FESTA TAL-MAGĦMUDIJA TAL-MULEJ

ĊELEBRAZZJONI TAL-QUDDIESA U L-MAGĦMUDIJA TA’ XI TRABI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Kappella Sistina

Il-Ħadd 7 ta’ Jannar 2018

 

Għeżież ġenituri,

 

Intom ġibtu hawn lil uliedkom għall-Magħmudija, u dan hu l-ewwel pass f’dik il-ħidma li għandkom, il-missjoni tat-trasmissjoni tal-fidi.

 

Imma aħna għandna bżonn tal-Ispirtu s-Santu biex ngħaddu l-fidi, waħdina ma nistgħux. Li tgħaddi l-fidi hi grazzja tal-Ispirtu s-Santu, il-possibbiltà li tgħaddiha; hu għalhekk li intom ġibtu hawn lil uliedkom, biex jirċievu l-Ispirtu s-Santu, jirċievu t-Trinità – il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu – li se jgħammar fi qlubhom.

 

Nixtieq ngħidilkom ħaġa waħda biss, li tolqot lilkom: it-trasmissjoni tal-fidi tista’ ssir biss “bid-djalett”, bid-djalett tal-familja, bid-djalett tal-papà u l-mamà, tan-nannu u n-nanna. Imbagħad wara jidħlu l-katekisti biex jiżviluppaw din l-ewwel trasmissjoni, b’ideat, bi spjegazzjonijiet… Imma tinsewhx dan: issir “bid-djalett”, u jekk jonqos id-djalett, jekk id-dar bejn il-ġenituri ma tiġix mitkellma dik il-lingwa tal-imħabba, it-trasmissjoni ma tkunx tant faċli, ma tkunx tista’ ssir. Tinsewx. Il-ħidma tagħkom hi li tgħaddu l-fidi, imma dan tagħmluh bid-djalett tal-imħabba tad-dar tagħkom, tal-familja.

 

Anki huma [it-tfal] għandhom id-“djalett” tagħhom, u nagħmlu sew nisimgħuh! Issa qegħdin kollha kwieti, imma biżżejjed li wieħed jintona u mbagħad issegwi l-orkestra! Id-djalett tat-trabi! U Ġesù jgħidilna biex inkunu bħalhom, biex nitkellmu bħalhom. Ma rridux ninsewha din il-lingwa tat-trabi, li jitkellmu kif jistgħu, imma hi l-lingwa li tant togħġob lil Ġesù. U fit-talb tagħkom kunu sempliċi bħalhom, għidu lil Ġesù dak li ġej minn qalbkom kif jgħiduh huma. Issa jgħiduh bil-biki, iva, kif jagħmlu t-trabi. Id-djalett tal-ġenituri li hu l-imħabba li tgħaddi l-fidi, u d-djalett tat-trabi li għandu jiġi milqugħ mill-ġenituri biex jikbru fil-fidi.

 

Issa nkomplu biċ-ċerimonja; u jekk huma jibdew il-kunċert, dan għax ma jkunux komdi, jew ikunu qed iħossu wisq sħana, jew ma jħossuhomx f’pożizzjoni komda, jew bil-ġuħ… Jekk bil-ġuħ, reddgħuhom, tinkwetawx, itimgħuhom, għax anki dan hu lingwaġġ ta’ mħabba.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard