ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA GĦALL-FIDILI TAR-RIT ARMEN

Bażilika tal-Vatikan
TISLIMA TAL-PAPA FRANĠISKU FIL-BIDU TAL-QUDDIESA U

OMELIJA

It-Tieni Ħadd tal-Għid (jew il-Ħadd tal-Ħniena Divina) 12 ta’ April, 2015

 

TISLIMA FIL-BIDU TAL-QUDDIESA

Għeżież ħuti Armeni,
għeżież ħuti!

F’diversi okkażjonijiet iddeskrivejt iż-żmien ta’ issa bħala żmien ta’ gwerra, it-tielet gwerra dinjija miġġielda “bil-biċċa”, li fiha ta’ kuljum nassistu għal qtil krudili, massakri mdemmija u l-ġenn tad-dsitruzzjoni.  Sfortunatament illum għadna nisimgħu l-għajta maħnuqa u injorata ta’ tant ħutna mingħajr difiża, li, minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu jew minħabba r-razzza li jkunu ġejjin minnha, jinqatlu b’mod krudili pubblikament – bil-qtugħ ir-ras, imsallbin, maħruqin ħajjin – jew inkella jkunu mġegħlin jabbandunaw arthom.

Illum qed naraw forma ta’ ġenoċidju ħtija tal-indifferenza ġenerali u kollettiva, tas-silenzju kompliċi ta’ Kajin li jistqarr: “Jien x’jimpurtani?”; «Forsi jien l-għassies ta’ ħija?» (Ġen 4,; Omelija f’Redipuglia, 13 ta’ Settembru 2014).

Fis-seklu li għadda, l-umanità għexet tliet traġedji kbar li qatt ma rajna bħalhom: l-ewwel waħda, dik li ġeneralment titqies bħala «l-ewwel ġenoċidju tas-seklu XX» (Ġwanni Pawlu II u Karekin II, Dikjarazzjoni komuni, Etchmiadzin, 27 ta’ Settembru 2001); laqtet  lill-poplu Armen – l-ewwel nazzjoni Nisrani -, flimkien mal-Kattoliċi u l-Ortodossi Sirjani, Assiri, Kaldej u Griegi.  Kienu nqatlu isqfijiet, saċerdoti, reliġjużi, nisa, irġiel, anzjani u, saħansitra tfal u morda mingħajr difiża.  It-tnejn l-oħra kienu dawn imwettqin min-Nażiżmu u l-Istaliniżmu.  Altar qrib seħħew massakri tal-massa bħalma kien dak fil-Kamboġja, fi Rwanda, fil-Burundi, fil-Bożnja.  Madankollu jidher li l-umanità mhux qed jirnexxilha twaqqaf it-tixrid ta’ demm innoċenti.  Jidher li l-entużjażmu mqanqal fi tmiem it-Tieni Gwerra Dinjija qed inin u jdub fix-xejn.  Jidher li l-familja umana qed tirrfjuta li titgħallem mill-iżbalji tagħha mwettqin taħt il-liġi tat-terrur; għalhekk illum għad hemm min jipprova jeqred lil bnedmin bħalu, bl-għajnuna ta’ xi wħud u bis-silenzju kompliċi ta’ oħrajn li jibqgħu jħarsu.  Għadna ma tgħallimniex li “l-gwerra hija ġenn, straġi inutli” (cfr Omelija f’Redipuglia, 13 ta’ Settembru 2014)

Għeżież fidili Armeni, illum, b’qalb minfuda bid-dulur imma mimlija tama fi Kristu Rxoxt, qed infakkru ċ-ċentinarju minn mindu seħħ dak l-avveniment traġiku, dak il-massakru enormi u tal-ġenn, li l-antenati tagħkom sofrew b’tant krudeltà.  Hu meħtieġ li niftakru fihom, anzi hu dmir, għax fejn ma tibqax il-memorja jfisser li l-ħażen għadu qiegħed iżomm il-ferita tnixxi; il-ħabi jew iċ-ċaħda tal-ħażen hu l-istess bħal meta ferita tkompli tnixxi d-demm mingħajr ma tkun imdewwija!

Insellmilkom minn qalbi u niringrazzjakom tat-testimonjanza tagħkom.

Insellem u nirringrazzja tal-preżenza tiegħu lis-Sur Serž Sargsyan, President tar-Repubblika tal-Armenja.

Insellem minn qalbi anki lil ħuti l-Patrijarki u l-Isqfijiet:  Il-Qdusija Tiegħu Karekin II, Patrijarka Suprem u Catholicos tal-Armeni kollha; Il-Qdusija Tiegħu Aram I, Catholicos tad-Dar il-Kbira taċ-Ċiliċja; il-Beatitudni Tiegħu Nerses Bedros XIX, Patrijarka tal-Armeni Kattoliċi taċ-Ċiliċja; liż-żewġ Catholicossati tal-Knisja Appostolika Armena u l-Patrijarkat tal-Knisja Armeno/Kattolika.

Biċ-ċertezza assoluta li l-ħażen qatt ma  jiġi minn Alla, li hu Tjubija Infinita, u radikati fil-fidi, aħna nistqarru li l-krudeltà qatt ma tista’ tkun għemil ta’ Alla, u, aktar minn hekk, qatt ma tista’ tkun ġustifikata bl-Isem Imqaddes tiegħu.  Ngħixu flimkien din iċ-ċelebrazzjoni u nsammru ħarsitna fuq Ġesù Rxoxt, rebbieħ fuq il-mewt u fuq il-ħażen!

 

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU L-PAPA FRANĠISKU

San Ġwann, li kien preżenti fiċ-Ċenaklu flimkien mad-dixxipli l-oħra dik il-lelja tal-ewwel jum wara s-Sibt jgħid, li Ġesù daħal f’nofshom u qal: «Il-paċi magħkom!», u «uriehom idejh u l-kustat» (20, 19-20), uriehom il-pjagi.  B’hekk huma għarfu li dik ma kinitx viżjoni, kien Hu nnifsu, il-Mulej, u mtlew bil-ferħ.

Tmint ijiem wara, Ġesù reġa daħal fiċ-Ċenaklu u wera l-pjagi lil Tumas, biex imisshom bħalma xtaq, ħalli jkun jista’ jemmen u anki hu jsir xhud tal-qawmien.

Lilna wkoll, illum, f’dal-Ħadd li San Ġwanni Pawlu II ried jiddedika lill-Ħniena Divina, il-Mulej  jurina, permezz tal-Evanġelju, il-pjagi tiegħu.  Huma pjagi tal-ħniena.  Dan hu minnu: il-pjagi ta’ Ġesù huma pjagi ta’ ħniena.  F’dawk il-pjagi tiegħu aħna sibna l-fejqan.

Ġesù jistedinna nħarsu lejn dawn il-pjagi, jistedinna mmissuhom, kif għamel ma’ Tumas, biex infiequ min-nuqqas ta’ twemmin tagħna.  Jistedinna fuq kollox, biex nidħlu fil-misteru ta’ dawn il-pjagi, li huma l-misteru tal-imħabba ħanina tiegħu.

Permezz tagħhom, qisu f’raġġ ta’ dawl, aħna nistgħu naraw sħiħ il-misteru ta’ Kristu u ta’ Alla: il-Passjoni tiegħu, ħajtu fuq din l-art – mimlija ħniena għaż-żgħar u għall-morda – l-inkarnazzjoni tiegħu fil-ġuf ta’ Marija.  U nistgħu nimirħu b’lura tul l-istorja kollha tas-salvazzjoni: il-profeziji – speċjalment dik tal-Qaddej ta’ Jaħwè -, is-Salmi, il-Liġi, il-patt, sal-ħelsien mill-Eġittu, għall-ewwel Għid u mbagħad, fl-imgħoddi l-aktar imbiegħed, naslu sa Abel u d-demm tiegħu li jgħajjat minn ġo l-art.  Dan kollu nistgħu narawh permezz tal-pjagi ta’ Ġesù Msallab u Rxuxtat, u, bħal Marija fil-Magnificat nistgħu nagħrfu li “l-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien minn nisel għal nisel” (cfr Luqa 1,50).

Kultant, quddiem l-avvenimenti traġiċi tal-istorja umana aħna nħossuna mgħaffġin u nistaqsu “imma għaliex?”.  Il-ħruxija umana taf tiftaħ abissi fid-dinja, vojt kbir: vojt ta’ mħabba, vojt tat-tajjeb, vojt tal-ħajja.  U allura nistqsu lilna nfusna: kif nistgħu nimlew dawn l-abissi?  Għalina dan impossibbli; Alla biss jista’ jimla dan il-vojt li l-ħażen jiftaħ fi qlubna u fl-istorja tagħna.  Huwa Ġesù, li sar bniedem u miet fuq is-salib li jimla dan l-abiss tad-dnub bil-ħniena bla qies tiegħu.

F’kumment dwar l-Għanja tal-Għanjiet, San Bernard (Disk. 61, 3-5: Opera Omnia, 2, 150-151), jieqaf jimmedita propju dwar il-pjagi tal-Mulej u juża espressjonijiet qawwija, kuraġġużi, li jagħmlilna tajjeb jekk nerġgħu induru lejhom illum.  Jgħid li «permezz tal-ġrieħi tal-ġisem tidher ċar il-karità misterjuża tal-qalb (ta’ Kristu), jitberraħ il-misteru kbir tal-imħabba, toħroġ fid-dieher il-profondità tal-ħniena ta’ Alla tgaħna».

Din hi, ħuti, it-triq li Alla fetħilna biex aħna, fl-aħħar, noħorġu mill-iskjavitù tal-ħażen u tal-mewt u nidħlu fl-art tal-ħajja u tal-paċi.  Din it-Triq hija Hu, Ġesù, Mislub u Mqajjem mill-Mewt, u partikolarment, huma l-pjagi tiegħu li huma miżgħuda bil-ħniena.

Il-qaddisin jgħallmuna li d-dinja tinbidel meta nibdew mill-konverżjoni tal-qalb tagħna u dan isir bil-grazzja tal-ħniena t’Alla.  Għalhekk, kemm quddiem dnubieti kif ukoll quddiem it-traġedji kbar tad-dinja, «il-kuxjenza tħossha mħawda imma mhux imdejqa għall-aħħar, għax tiftakar fil-ġrieħi tal-Mulej.  Infatti “Hu kien miġrugħ minħabba dnubietna” ( 53,5).  X’jeżisti tant mortali li ma jistax ikun imfejjaq mill-mewt ta’ Kristu?” (ibid.).

Jekk inżommu ħarsitna fissa fuq il-pjagi ta’ Ġesù Rxoxt inkunu nistgħu nkantaw mal-Knisja: «Imħabbtu hi għal dejjem» (Salm 117,2); il-ħniena tiegħu hi eterna.  U b’dan il-kliem stampat fi qlubna, nimxu fit-triq tal-istorja, id f’id mal-Mulej tagħna u s-Salvatur, il-ħajja tagħna u t-tama tagħna.

 

Miġjubin mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber