ĊELEBRAZZJONI TA’ L-EWWEL GĦASAR TAT-TIENI ĦADD

TA’ L-GĦID U TAL-ĦNIENA DIVINA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 

Għadha tidwi f’widnejna lkoll it-tislima ta’ Kristu Rxoxt lid-dixxipli tiegħu dak in-nhar ta’ l-Għid fil-għaxija: “Is-sliem għalikom!” (Ġw 20:19).  Il-paċi, fuq kollox f’dawn il-ġimgħat, tibqa’ bħala x-xewqa ta’ tant popli li qed iġarrbu l-vjolenza hekk ħarxa tad-diskriminazzjoni u tal-mewt, sempliċement għax iġorru l-isem ta’ Nsara.  It-talba tagħna titqawwa iktar u ssir karba għall-għajnuna tal-Missier għani fil-ħniena, biex iwieżen il-fidi ta’ tant aħwa li qed ibatu, waqt li nitolbuh idawrilna qlubna biex ngħaddu mill-indifferenza għall-kompassjoni.

 

San Pawl fakkarna li aħna ġejna mifdija fil-misteru tal-mewt u l-qawmien tal-Mulej Ġesù.  Hu r-Rikonċiljatur, li qiegħed ħaj fostna biex joffrilna t-triq tar-rikonċiljazzjoni ma’ Alla u bejn l-aħwa.  L-Appostlu jfakkarna li, minkejja d-diffikultajiet u t-tbatijiet tal-ħajja, xorta hemm tikber it-tama fis-salvazzjoni li l-imħabba ta’ Kristu żergħet fi qlubna.  Il-ħniena ta’ Alla ssawbet fuqna u għamlitna ġusti, imlietna bis-sliem.

 

Hemm mistoqsija fil-qalb ta’ ħafna: Għaliex Ġublew tal-Ħniena l-lum?  Sempliċement għax il-Knisja, f’dan il-waqt ta’ bidliet kbar epokali, hi msejħa toffri b’iżjed saħħa s-sinjali tal-preżenza ta’ Alla u ta’ kemm hu qrib tagħna.  Dan m’hux iż-żmien tad-distrazzjoni, imma għall-kuntrarju, hu ż-żmien li nibqgħu nishru u nsiru aktar kapaċi naraw x’inhu l-essenzjal.  Hu ż-żmien għall-Knisja biex terġa’ ssib is-sens tal-missjoni li l-Mulej fdalha f’idejha dak in-nhar ta’ l-Għid: li tkun sinjal u strument tal-ħniena tal-Missier (ara Ġw 20:21-23).  U għalhekk is-Sena Mqaddsa jeħtieġ iżżomm ħajja fina x-xewqa li nagħrfu d-diversi sinjali tal-ħlewwa li Alla joffri lid-dinja kollha u fuq kollox lil dawk li qed ibatu, jinsabu waħidhom u abbandunati, u anki bla tama li jiġu maħfura jew li jħossuhom maħbuba mill-Missier.  Sena Mqaddsa biex inħossu qawwi fina l-ferħ li rġajna ġejna misjuba minn Ġesù, li bħal Ragħaj Tajjeb ġie biex ifittixna għax konna ntlifna.  Ġublew biex inħossu s-sħana ta’ mħabbtu meta jerfagħna fuq spallejh u jeħodna lura fid-dar tal-Missier.  Sena li fiha nħallu lill-Mulej Ġesù jmissilna qalbna u jibdilna bil-ħniena tiegħu, biex insiru aħna wkoll xhieda tal-ħniena.  Għalhekk dan il-Ġublew: għax dan hu ż-żmien tal-ħniena.  Hu ż-żmien it-tajjeb biex indewwu l-ġrieħi, biex ma negħjew qatt niltaqgħu ma’ dawk li qed jistennew li jaraw u jmissu b’idejhom is-sinjali ta’ kemm Alla jinsab qrib, biex noffru lil kulħadd, lil kulħadd, it-triq tal-maħfra u tar-rikonċiljazzjoni.

 

L-Omm tal-Ħniena Divina tiftħilna għajnejna, biex nifhmu l-impenn li għalih ġejna msejħa; u tiksbilna l-grazzja li ngħixu dan il-Ġublew tal-Ħniena b’xhieda fidila u għammiela.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard