IT-TIELET IRTIR DINJI TAS-SAĊERDOTI

QUDDIESA

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Bażilika ta’ San Ġwann Lateran

Il-Ġimgħa 12 ta’ Ġunju 2015

 

Fl-Ewwel Qari nidħlu fil-qalba tal-ħlewwa ta’ Alla: Alla jirrakkonta lill-poplu tiegħu kemm iħobbu, kemm hu għażiż għalih.  Dak li Alla jgħid lill-poplu tiegħu, f’dan il-Qari tal-profeta Hosegħa, kapitlu 11, jgħidu lil kull wieħed u waħda minna.  U nagħmlu sew naqbdu f’idejna din is-silta, f’mument ta’ solitudni, u noqogħdu fil-preżenza ta’ Alla u nisimgħu: “Meta kont għadek tfajjel, ħabbejtek; ħabbejtek sa minn ċkunitek; fdejtek; ħriġtek mill-Eġittu, fdejtek mill-jasar”, mill-jasar tad-dnub, mill-jasar tal-qerda tiegħek innifsek u minn kull xorta ta’ jasar li kull bniedem jaf, kellu u għandu ġo fih.  “Jien salvajtek.  Jien għallimtek timxi”.  Xi ġmiel nisimgħu lil Alla jgħidilna li għallimna nimxu!  Dak li jista’ kollox jitbaxxa u jgħallimni nimxi.  Tiġini f’moħħi din il-frażi mid-Dewteronomju, meta Mosè jgħid lill-poplu tiegħu: “Isimgħu – huma hekk rashom iebsa! –: meta qatt rajtu alla li hu hekk qrib tal-poplu tiegħu, kif hu qrib tagħna Alla tagħna?”.  U l-qrubija ta’ Alla hi din il-ħlewwa: għallimni nimxi.  MingħajrU ma nkunx naf kif nimxi fl-Ispirtu.  “U żammejtlek idek.  Imma int ma fhimtx li jien kont qed immexxik, int ħsibt li se nitilqek waħdek”. 

 

Din hi l-istorja ta’ kull wieħed u waħda minna.  “Bi ħbula ta’ bnedmin jien ġbidtek, mhux b’liġijiet ta’ kastig”.  B’rabtiet ta’ mħabba, ħbula ta’ mħabba.  L-imħabba torbot, imma torbot fil-libertà; torbot f’li tħallilek il-wisa’ biex int tista’ twieġeb bi mħabba.  “Kont għalik bħal min jerfa’ tarbija ma’ ħaddejh u jbusha.  U lejha kont immil nitmagħha”.  Din hi l-istorja tagħna, ta’ l-inqas hi l-istorja tiegħi.  Kull wieħed u waħda minna jista’ jaqra hawn l-istorja tiegħu nnifsu.  “Għidli, kif nista’ issa nitilqek waħdek?  Kif nista’ nagħtik f’idejn l-għadu?”.  Meta jaħkimna l-biża’, meta ma nħossuniex fiż-żgur, Hu jgħidilna: “Jekk għalik għamilt dan kollu, kif biss jgħaddilek minn moħħok li ħa nitilqek waħdek, li nista’ nwarrbek?”.

 

Fuq il-kosta tal-Libja, it-tlieta u għoxrin martri Kopt kienu żguri li Alla ma kienx sa jitlaqhom waħidhom.  U resqu għall-qtugħ ir-ras ixandru isem Ġesù!  Kienu jafu li Alla, huma u jaqtgħulhom rashom, ma kienx se jitlaqhom waħidhom.

 

“Kif qatt nista’ nqisek b’għadu?  Qalbi titqanqal ġo fija u tixgħel il-ħlewwa kollha tiegħi”.  Il-ħlewwa ta’ Alla tixgħel, din il-ħlewwa kollha sħana ta’ mħabba: hu l-Uniku wieħed li kapaċi jkollu din il-ħlewwa sħuna bl-imħabba.  Ma niżvogax il-korla għad-dnubiet, għall-inkomprensjonijiet kollha li hawn, għall-fatt li hemm min qed jadura l-idoli.  Għax jien Alla, jien f’nofsok il-Qaddis.  Hi dikjarazzjoni ta’ mħabba ta’ missier lejn ibnu.  U lejn kull wieħed u waħda minna.

 

Min jaf kemm-il darba nibżgħu mill-ħlewwa ta’ Alla, u għax nibżgħu mill-ħlewwa ta’ Alla, ma nħalluhiex tidher fina.  U għalhekk ħafna drabi nkunu iebsin, żorri, severi, moħħna biex nikkastigaw…  Aħna ragħajja mingħajr ħlewwa.   X’jgħidilna Ġesù fil-ħmistax-il kapitlu ta’ Luqa?  Fuq dak ir-ragħaj li ntebaħ li kellu disgħa u disgħin nagħġa u kellu waħda nieqsa.  Ħallihom mgħassin sewwa, magħluqin biċ-ċavetta, u ħareġ ifittex lill-oħra, li kienet inqabdet qalb l-għolliq…  U ma sawwathiex, ma ċanfarhiex: ħatafha bejn dirgħajh u għannaqha miegħu u dewwieha, għax kienet miġruħa.  Intom qed tagħmlu l-istess mal-fidili tagħkom?  Meta tintebħu li naqsitilkom waħda mill-merħla?  Jew aħna mdorrijin bi Knisja li għandha nagħġa waħda fil-merħla tagħha u nħallu lid-disgħa u disgħin l-oħra jintilfu fil-muntanja?  Tqanqlek din il-ħlewwa kollha?  Int ragħaj tan-nagħaġ jew sirt wieħed li toqgħod “tippettna” lill-unika nagħġa li baqagħlek?  Għax qed tfittex biss lilek innifsek u nsejtha l-ħlewwa li tak Missierek, u li qed jirrakkuntahielek hawn, fil-kapitlu 11 ta’ Hosegħa.  U nsejt kif ixxerred il-ħlewwa.  Il-Qalb ta’ Kristu hi l-ħlewwa ta’ Alla.  “Kif nista’ nerġa’ lura minn kelmti?  Kif nista’ nwarrbek?  Meta tħossok waħdek, mifxul, mitluf, ejja għandi, u jiena nsalvak, infarrġek”.

 

Il-lum nitlobkom, f’dan l-irtir, biex tkunu ragħajja bil-ħlewwa ta’ Alla.  Biex tħallu l-“frosta” imdendla fis-sagristija u tkunu ragħajja ta’ ħlewwa, anki ma’ dawk li l-iżjed joħolqulkom problemi.  Hi grazzja.  Hi grazzja divina.  Aħna ma nemmux f’Alla anġeliku, nemmnu f’Alla li sar laħam, li għandu qalb u din il-qalb il-lum qed tgħidilna hekk: “Ejjew għandi.  Jekk intom għajjenin, imtaqqlin, jien inserraħkom.  Imma lill-iċken fostkom imxu magħhom bi ħlewwa, bl-istess ħlewwa li biha nimxi magħhom jien”.  Dak hu li tgħidilna l-lum il-Qalb ta’ Ġesù Kristu, u hu dak li f’din il-Quddiesa jien nitlob għalikom, u anki għalija.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard