ŻJARA LILL-PARROĊĊA RUMANA TA’

SANTA MARIJA OMM IL-FEDDEJ F’TOR BELLA MONACA

 OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

It-III Ħadd tar-Randan, 8 ta’ Marzu 2015

 

F’din is-silta tal-Vanġelu li smajna, hemm żewġ affarijiet li jolqtuni: xbieha u kelma.

 

Ix-xbieha hi dik ta’ Ġesù bis-sawt f’idu li qed ikeċċi ’l barra lil dawk kollha li approfittaw mit-Tempju biex jagħmlu n-negozju tagħhom.  Dawn in-negozjanti li kienu jbiegħu l-annimali għas-sagrifiċċji, isarrfu l-muniti…  Kien hemm is-sagru – it-Tempju, sagru – u dan il-ħmieġ, barra.  Din hi x-xbieha.  U Ġesù jaqbad is-sawt u jidħol, biex inaddaf xi ftit it-Tempju.

 

U l-frażi, il-kelma, qiegħda fejn jingħad li ħafna nies emmnet fiH, frażi qawwija immens: “Imma Ġesù, min-naħa tiegħu, ma kienx jafda fihom, għax hu kien jaf lil kulħadd u ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem” (Ġw 2:24-25).

 

Aħna ma nistgħux inqarrqu b’Ġesù: Hu jafna minn ġewwa.  Ma fadax.  Hu, Ġesù, ma fadax.  U din tista’ tkun mistoqsija tajba f’nofs ir-Randan: Ġesù jista’ jafda fija?  Ġesù jista’ jafda fija, jew jien qed nuri wiċċ b’ieħor?  Nagħmilha ta’ Kattoliku, ta’ wieħed qrib tal-Knisja, u mbagħad ngħix ta’ pagan?  “Imma Ġesù dan ma jafux, ħadd m’hu qed imur jirrakkuntahulu”.  Hu jafu dan.  “Hu ma kellux bżonn min jagħtih xhieda fuq il-bniedem, għax hu stess kien jaf x’hemm fil-bniedem”.  Ġesù jaf b’kull ma hemm fil-qalb tagħna: ma nistgħux inqarrqu b’Ġesù.  Ma nistgħux quddiemU nagħmlu ta’ bir-ruħna li aħna qaddisin, u nagħlqu għajnejna, nagħmlu hekk, u mbagħad ngħixu ħajja li m’hix dik li jrid Hu.  U dan Hu jafu.  U kollha nafu x’isem ta Ġesù lil dawk li wrew wiċċ b’ieħor: ipokriti.

 

Jagħmlilna tajjeb, il-lum, jekk nidħlu ftit fil-qalb tagħna u nħarsu lejn Ġesù.  Ngħidulu: “Mulej, ħares, hemm ħwejjeġ tajbin, imma hemm ħwejjeġ li m’humiex tajbin.  Ġesù, Int tafda fija?  Jiena midneb…”.  Dan lil Ġesù ma jbeżżgħu xejn.  Jekk int tgħidlu: “Jiena midneb”, b’daqshekk m’hux ħa jibża’.  Lilu dak li jbiegħdu hu l-wiċċ b’ieħor: li nippruvaw nidhru ġusti biex ngħattu d-dnub li hemm moħbi.  “Imma jien immur il-knisja, kull nhar ta’ Ħadd, u jien…”.  Iva, dan kollu nistgħu ngħiduh.  Imma jekk il-qalb tiegħek m’hix ġusta, jekk int ma tagħmilx ġustizzja, jekk int ma tħobbx lil min għandu bżonn ta’ l-imħabba, jekk int ma tgħixx skond l-ispirtu tal-Beatitudnijiet, m’intix Kattoliku.  Int ipokrita.  L-ewwel: Ġesù jista’ jafda fija?  Nistaqsuhielu fit-talb tagħna: Mulej, Int tafda fija?

 

It-tieni, il-ġest.  Meta nidħlu fil-qalb tagħna, aħna nsibu ħwejjeġ mhux daqstant sbieħ, li m’humiex sejrin tajjeb, kif Ġesù fit-Tempju sab dak il-ħmieġ ta’ kummerċ, tan-negozjanti.  Anki ġo fina hemm il-ħmieġ, hemm id-dnubiet ta’ l-egoiżmu, tas-suppervja, tal-kburija, tar-regħba, ta’ l-għira, tal-mibegħda… tant dnubiet!  Nistgħu anki nkomplu b’dan id-djalogu ma’ Ġesù: “Ġesù, Int tafda fija?  Jien irridek tafda fija.  Għalhekk jien se niftaħlek il-bieb, biex tidħol tnaddaf lil ruħi”.  U nitolbu lill-Mulej biex, kif mar inaddaf it-Tempju, jiġi jnaddaf ir-ruħ tagħna.  U nistħajluH ġej mhux bis-sawt tal-ħbula…  Le, b’dak ma tistax tnaddaf ir-ruħ!  Tafu intom liema hu s-sawt li Ġesù juża biex inaddaf ir-ruħ tagħna?  Il-ħniena.  Iftħu qalbkom għall-ħniena ta’ Ġesù!  Għidulu: “Ġesù, ara kemm hawn ħmieġ!  Ejja, naddaf.  Naddaf bil-ħniena tiegħek, bil-kliem ħelu tiegħek; naddaf bit-tmellis tiegħek”.  U jekk aħna niftħu qalbna għall-ħniena ta’ Ġesù, biex inaddfilna qalbna, ruħna,  Ġesù jafda fina.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard