ŻJARA PASTORALI FIL-PARROĊĊA RUMANA,

«SAN GIRGOR IL-KBIR»

OMELIJA TAL-PAPA FRANĠISKU

Il-5 Ħadd tar-Randan, 6 t’April, 2014

 

It-tliet Qari tallum ikellmuna fuq il-Qawmien, ikellmuna fuq il-ħajja.  Dik il-wegħeda sabiħa tal-Mulej: “Ara, jiena niftaħ l-oqbra tagħkom u ntellagħkom mill-oqbra tagħkom” ( 37,12) hija l-wegħeda tal-Mulej li għandu l-ħajja u għandu l-qawwa li jagħti l-ħajja, għaliex dawk li mietu jistgħu jieħdu lura l-ħajja.  It-tieni Qari jgħidilna li aħna qegħedin taħt l-Ispirtu s-Santu u Kristu fina, l-Ispirtu tiegħu, iqajjimna.  U fit-tielet Qari, l-Evanġelju, naraw kif Ġesu’ ta l-ħajja lil Lażżru.  Lażżru li kien mejjet, jerġa lura għall-ħajja.

Nixtieq sempliċement ngħid ħaġa żgħira żgħira.  Ilkoll kemm aħna għanda ġewwa fina xi rkejjen, xi partijiet tal-qalb tagħna li mhumiex ħajjin, li huma xi ftit mejtin; u xi wħud għandhom ħafna partijiet mill-qalb mejtin, tassew bħal ċimiteru spiritwali! U meta aħna għandna din il-qagħada u nittendu biha, ikollna x-xewqa li noħorġu minnha, imma ma nkunux nistgħu.  Hija biss is-setgħa ta’ Ġesu’, is-setgħa ta’ Ġesu’ li kapaċi tgħinna noħorġu dawn il-partijiet mejtin tal-qalb, dawn l-oqbra ta’ dnub, li lkoll għandna.  Ilkoll aħna midinbin!  Imma jekk aħna marbutin ħafna ma’ dawn l-oqbra u nħarsuhom ġewwa fina u ma rridux li qalbna kollha kemm hi tqum għal ħajja, insiru korrotti u ruħna tibda tagħti dik “ir-riħa ħażina” kif issejjħilha Marta (Ġw 11, 39), ir-rieħa ta’ dik il-persuna li hija marbuta mad-dnub.  U r-Randan jiġi wkoll għalhekk.  Sabiex aħna lkoll, li aħna midinbin, ma nispiċċawx marbutin mad-dnub, imma nistgħu nħossu dak li Ġesu’ qal lil Lażżru: “Huwa għajjat b’leħen għoli: “Lażżru, oħroġ” (Ġw 11, 43).

Illum nistedinkom taħsbu għal ftit , fis-skiet,  hawn: fejn hu l-qabar, il-mejjet, ġewwa fija?  Liema hija l-parti mejta ta’ ruħi?  Fejn huwa l-qabar ġo fija?  Aħsbu, anke għal ftit sekondi, ilkoll fis-skiet.  Naħsbu: liema hija dik il-parti tal-qalb li tista’ tiġi korrotta, għaliex jiena marbut mad-dnubiet jew mad-dnub jew ma’ xi kwalita’ ta’ dnub?  Inneħħu l-ġebla, inneħħu l-ġebla tal-mistħija u nħallu lill-Mulej jgħidilna, kif qal lil Lażżru:  “Oħroġ barra!”  Hekk ruħna kollha tiġi mfejjqa, tqum bl-imħabba ta’ Ġesu’, bil-qawwa ta’ Ġesu’.  Huwa kapaċi jaħfrilna.  Ilkoll neħtieġuha dil-maħfra!  Ilkoll.  Ilkoll aħna midinbin, imma jeħtieġilna noqogħdu attenti biex ma nsirux korrotti!  Midinbin aħna, tassew, imma Huwa jaħfrilna.  Nisimgħu dak il-leħen ta’ Ġesu’ li, bil-qawwa ta’ Alla, itennielna: “Oħroġ barra! Oħroġ minn dak il-qabar li hemm ġo fik.  Oħroġ.  Jiena nagħtik il-ħajja, jiena nagħmlek hieni, jiena nbierkek, jiena rridek għalija”.

Il-Mulej illum, f’dan il-Ħadd, li jkellimna ħafna fuq il-Qawmien, jagħti lilna lkoll il-grazzja li nqumu minn dnubietna, li noħorġu mill-oqbra tagħna; bil-leħen ta’ Ġesu li jsejjħilna, noħorġu barra, immorru għandu.

Ħaġa oħra: fil-Ħames Ħadd tar-Randan, dawk li kienu jitħejjew għall-Magħmudija fil-Knisja, kienu jirċievu l-Kelma t’Alla.  Din il-komunita’ wkoll tagħmel l-istess ġest.  U jiena rrid nagħtikom l-Evanġelju; ħuduh dan l-Evanġelju fi djarkom.  Dan l-Evanġelju huwa wieħed li tistgħu ġġorruh, inġorruh dejjem magħna, biex naqraw biex naqraw għal ftit xi paragrafu minnu; niftħuh hekk u naqraw xi ħaġa minnu, bħal meta inkun f’xi kju nistenna jew meta nkun fuq il-meżżi tat-trasport; imma meta nkun komdu, għaliex jekk ma nkunx komdu, irrid noqgħod attent għall-bwiet!  Naqraw dejjem xi paragrafu tal-Evanġelju.  Jagħmlilna ħafna tajjeb, jagħmlilna ħafna tajjeb!  Ftit imma kull jum.  Dan huwa rigal, li ġibtilkom għall-komunita’ tagħkom, sabiex illum, il-ħames Ħadd tar-Randan, tirċievu l-Kelma t’Alla u wkoll, hekk, tistgħu tisimgħu leħen Ġesu li jtennielkom:  Oħroġ barra! Ejja! Ejja barra!”, u tħejju lilkom infuskom għal-lejl tal-Għid.

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.