QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

It-Tnejn 6 ta’ Jannar 2020

 

Fil-Vanġelu (Mt 2:1-12) il-Maġi l-ewwel ma jagħmlu hu juru x’kienu l-fehmiet tagħhom: “Rajna l-kewkba tiegħu tielgħa, u ġejna nqimuh” (v. 2). Il-mira tal-mixja tagħhom hi li jagħtu qima, din hi d-destinazzjoni tal-mixja tagħhom. Fil-fatt, meta waslu Betlehem, “raw lit-tifel ma’ ommu Marija, inxteħtu fl-art iqimuh” (v. 11). Jekk nitilfu s-sens ta’ adorazzjoni, nitilfu s-sens tal-mixja tal-ħajja Nisranija, li hi mixja lejn il-Mulej, u mhux lejna nfusna. Dan huwa r-riskju li dwaru jiftħilna għajnejna l-Vanġelu, meta, flimkien mal-Maġi, jippreżentalna persunaġġi li ma jirnexxilhomx jagħtu qima.

 

Qabelxejn hemm is-sultan Erodi, li jinqeda bil-verb tadura, imma b’mod qarrieq. Fil-fatt hu jitlob lill-Maġi jgħarrfuh dwar il-post fejn kienet tinsab it-Tarbija, “ħalli jien ukoll niġi nqimu” (v. 8). Fir-realtà, Erodi kien qed jadura biss lilu nnifsu u għalhekk ried jeħles mit-Tarbija bil-gideb. X’jgħallimna dan? Li l-bniedem, meta ma jadurax lil Alla, jasal biex jadura lilu nnifsu. U anki l-ħajja Nisranija, meta ma nqimux lill-Mulej, tista’ ssir mod edukat kif napprovaw lilna nfusna u l-bravura tagħna: Insara li ma jafux jaduraw, li ma jafux jitolbu billi jaduraw. Dan hu riskju serju: li ninqdew b’Alla flok ma naqdu lil Alla. Kemm drabi bdilna l-interessi tal-Vanġelu ma’ dawk tagħna, kemm drabi żejjinna bir-reliġjożità dak li kien komdu għalina, kemm drabi bdilna l-poter skont Alla, li jissarraf fil-qadi tal-oħrajn, mal-poter skont id-dinja, li jfisser naqdu lilna nfusna!

 

Barra minn Erodi hemm persuni oħra fil-Vanġelu li ma jirnexxilhomx jagħtu qima: huma l-qassisin il-kbar u l-kittieba tal-poplu. Huma juru lil Erodi bi preċiżjoni kbira fejn kellu jitwieled il-Messija: f’Betlehem tal-Lhudija (ara v. 5). Jafuhom sew il-profeziji, jikkwotawhom bl-eżatt. Jafu fejn għandhom imorru – teologi kbar, kbar! –, imma ma jmorrux. Anki minn dan kollu nistgħu nisiltu tagħlima. Fil-ħajja Nisranija mhuwiex biżżejjed li tkun taf: jekk ma noħorġux minna nfusna, jekk ma niltaqgħux, jekk ma nadurawx, ma nistgħux insiru nafu lil Alla. It-teoloġija u l-effiċjenza pastorali ftit jew xejn jiswew jekk l-irkupptejn ma jintlewewx; jekk ma nagħmlux bħall-Maġi, li ma kinux biss organizzaturi għorrief ta’ vjaġġ, imma mxew u taw qima. Meta nagħtu qima, nintebħu li l-fidi ma tirriduċix ruħha biss għal ġabra ta’ tagħlim sabiħ, imma hi r-relazzjoni ma’ Persuna ħajja li għandna nħobbuha. Huwa biss jekk niġu wiċċ imb wiċċ ma’ Ġesù li nistgħu nsiru nafu kif inhu wiċċu. Meta nagħtu qima, niskopru li l-ħajja Nisranija hija storja ta’ mħabba ma’ Alla, fejn mhumiex biżżejjed l-ideat tajbin, imma jeħtieġ inqiegħdu lilu fl-ewwel post, kif jagħmel namrat mal-persuna li jħobb. Hekk għandha tkun il-Knisja, adoratriċi nnamrata ta’ Ġesù l-għarus tagħha.

 

Fil-bidu tas-sena niskopru mill-ġdid l-adorazzjoni bħala esiġenza tal-fidi. Jekk nagħrfu ninżlu għarkupptejna quddiem Ġesù, negħlbu t-tentazzjoni li kull wieħed jitlaq jimxi għal riħu. Fil-fatt, meta naduraw, inkunu noħorġu mill-akbar jasar, dak tagħna nfusna. Meta naduraw, inkunu nqiegħdu lill-Mulej fiċ-ċentru biex ma nibqgħux iċċentrati fuqna nfusna. Inkunu nagħtu ordni xieraq lill-affarijiet, u nħallu lil Alla jieħu l-ewwel post. Li nadura jfisser inqiegħed il-pjanijiet ta’ Alla qabel il-ħin tiegħi, id-drittijiet tiegħi, l-ispazji tiegħi. Ifisser nilqa’ t-tagħlim tal-Iskrittura: “Lill-Mulej Alla tiegħek għandek tadura” (Mt 4:10). Alla tiegħek: naduraw ifisser inħossuna ta’ Alla. Ifisser nindirazzawh b’intimità, noffrulu ħajjitna billi nħallu lilu jidħol fil-ħajja tagħna. Inħallu l-faraġ tiegħu jinżel fuq id-dinja. Naduraw ifisser niskopru li biex nitolbu biżżejjed ngħidu: “Mulej tiegħi u Alla tiegħi!” (Ġw 20:28), u nħallu l-ħlewwa tiegħu taħkimna.

 

Naduraw ifisser niltaqgħu ma’ Ġesù mingħajr il-lista ta’ talbiet, imma bl-unika talba tkun dik li noqogħdu miegħu. Ifisser niskopru li l-ferħ u l-paċi joktru bil-ġieħ u r-radd ta’ ħajr. Meta naduraw, inkunu nippermettu lil Ġesù jfejjaqna u jibdilna. Meta naduraw, inkunu nagħtu lill-Mulej il-possibbiltà li jibdilna bi mħabbtu, li jdawwal id-dlamijiet tagħna, li jagħtina l-qawwa fid-dgħufija u l-kuraġġ fil-provi. Naduraw ifisser li mmorru għall-essenzjal: hija t-triq li ssaffina minn tant ħwejjeġ bla siwi, minn dipendenzi li jilluppjaw il-qalb tagħna u jistordu lil moħħna. Fil-fatt, meta naduraw, nitgħallmu nirrifjutaw dak li m’għandux jiġi meqjum: l-alla flus, l-alla konsum, l-alla pjaċir, l-alla suċċess, il-jien tagħna mgħolli għal alla. Naduraw ifisser niċċekknu quddiem l-Aktar Għoli, biex quddiemu niskopru li l-kobor tal-ħajja ma jikkonsistix f’kemm ikollok, imma f’kemm tħobb. Naduraw ifisser niskopru mill-ġdid li aħna aħwa quddiem il-misteru tal-imħabba li tegħleb kull distanza: ifisser nixorbu l-ilma mill-għajn, ifisser insibu f’Alla qrib tagħna l-kuraġġ li nkunu qrib tal-oħrajn. Naduraw ifisser nagħrfu nisktu quddiem il-Verb divin, biex nitgħallmu nlissnu kelmiet li ma jweġġgħux, imma jfarrġu.

 

Li tadura huwa ġest ta’ mħabba li jibdel il-ħajja. Ifisser nagħmlu bħall-Maġi: inwasslu lill-Mulej id-deheb, biex ngħidulu li xejn m’għandna iżjed prezzjuż minnu; noffrulu l-inċens, biex ngħidulu li bih biss ħajjitna togħla ’l fuq; nippreżentawlu l-mirra, li biha kienu jidilku l-ġerħat u t-tiċrit fil-ġisem, biex inwiegħdu lil Ġesù li se naqbżu għall-proxxmu tagħna mwarrab u batut, għaliex hemmhekk hemm hu. Normalment aħna nafu nitolbu – nitolbu, nirringrazzjaw lill-Mulej –, imma l-Knisja jeħtieġ timxi iktar ’il quddiem bit-talba tal-adorazzjoni, jeħtieġ nikbru fl-adorazzjoni. Huwa għerf li jeħtieġ nitgħallmu ta’ kuljum. Nitolbu billi nagħtu qima: it-talba tal-adorazzjoni.

 

Għeżież ħuti, illum kull wieħed u waħda minna jista’ jistaqsi lilu nnifsu: “Jiena Nisrani li naf nadura?”. Tant Insara li jitolbu ma jafux jaduraw. Ejjew nagħmlu din il-mistoqsija. Insibu ħinijiet għall-adorazzjoni fil-ġranet tagħna u noħolqu spazji għall-adorazzjoni fil-komunitajiet tagħna. Minna, bħala Knisja, jiddependi nqegħdux fil-prattika l-kelmiet li tlabna llum fis-Salm: “Iqimuh is-slaten kollha, il-ġnus kollha lilu jaqdu”. Meta naduraw, niskopru aħna wkoll, bħall-Maġi, is-sens tal-mixja tagħna. U bħall-Maġi nimtlew aħna wkoll b’“ferħ kbir tassew” (Mt 2:10).

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard