FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA U MAGĦMUDIJA TA’ TRABI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kappella Sistina

Il-Ħadd 8 ta’ Jannar 2017

 

Għeżież ġenituri,

 

Għal uliedkom intom tlabtu l-fidi, il-fidi li sa tingħata fil-Magħmudija. Il-fidi: tfisser ħajja ta’ fidi, għax il-fidi ngħixuha; nimxu fit-triq tal-fidi u nagħtu xhieda tal-fidi. Il-fidi mhix li ngħidu l-“Kredu” l-Ħadd, meta mmorru għall-Quddiesa: mhix hekk biss. Il-fidi tfisser li nemmnu f’dak li hu l-Verità: Alla l-Missier li bagħat lil Ibnu u l-Ispirtu li jgħajjixna. Imma l-fidi tfisser ukoll li nafdaw ruħna f’idejn Alla, u dan hu li intom tridu tgħallmuhom, bl-eżempju tagħkom, bil-ħajja tagħkom. U l-fidi hi dawl: fiċ-ċerimonja tal-Magħmudija sa tingħatalkom xemgħa mixgħula, bħal fl-ewwel żminijiet tal-Knisja. U għalhekk il-Magħmudija, f’dawk iż-żminijiet, kienet tissejjaħ “tidwil”, għax il-fidi ddawwal il-qalb, turi l-affarijiet taħt dawl ieħor. Intom tlabtu l-fidi: bil-Magħmudija l-Knisja tagħti l-fidi lil uliedkom, u intom fid-dmir li tkabbruha, tħarsuha, biex issir xhieda għall-oħrajn kollha. Dan hu s-sens ta’ din iċ-ċerimonja. U dan biss ridt ngħidilkom: ħarsu l-fidi, kabbruha, ħa ssir xhieda għall-oħrajn.

 

U issa… beda l-kunċert! [it-trabi jibku]: dan għax it-trabi qegħdin f’post li ma jafux, qamu iktar kmieni mis-soltu. Jibda wieħed, jagħti n-nota u mbagħad l-oħrajn “jagħmlu bħax-xadini”… Xi wħud jibku sempliċement għax beka l-ieħor… Kontu tafu li l-istess għamel Ġesù? Nieħu gost naħseb li l-ewwel prietka ta’ Ġesù fl-istalla kienet bikja, l-ewwel waħda… U mbagħad, billi ċ-ċerimonja hi xi ftit twila, hemm min jibki għax bil-ġuħ. Jekk inhu hekk, intom l-ommijiet tiddejqux treddgħuhom, tibżgħu xejn, bin-normalità kollha. Kif il-Madonna reddgħet lil Ġesù…

 

Tinsewx: intom tlabtu l-fidi, f’idejkom id-dmir li tħarsu l-fidi, tgħinuha tikber, biex issir xhieda għalina kollha, għalina kollha: anki għalina l-qassisin, is-saċerdoti, l-isqfijiet, kollha. Grazzi.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard