ĊELEBRAZZJONI TAL-PENITENZA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 9 ta’ Marzu 2018

 

Għeżież ħuti,

 

X’ferħ u faraġ kbir qed jingħatawlna bil-kliem ta’ San Ġwann li għadna kemm smajna: l-imħabba ta’ Alla tant hi kbira li biha sirna wliedu, u meta għad narawh wiċċ imb wiċċ, iżjed u iżjed se niskopru l-kobor ta’ din l-imħabba tiegħu (ara 1 Ġw 3:1-10,19-22). Mhux hekk biss. L-imħabba ta’ Alla hi dejjem ikbar minn kemm nistgħu nimmaġinaw aħna, u tmur saħansitra lil hemm minn kull dnub li l-kuxjenza tagħna tista’ ċċanfarna bih. Hi mħabba li ma tafx b’limiti u m’għandhiex konfini; ma għandhiex dawk l-ostakli li aħna, għall-kuntrarju, soltu nagħmlu lil xi persuna, għax nibżgħu li sa ċċaħħadna mil-libertà tagħna.

 

Aħna nafu li l-qagħda tad-dnub b’konsegwenza tbegħedna minn Alla. U fil-fatt, id-dnub hu mod li biha aħna nitbiegħdu minn Alla. Imma dan ma jfissirx li hu jitbiegħed minna. Il-qagħda ta’ dgħufija u ta’ konfużjoni li fiha jġibna d-dnub, hi raġuni oħra għaliex Alla jibqa’ qrib tagħna. Din iċ-ċertezza għandha dejjem isseħibna fil-ħajja tagħna. Il-kelma tal-Appostlu hi konferma li tiżgura lill-qalb tagħna li għandu jkollha dejjem fiduċja sħiħa fl-imħabba ta’ Alla: “Jekk il-kuxjenza ċċanfarna, […] Alla hu aqwa mill-kuxjenza tagħna, u hu jaf kollox” (v. 20).

 

Il-grazzja tiegħu tibqa’ taħdem fina biex issaħħaħ it-tama li qatt m’aħna sa niġu mċaħħdin minn imħabbtu, minkejja kull dnub li nistgħu nagħmlu, fejn nirrifjutaw il-preżenza tiegħu fostna.

 

Hi din it-tama li tagħmilna konxji mid-diżorjentament li spiss jaħkem lil ħajjitna, proprju kif ġralu Pietru, fir-rakkont tal-Vanġelu li għadna kemm smajna: “U minnufih is-serduk idden. U Pietru ftakar fil-kliem ta’ Ġesù meta qallu li ‘Qabel ma s-serduk jidden, int tkun ġa ċħadtni tliet darbiet’. U ħareġ ’il barra jibki biki ta’ qsim  il-qalb” (Mt 26:74-75). L-evanġelista hu estremament sobrju. L-iddin tas-serduk donnu jsib bniedem għadu konfuż, imbagħad hu jiftakar fi kliem Ġesù, u fl-aħħar tiċċarrat il-purtiera u Pietru qalb id-dmugħ jibda jintebaħ li Alla jidher fi Kristu mogħti d-daqqiet ta’ ħarta, imżeblaħ, miċħud minnu imma li għalih sejjer għall-mewt. Pietru, li ried imut għal Ġesù, issa jifhem li jrid iħalli lilU jmut għalih. Pietru ried jgħallem lill-Imgħallem tiegħu, ried jimxi qablu, imma Ġesù jmur hu jmut għal Pietru; u Pietru dan ma kienx fehmu, ma riedx jifhmu.

 

Pietru issa jiġi wiċċ imb wiċċ mal-imħabba tal-Mulej u saflaħħar jifhem li hu jħobbu u qed jitolbu jħobb. Pietru jintebaħ li dejjem kien irrifjuta li jħallih iħobbu, kien dejjem irrifjuta li jħalli lil Ġesù jsalvah għalkollox, u għalhekk ma riedx lil Ġesù jħobbu għalkollox.

 

Kemm hu diffiċli nħallu lil min iħobbna tassew! Nixtiequ dejjem li xi ħaġa minna ma tkunx marbuta li turi rikonoxxenza, waqt li fir-realtà aħna midjuna f’kollox, għax Alla hu l-ewwel wieħed u jsalvana totalment, bl-imħabba.

 

Issa nitolbu lill-Mulej il-grazzja li jgħarrafna l-kobor ta’ mħabbtu, li tħassar kull dnub tagħna.

 

Inħallu l-imħabba ssaffina biex nagħrfu l-imħabba vera!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard