QUDDIESA FIL-PARROĊĊA RUMANA TAL-QADDISIN KOLLHA

FUQ VIA APPIA NUOVA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 It-III Ħadd tar-Randan

Is-Sibt 7 ta’ Marzu 2015

 

Fl-okkażjoni tal-festa ta’ l-Għid Lhudi, Ġesù tela’ Ġerusalemm.  Meta jasal fit-Tempju, flok isib nies li qed tfittex lil Alla, isib nies ħsiebha fi ħwejjiġha: il-bejjiegħa tal-bhejjem għall-offerta tas-sagrifiċċji; is-sarrafa tal-flus, li jibdlu l-flus “impur” bix-xbieha ta’ l-Imperatur fuqhom ma’ muniti oħra approvati mill-awtoritajiet reliġjużi biex setgħet titħallas it-taxxa annwali lit-Tempju.  X’qed insibu aħna meta nidħlu, meta aħna wkoll immorru fit-tempji tagħna?  Inħalli t-tweġiba f’idejkom.  Il-kummerċ mhux f’postu, għajn ta’ gwadanni bla qies, jipprovoka r-reazzjoni qawwija ta’ Ġesù.  Hu jaqleb l-imwejjed u jixħet il-flus fl-art, u jkeċċi l-bejjiegħa waqt li jgħidilhom: “Dar Missieri tagħmluhiex dar tan-negozju!” (Ġw 2:16).

 

Din l-espressjoni m’hix tirriferi biss għall-ittraffikar li kien isir fil-btieħi tat-Tempju.  Pjuttost tolqot tip ta’ reliġjożità partikulari.  Il-ġest ta’ Ġesù hu ġest ta’ “tindif”, ta’ tisfija, u l-imġiba li hu jikkundanna nsibuha wkoll fit-testi tal-profeti, li skondhom, lil Alla ma togħġbux il-qima minn barra magħmula mis-sagrifiċċji materjali u msejsa fuq l-interess personali (ara Is 1:11-17; Ġer 7:2-11).  Dan il-ġest isejjaħ mill-ġdid għall-qima vera, għall-qbil bejn liturġija u ħajja.  Il-liturġija m’hix ħaġa stramba, mixħuta hemm, ’il bogħod, u waqt li għaddejja ċ-ċelebrazzjoni jien noqgħod naħseb f’tant affarijiet, jew nitlob ir-rużarju.  Le, le.  Hemm rabta ta’ qbil bejn iċ-ċelebrazzjoni liturġika li mbagħad jiena nġorr f’ħajti; u fuq dan jeħtieġ nibqgħu naħdmu, fadal triq twila x’nimxu.

 

Il-Kostituzzjoni Konċiljari Sacrosanctum concilium tiddefinixxi l-liturġija bħala “l-ewwel  għajn indipensabbli li minnha l-fidili jieħdu l-ispirtu tabilħaqq Nisrani” (nru 14).  Dan ifisser li għandna nagħfsu aktar fuq ir-rabta essenzjali li tgħaqqad flimkien il-ħajja tad-dixxipli ta’ Ġesù u l-qima liturġika.  Din m’hix qabel xejn xi duttrina li rridu nifhmu, jew rit li rridu nwettqu; naturalment hi dan ukoll, imma b’mod ieħor, essenzjalment differenti: hi għajn ta’ ħajja u ta’ dawl għall-mixja tal-fidi tagħna.

 

Għalhekk, il-Knisja qed issejħilna biex ikollna u nippromovu ħajja liturġika awtentika, biex jista’ jkun hemm sintonija bejn dak li l-liturġija tiċċelebra u dak li aħna ngħixu fil-ħajja tagħna.  Dan ifisser li fil-ħajja nesprimu dak li aħna rċivejna permezz tal-fidi u dak li ċċelebrajna (ara Sacrosanctum concilium, 10).

 

Id-dixxiplu ta’ Ġesù ma jmurx il-knisja biss biex josserva xi preċett, biex iħossu f’postu ma’ Alla ħalli mbagħad dan ma joqgħodx “jiddisturbah” wisq.  “Għax jien, Mulej, kull nhar ta’ Ħadd immur, nagħmel…, issa int tindaħallix f’ħajti, iddejjaqnix”.  Hekk iġibu ruħhom ħafna Kattoliċi, ħafna.  Id-dixxiplu ta’ Ġesù jmur il-knisja biex jiltaqa’ mal-Mulej u fil-grazzja tiegħu, li taħdem permezz tas-Sagramenti, isib il-qawwa biex jaħseb u jaġixxi skond il-Vanġelu.  Għaldaqstant ma nistgħux nilludu ruħna li nistgħu nidħlu fid-dar ta’ Alla u “ngħattu”, bit-talb u l-prattiċi tad-devozzjoni, kull imġiba li tmur kontra dak li titlob minna l-ġustizzja, l-onestà jew l-imħabba tal-proxxmu.  Ma nistgħux, bil-“qimiet reliġjużi” tagħna nieħdu post dak li suppost nagħtu lill-proxxmu tagħna, u hekk noqogħdu kull darba nipposponu l-konverżjoni vera.  Il-kult, iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi, huma l-ambjent ipprivileġġjat fejn nisimgħu l-leħen tal-Mulej, li jmexxina fit-triq tas-sewwa u tal-perfezzjoni Nisranija.

 

Din hi mixja ta’ konverżjoni u ta’ penitenza, biex inwarrbu minn ħajjitna l-ħmieġ tad-dnub, kif għamel Ġesù, u hekk innaddfu t-tempju mill-interessi msejkna tagħna.  U r-Randan hu ż-żmien it-tajjeb biex nagħmlu dan kollu, hu żmien it-tiġdid interjuri, il-maħfra tad-dnubiet, żmien meta aħna msejħin niskopru mill-ġdid is-Sagrament tal-Penitenza u tar-Rikonċiljazzjoni, li mid-dlam tad-dnub jgħaddina għad-dawl tal-grazzja u tal-ħbiberija ma’ Ġesù.  Ma rridux ninsew il-qawwa kbira li għandu dan is-Sagrament għall-ħajja Nisranija: hu jsaħħaħna fl-għaqda tagħna ma’ Alla, jerġa’ jagħtina l-ferħ mitluf u jdewwaqna l-faraġ li nħossuna milqugħa b’mod personali mit-tħaddina kollha ħniena ta’ Alla.

 

Għeżież ħuti, dan it-tempju nbena grazzi għaż-żelu appostoliku ta’ San Lwiġi Orione.  Sewwa sew hawn, ħamsin sena ilu, il-Beatu Pawlu VI inawgura, f’ċertu sens, ir-riforma liturġika permezz taċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa fil-lingwa mitkellma mill-poplu.  Nawguralkom li din iċ-ċirkustanza terġa’ tixgħel fikom ilkoll l-imħabba għad-dar ta’ Alla.  Fiha intom issibu għajnuna kbira għar-ruħ.  Hawn tistgħu dduqu, kull meta tridu, il-qawwa tat-talb personali u tat-talb komunitarju li kapaċi tnissel mill-ġdid il-ħajja.  Is-smigħ tal-Kelma ta’ Alla, imxandra fil-ġemgħa liturġika, iweżinkom fil-mixja tal-ħajja Nisranija tagħkom.  Tiltaqgħu bejn dawn il-ħitan mhux bħala barranin, imma bħala aħwa, li kapaċi minn qalbkom toffru jdejkom, għax intom imsieħba flimkien mill-imħabba għal Kristu, fundament ta’ tama u ta’ l-impenn ta’ kull min jemmen.

 

Miegħu, Ġesù Kristu, il-Ġebla tax-xewka, aħna nintrabu kollna fiduċja f’din il-Quddiesa, u nġeddu l-fehma tagħna li nimpenjaw ruħna għat-tisfija u t-tindif ġewwieni tal-Knisja bħala binja spiritwali, li tagħha kull wieħed u waħda minna hu parti ħajja grazzi għall-Magħmudija li rċivejna.  Hekk ikun.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard