QUDDIESA TAL-ĦNIENA DIVINA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU 

Pjazza San Pietru

It-II Ħadd tal-Għid, 8 ta’ April 2018

 

Fil-Vanġelu tal-lum jidher kemm-il darba l-verb tara: “Id-dixxipli ferħu meta raw lill-Mulej” (Ġw 20:20); imbagħad qalu lil Tumas: “Rajna lill-Mulej” (v. 25). Imma l-Vanġelu ma jgħidx kif rawh, ma jiddeskrivix lill-Irxoxt, jagħti biss dettall: “Uriehom idejh u ġenbu” (v. 20). Donnu jrid jgħidilna li d-dixxipli hekk għarfuh lill-Mulej: mill-pjagi tiegħu. L-istess ħaġa ġralu Tumas: anki hu ried jara “f’idejh il-marka tal-imsiemer” (v. 25) u wara li ra, emmen (v. 27).

 

Minkejja n-nuqqas ta’ fidi tiegħu, irridu nirringrazzjawh lil Tumas, għax ma kkuntentax ruħu li jisma’ lill-oħrajn jgħidu li Ġesù huwa ħaj, u lanqas li jarah quddiemu tad-demm u l-laħam, imma ried jara ġewwa, imiss b’idejh il-pjagi tiegħu, is-sinjali ta’ mħabbtu. Il-Vanġelu jsejjaħ lil Tumas “it-Tewmi” (v. 24), u f’dan hu tassew ħuna t-tewmi. Għax anki għalina mhux biżżejjed inkunu nafu li Alla jinsab hemm: ma jimlilniex ħajjitna Alla rxoxt imma mbiegħed; ma jiġbidniex Alla mbiegħed, hu kemm hu ġust u qaddis. Le: anki aħna għandna bżonn “naraw lil Alla”, immissu b’idejna lil dak li qam, li qam għalina.

 

Kif nistgħu narawh? Bħad-dixxipli: permezz tal-pjagi tiegħu. Meta rawhom, huma fehmu li hu ma kienx iħobbhom ta’ biċ-ċajt u li kien ħafrilhom, minkejja li fosthom kien hemm min ċaħdu u min abbandunah. Li tidħol fil-pjagi tiegħu jfisser tikkontempla l-imħabba bla tarf li tgelgel minn qalbu. Din hija t-triq. Ifisser nifhem li qalbu tħabbat għalija, għalik, għal kull wieħed u waħda minna. Għeżież ħuti, nistgħu nqisu ruħna u ngħidu li aħna Nsara, u nitkellmu fuq ħafna valuri sbieħ tal-fidi, imma, bħad-dixxipli, għandna bżonn naraw lil Ġesù u mmissu mħabbtu. Hekk biss nidħlu fil-qalba tal-fidi u, bħad-dixxipli, insibu l-paċi u l-ferħ (ara vv. 19-20) li huma aqwa minn kull dubju.

 

Tumas, wara li ra l-pjagi tal-Mulej, lissen kollu mistagħġeb: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (v. 28). Nixtieq niġbed l-attenzjoni fuq dak l-aġġettiv li Tumas tenna: tiegħi. Hu aġġettiv fil-possessiv u, jekk nirriflettu, jista’ jidher barra minn loku f’riferenza għal Alla: kif jista’ Alla jkun tiegħi? Kif nista’ nagħmel tiegħi lil Dak li jista’ kollox? Fir-realtà, meta ngħidu tiegħi ma nkunux inbaxxuh lil Alla, imma nkunu nagħtu ġieħ lill-ħniena tiegħu, għax kien hu li ried “isir tagħna”. U bħal fi storja ta’ mħabba, ngħidulu: “Int sirt bniedem għalija, mitt u rxuxtajt għalija, u allura mhux biss int Alla; imma int Alla tiegħi, int ħajti. Fik sibt l-imħabba li fittixt u ħafna iżjed minn hekk, kif qatt ma kont għadni immaġinajt”.

 

Alla ma joffendix ruħu li jkun “tagħna”, għax l-imħabba titlob kunfidenza, il-ħniena titlob fiduċja. Diġà fil-bidu tal-Għaxar Kmandamenti, Alla qal: “Jiena hu l-Mulej, Alla tiegħek” (Eż 20:2), u tenna: “Jiena hu l-Mulej Alla tiegħek, Alla għajjur” (v. 5). Din hi l-proposta ta’ Alla, maħbub għajjur tagħna li jippreżenta ruħu bħala Alla tiegħek. U mill-qalb imqanqla ta’ Tumas toħroġ minnufih it-tweġiba: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!”. Aħna u nidħlu llum, permezz tal-pjagi, fil-misteru ta’ Alla, nifhmu li l-ħniena mhijiex xi kwalità fost l-oħrajn tiegħu, imma hi l-istess taħbita ta’ qalbu. U għalhekk, bħal Tumas, ma ngħixux iżjed ta’ dixxipli inċerti, devoti imma ħosbiena; insiru aħna wkoll veri namrati tal-Mulej! Ma rridux nibżgħu minn din il-kelma: namrati tal-Mulej.

 

Kif induqu minn din l-imħabba, kif illum nistgħu mmissu b’idejna l-ħniena ta’ Ġesù? Hu mill-ġdid il-Vanġelu li jissuġġerilna, meta jfakkar li dakinhar stess tal-Għid filgħaxija (ara v. 19), jiġifieri meta kien għadu kemm qam, Ġesù, l-ewwel ħaġa li jagħmel, jagħti l-Ispirtu tiegħu għall-maħfra tad-dnubiet. Biex induqu l-imħabba, minn hemm irridu ngħaddu: inħalluh jaħfrilna. Inħallu lil min jaħfrilna. Nistaqsi lili nnifsi u lil kull wieħed u waħda minnkom: jiena nħalli lil min jaħfirli? Biex induqu dik l-imħabba, minn hemm irridu ngħaddu. Jien inħalli lil min jaħfirli? “Imma, Dun, li tmur tqerr hi ħaġa iebsa…”. Quddiem Alla, aħna ttentati nagħmlu bħad-dixxipli tal-Vanġelu: nissakkru wara l-bibien magħluqa. Huma għamlu dan għax kienu mbeżżgħin u aħna wkoll nibżgħu, nistħu ninfetħu u nistqarru d-dnubiet tagħna. Jagħtina l-Mulej il-grazzja li nifhmu x’inhi l-mistħija, li narawha mhux bħala bieb magħluq, imma bħala l-ewwel pass tal-laqgħa. Meta tiġina l-mistħija, għandna għax inkunu grati: ifisser li m’aħniex naċċettaw il-ħażen, u din hi ħaġa tajba. Il-mistħija hi stedina moħbija tar-ruħ li għandha bżonn tal-Mulej biex tegħleb il-ħażen. It-traġedja hi meta ma nibqgħu nistħu minn xejn. Ejja ma nibżgħux nistħu! U ngħaddu mill-mistħija għall-maħfra! Tibżgħux tistħu! Tibżgħux.

 

Imbagħad hemm bieb li jingħalaq quddiem il-maħfra tal-Mulej, dak tar-rassenjazzjoni. Ir-rassenjazzjoni dejjem hi bieb magħluq. Għaddew minnha d-dixxipli, li nhar l-Għid b’diqa f’qalbhom raw kif kollox kien reġa’ lura għal kif kien qabel: kienu għadhom hemm, Ġerusalemm, qalbhom maqtugħa; il-“kapitlu Ġesù” donnu deher li kien ingħalaq u wara tant żmien miegħu xejn ma kien inbidel, nirrassenjaw ruħna. Aħna wkoll nistgħu naħsbu: “Ilni daqshekk Nisrani, u fija ma nbidel xejn, dejjem nagħmel l-istess dnubiet”. Allura, qalbna maqtugħa, ma naċċettawx iżjed il-ħniena. Imma l-Mulej jisfidana: “Ma temminx li l-ħniena tiegħi hi akbar mill-miżerja tiegħek? Drajt tidneb? Idra itlob il-ħniena, u naraw ta’ min tgħaddi!”. U mbagħad – min jaf is-Sagrament tal-maħfra, dan jafu – mhuwiex minnu li kollox jibqa’ bħal qabel. Ma’ kull maħfra aħna niġġeddu, nagħmlu l-qalb, għax inħossuna kull darba iżjed maħbuba, iżjed imħaddna mill-Missier. U meta, maħbubin, nerġgħu naqgħu, inħossu iżjed swied ta’ qalb minn qabel. Hu swied ta’ qalb li jagħmlilna l-ġid, li bil-mod il-mod ibegħedna mid-dnub. U hemm niskopru li l-qawwa tal-ħajja hi li nirċievu l-maħfra ta’ Alla, u nibqgħu mexjin ’il quddiem, minn maħfra għal maħfra. Hekk sejra l-ħajja: minn mistħija għal mistħija, minn maħfra għal maħfra. Din hi l-ħajja Nisranija.

 

Wara l-maħfra u r-rassenjazzjoni, hemm bieb ieħor magħluq, xi drabi msakkar: id-dnub tagħna, l-istess dnub. Meta nagħmel dnub kbir, jekk jien, fl-onestà kollha, ma rridx naħfer lili nnifsi, għax għandu jagħmlu Alla? Imma dan il-bieb hu msakkar biss minn naħa, dik tagħna; għal Alla qatt mhu xi ħaġa li ma tistax tingħeleb. Kif jgħallimna l-Vanġelu, hu jħobb jidħol sewwasew “mill-bibien magħluqa” – smajnieh –, meta kull passaġġ jidher imblukkat. Hemm Alla jagħmel l-għeġubijiet. Hu qatt ma jiddeċiedi li jinfired minna, huwa aħna li nħalluh barra. Imma meta mmorru nqerru jiġri dak li qatt ma immaġinajna: niskopru li proprju dak id-dnub, li kien qed iżommna mbegħdin mill-Mulej, isir il-post tal-laqgħa tagħna miegħu. Hemm, Alla midrub bl-imħabba jsir laqgħa għall-ġrieħi tagħna. U l-imsejkna pjagi tagħna jagħmilhom jixbhu l-pjagi glorjużi tiegħu. Isseħħ bidla kbira: il-pjaga msejkna tiegħi ssir tixbah il-pjagi glorjużi tiegħu. Għaliex huwa ħniena u fil-miżerji tagħna jagħmel l-għeġubijiet. Bħal Tumas, ejjew illum nitolbu l-grazzja li nagħrfu lil Alla tagħna: li nsibu fil-maħfra tiegħu l-ferħ tagħna, li nsibu fil-ħniena tiegħu t-tama tagħna.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard