QUDDIESA FIL-KAPPELLA TAD-DAR SANTA MARTA
MA’ XI VITTMI TA’ ABBUŻI SESSWALI MINN XI ESPONENETI TAL-KLERU

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

It-Tnejn, 7 ta’ Lulju 2014

 

Ix-xbieha ta’ Pietru li, x’ħin ra lil Ġesù ħiereġ mis-seduta fejn kien għadda interrogatorju iebes, kif ħarstu tiltaqa’ ma’ dik ta’ Ġesù jinfaqa’ f’bikja, inħossha llum f’qalbi jien u niltaqa’ ma’ ħarsitkom, il-ħarsa ta’ tant irġiel u nisa, tfal bniet u subjien; inħoss il-ħarsa ta’ Ġesù u nitlob il-grazzja tal-biki tiegħu.

Il-grazzja li l-Knisja tibki u ssewwi għal uliedha rġiel u nisa li ttradew il-missjoni tagħhom, li abbużaw minn persuni innocenti bl-abbużi li wettqu.  U jien inħossni grat lejkom illum talli ġejtu hawn.

Ilni żmien inħoss djieqa kbira f’qalbi, sofferenza, għal tant żmien moħbi, mistur f’kompliċità li m’għandiex tifsira, sakemm xi ħadd induna li Ġesù kien qiegħed iħares, u ieħor induna wkoll … u  ieħor… u ieħor… u rabbew il-kuraġġ biex isostnu dik il-ħarsa.  U dawk il-ftit li bdew jibku, niggżu l-kuxjenza tagħna għal dan l-att kriminali, dan id-dnub gravi.  Din hi d-djieqa ta’ qalb, id-dulur għall-fatt li xi saċerdoti u isqfijiet ipprofanaw l-innoċenza taż-żgħar u l-vokazzjoni saċerdotali tagħhom meta wettqu dawn l-abbużi sesswali.  Din hi ħaġa ta’ gravità aktar minn att li ta’ min jistmellu.  Dan qiesu kult sagrilegu għax dawn is-subjien u l-bniet kienu ġew afdati lill-kariżma saċerdotali biex twassalhom lejn Alla u dawn it-talin issagrifikawhom lill-idolu tal-konkupixxenza tagħhom.  Ipprofanaw l-istess xbieha ta’ Alla li aħna lkoll maħluqin fuqha.  It-tfulija – dan nafuh ilkoll – hija teżor.  Il-qalb żgħażugħa tant miftuħa u mimlija fiduċja, tikkonntempla l-misteri tal-imħabba t’Alla u hija disposta b’manjiera unika biex tkun mitmugħha l-fidi.  Illum, il-qalb tal-Knisja tħares lejn għajnejn Ġesù f’dawn it-tfal subjien u bniet u trid tibki.  Titlob il-grazzja li tibki quddiem dawn l-atti mistkerrħa ta’ abbuż imwettaq fuq il-minuri.  Atti li ħallew il-marka tal-ferita tidher tul il-ħajja kollha.

Naf li l-ġrieħi tagħkom huma għajn ta’ piena emottiva u spiritwali profonda u bla ħniena kif ukoll ta’ disperazzjoni.  Ħafna minn dawk li sofrew din l-esperjenza fittxew kompensazzjoni fid-dipendenzi.  Oħrajn kellhom inkwiet serju mal-ġenituri, ma’ marthom, żewġhom, ma’ uliedhom.  It-tbatija tal-familji kienet gravi ħafna partikolarment fil-mument li l-ħsara mnissla mill-abbuż laqtet dawn ir-relazzjonijiet vitali.

Uħud sforew ukoll it-traġedja terribbli tas-suwiċidju ta’ xi persuna tal-qalb.  Il-mewt ta’ dawn l-ulied maħbubin ta’ Alla hija piż fuq il-qalb u fuq il-kuxjenza tiegħi u dik tal-Knisja kollha.  Lil dawn il-familji noffrilhom is-sentimenti tiegħi ta’ mħabba u dulur.  Ġesù ittorturat u interrogat bil-passjoni tal-odju jittieħed f’post ieħor u jħares.  Iħares lejn wieħed minn tiegħu, dak li ċaħdu, u jġegħelu jibki.  Nitolbu wkoll din il-grazzja minbarra dik tar-riparazzjoni.

Id-dnubiet tal-abbużi sesswali fuq il-minuri min-naħa tal-kleru għandhom effett vjolenti fuq il-fidi u t-tama f’Alla.  Uħud iggranfaw mal-fidi, filwaqt għal oħrajn it-tradiment u l-abbandun herrew il-fidi tagħhom f’Alla.  Il-preżenza tagħkom hawnhekk hija xhieda tal-miraklu tat-tama li tegħleb id-dlam l-aktar profond.  Mingħajr dubju huwa sinjal tal-ħniena t’Alla li llum aħna għandna l-opportunità li niltaqgħu, li naduraw lill-Mulej, li nħarsu f’għajnejn xulxin u nfittxu l-grazzja tar-rikonċiljazzjoni.

Quddiem Alla u l-poplu tiegħu jien inħossni dispjaċut għall-aħħar għad-dnubiet u l-atti kriminali gravi tal-abbuż sesswali mwettaq fuqkom minn membri tal-kleru u umilment nitlob maħfra.

Nitlob maħfra wkoll għad-dnubiet ta’ omissjoni min-naħa tal-mexxejja tal-Knisja li ma weġbux b’mod adegwat għad-denunzji tal-abbuż li ppreżentawlhom il-familjari u dawk li sfaw vittmi tal-abbużi.  Dan kien ta’ sofferenza miżjuda għal min kien abbużat filwaqt li minuri oħrajn tqegħedu fil-periklu għax kienu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ riskju.

Min-naħa l-oħra, il-kuraġġ li intom u oħrajn bħalkom urejtu meta ħriġtu l-verità, kien servizz ta’ mħabba, għax ġibtu għad-dawl oskurità terribbli fil-ħajja tal-Knisja.  Fil-ministeru tal-Knisja mhemmx post għal dawk li jwettqu abbużi sesswali; u jien nimpejna ruħi li ma nittollerax il-ħsara li ssir lil minuri, minn kulħadd, indipendentement mill-istat klerikali tiegħu.  L-isqfijiet kollha għandhom jaqdu dmirhom ta’ rgħajja bl-akbar reqqa biex iħarsu l-protezzjoni tal-minuri u jridu jagħtu kont ta’ din ir-responsabbiltà.

Għalina lkoll jgħodd il-parir li Ġesù jagħti lil min joħloq l-iskandlu: il-ġebla tat-tħin u l-baħar (Mattew 18,6).

Minbarra dan, se nkomplu ngħassu fuq it-tħejjija għas-saċedozju.  Norbot fuq il-membri tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Ħarsein tal-Minuri, il-minuri kollha huma ta’ liema reliġjon huma, huma ż-żgħar li l-Mulej iħares lejhom bl-imħabba.

Nitlob din l-għajnuna sabiex huma jgħinuni ħalli nsawru l-aħjar regoli u proċedimenti fil-Knisja universali għall-protezzjoni tal-minuri u għall-formazzjoni tan-nies tal-Knisja biex inkomplu nsaħħu din il-politka u dawn il-proċedimenti.  Irridu nagħmlu kull ma’ hu possibbli biex niżguraw ruħna li dawn id-dnubiet ma jerġgħux isiru fil-Knisja.

Ħuti, billi aħna lkoll membri tal-familja t’Alla, aħna msejħin biex nidħlu fid-dinamika tal-ħniena.  Il-Mulej Ġesù, is-Salvatur tagħna, huwa l-eżempju suprem ta’ dan, l-innoċenti li ġarr dnubietna fuq is-salib.  Ir-rikonċiljazzjoni ta’ bejnietna hija l-istess essenza tal-identità komuni tagħna bħala segwaċi ta’ Kristu.  Induru lejh, akkumpanjati minn Ommna Marija Santissima f’riġlejn is-salib, nitolbu l-grazzja tar-rikonċiljazzjoni mal-poplu t’Alla kollu.  L-interċessjoni ta’ ħlewwa liema bħala tal-Madonna tal-Ħniena hija għajn li ma tintemmx ta’ għajnuna fil-mixja tagħna lejn il-fejqan.

Intom u dawk kollha li sofrew l-abbużi minn membri tal-kleru, ilkoll intom maħbubin minn Alla.  Jiena nitlob biex dak kollu li misskom u li għadu mistur, jitfejjaq mit-tgħannieqa ta’ Ġesù Bambin u li minflok il-ħsara li saritilkom tidħol fikom il-fidi u ferħ imġedded.

Nirringrazzjakom għal din il-laqgħa u, jekk jogħġobkom itolbu għalija sabiex l-għajnejn ta’ qalbi jkunu jistgħu jaraw dejjem aktar ċar it-triq tal-imħabba ħanina u biex Alla jtini l-kuraġġ li nimxi f’dit-triq għall-ġid tal-minuri.

Ġesù joħroġ minn ġudizzju inġust, minn-interrogatorju krudil u jħares f’għajnejn Pietru u Pietru jibki.  Aħna nitolbuh biex iħares lejna, biex inħallu l-ħarsa tiegħu tmissna u nkunu nistgħu nibku u biex itina l-grazzja tal-mistħija, ħalli bħal Pietru, 40 jum wara, inkunu nistgħu nweġbuh: “taf li nħobbuk” u nisimgħu leħnu: “erġa lura lejn triqtek u irgħa n-nagħaġ tiegħi” u nżid, “tħallu ebda lupu jidħol qalb il-merħla”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber