji tagħhom jiġbduna, jimbuttawna biex nimitaw il-fidi tagħhom.  Huma tstimonjanzi li jiġġeneraw il-ħajja!

It-tieni hu dan: «Ftakru f'dawk l-ewwel jiem: lanqas biss ilħaqtu ddawwaltu bit-tagħlim, li ma ġarrabtux bis-sabar taqbida ħarxa. Tarmux, mela, il-fiduċja tagħkom, għax din iġġib magħha ħlas kbir.  Tassew li teħtieġu s-sabar biex tagħmlu r-rieda ta' Alla u tiksbu dak li hu wiegħed» (Filippin  4,30.34-36).  Nagħtu ġieħ lil min bata biex wasslilna l-Evanġelju, li jfisser li anki aħna nitqgħabdu it-taqbida t-tajba tal-fidi, bl-umiltà, bil-manswetudni u l-ħniena, fil-ħajja ta’ kuljum.  U dan iħalli l-frott.

Fakra ta’ dawk li ġew qabilna, dawk li waqqfu l-Knisja tagħna.  Il-Knisja ta’ Quebec hija waħda għammiela!  Għammiela għax tat tant missjunarji li tferrrxu ma’ kullimkien.  Id-dinja mtliet b’missjunarji Kanadiżi bħal dawn it-tnejn.  Issa parir: jalla din il-fakra ma ġġiegħlniex nabbandunaw is-sinċerità u l-kuraġġ.  Forsi, anzi le, mingħajr forsi, ix-xitan hu għajjur u ma jaħmilx li art tagħti tant missjunarji.   Nitolbu lill-Mulej biex il-Quebec jerġa’ lura lejn din it-triq tal-fekondità, biex jagħti lid-dinja tant missjunarji.  Dawn it-tnejn, li biex ngħidu hekk, waqqfu l-Knisja ta’ Quebec, jgħinuna bl-interċessjoni tagħhom.   Jalla ż-żerriegħa li ħawlu huma tikber u tagħti frott ta’ rġiel u nisa ġodda u kuraġġużi, li jħarsu fil-bogħod, b’qalb miftuħa għas-sejħa tal-Mulej.  Illum irridu nitolbu dan għall-patrija tagħkom.  Huma  mis-sema jinterċedu għalikom.  Jalla l-Quebec isir mill-ġdid nixxiegħa ta’ missjunarji bravi u qaddisin.

Dan hu l-ferħ u inkarigu tal-pellegrinaġ tagħkom: tiftakru fix-xhieda, fil-missjunarji tal-fidi f’artkom.  Din il-fakra hija l-bastun li jweżinna u jeħdona lejn il-futur, lejn id-destinazzjoni, meta «il-Mulej jixxtta d-dmugħ minn fuq kull wiċċ…»

«Nifirħu u nithennew bis-salvazzjoni tiegħu» ( 25,9).

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber