FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA
U MAGĦMUDIJA TA’ XI TRABI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kappella Sistina

Il-Ħadd 10 ta’ Jannar 2016

 

Erbgħin jum wara t-twelid tiegħu, lil Ġesù jeħduh it-Tempju.  Marija u Ġużeppi ħaduh biex jippreżentawh lil Alla.  Il-lum, fil-festa tal-Magħmudija tal-Mulej, intom il-ġenituri ġibtu lil uliedkom biex jirċievu l-Magħmudija, biex jirċievu dak li tlabtu fil-bidu, meta jien għamiltilkom l-ewwel mistoqsija: “Il-fidi.  Għal ibni jien irrid il-fidi”.  U hekk il-fidi tgħaddi minn ġenerazzjoni għall-oħra, bħala katina, mal-medda taż-żmien.

 

Dawn it-trabi, la jgħaddu s-snin, għad jieħdu postkom b’xi tarbija oħra f’idejhom – in-neputijiet tagħkom – u jitolbu l-istess ħaġa: il-fidi.  Il-fidi li l-Magħmudija tagħtina.  Il-fidi li l-Ispirtu s-Santu l-lum qed iġib fil-qalb, fir-ruħ, fil-ħajja ta’ dawn uliedkom.

 

Intom tlabtu l-fidi.  Il-Knisja, meta tagħtikom ix-xemgħa mixgħula, se tgħidilkom biex tieħdu ħsieb tal-fidi ta’ dawn it-trabi.  U, fl-aħħar, tinsewx li l-akbar wirt li intom tistgħu tħallu lil uliedkom hi l-fidi.  Araw li ma tintilifx, li tkabbruha u tħalluha b’wirt.

 

Il-lum dan nawguralkom, f’dan il-jiem ta’ ferħ għalikom: nawguralkom li tkunu kapaċi trabbu lil dawn it-tfal fil-fidi u li l-ikbar wirt li huma jirċievu minn għandkom tkun sewwa sew il-fidi.

 

U parir wieħed biss: meta xi tarbija tibki għax bil-ġuħ, lill-ommijiet ngħidilkom: jekk it-tarbija tiegħek bil-ġuħ, agħtiha x’tiekol, bil-libertà kollha.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard