FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA

U MAGĦMUDIJA TA’ TRABI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kappella Sistina - Il-Ħadd 12 ta’ Jannar 2014

 

Ġesù ma kellux bżonn jiġi mgħammed, imma l-ewwel teologi jgħidulna li, b’ġismu, bid-divinità tiegħu, fil-magħmudija hu bierek l-ilmijiet kollha, biex l-ilmijiet jiksbu s-setgħa li jagħtu l-Magħmudija.  Imbagħad, qabel tela’ s-Sema, Ġesù ordnalna biex immorru ngħammdu fid-dinja kollha.  U minn dak in-nhar sal-ġurnata tal-lum, din kienet katina bla ma taqta’: ġew mgħammda l-ulied, u wlied uliedhom, u wliedhom…  U anki l-lum din il-katina tibqa’ għaddejja.

Dawn it-trabi huma ħolqa f’katina.  Intom il-ġenituri ġibtu lil binkom jew bintkom biex jitgħammdu, imma fi ftit snin sa jkunu huma li jkollhom tarbija biex jgħammduha, jew xi neputi…  Din hi l-katina tal-fidi!  Xi jrid jgħidilna dan?  Jien irrid ngħidilkom biss dan: Intom dawk li jittrasmettu l-fidi, it-trasmettituri; intom għandkom id-dmir li tgħaddu l-fidi lil dawn it-tfal.  Dan hu l-isbaħ wirt li ħa tħallulhom: il-fidi!  Din biss.  Il-lum ħudu magħkom dan il-ħsieb id-dar.  Aħna rridu nkunu trasmettituri tal-fidi.  Aħsbu f’dan, aħsbu dejjem f’kif ħa tgħaddu l-fidi lil uliedkom.

Il-lum hawn il-kor ikanta, imma l-isbaħ kor hu dan tat-tfal, li qed jagħmlu l-istorbju…  Xi wħud jibku, għax m’humiex komdi jew għax għandhom il-ġuħ: jekk għandhom il-ġuħ, ommijiet, żoqquhom, tinkwetaw xejn, għax hawnhekk huma l-protagonisti.  U issa, b’dan l-għarfien li aħna trasmettituri tal-fidi, nissoktaw bir-rit tal-Magħmudija.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard