QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

KAPPELLA PAPALI

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Is-Sibt 6 ta’ Jannar 2018

 

Tliet ġesti tal-Maġi jorjentaw il-mixja tagħna lejn il-Mulej, li llum jidher bħala dawl u salvazzjoni għall-ġnus kollha. Il-Maġi jaraw il-kewkba, jimxu u joffru d-doni.

 

Jaraw il-kewkba. Dan hu l-punt tat-tluq. Imma nistgħu nistaqsu: il-Maġi biss rawha l-kewkba? Forsi għax ftit kienu dawk li għollew ħarsithom lejn is-sema. Fil-fatt, spiss fil-ħajja nikkuntentaw ruħna li nħarsu lejn l-art: biżżejjed is-saħħa, xi ħaġa tal-flus u ftit divertiment. U nistaqsi: aħna għadna nafu kif ngħollu ħarsitna lejn is-sema? Nafu noħolmu, nixtiequ lil Alla, nistennew il-ġdid tiegħu, jew inħallu l-ħajja tkaxkarna magħha kif jagħmel ir-riħ lil zokk niexef? Il-Maġi ma kkuntentawx ruħhom li jgħadduha, kemm jgħumu fil-wiċċ. Fehmu li, biex jgħixu tassew, kellhom bżonn ta’ mira għolja u għalhekk riedu jżommu ħarsithom ’il fuq.

 

Imma, nistgħu nistaqsu mill-ġdid, għaliex, fost dawk li għollew ħarsithom lejn is-sema, tant oħrajn ma mxewx wara l-kewkba, “il-kewkba tiegħu” (Mt 2:2)? Forsi għax ma kinitx kewkba li tgħammex l-għajnejn, li kienet qed tiddi iżjed mill-oħrajn. Kienet kewkba – jgħid il-Vanġelu – li l-Maġi kienu għadhom kemm raw “tielgħa” (vv. 2, 9). Il-kewkba ta’ Ġesù ma tgħammixx, ma tisturdix, imma tistieden bil-ħlewwa. Ejja nistaqsu liema kewkba qed nagħżlu f’ħajjitna. Hemm kwiekeb li jagħmuk, li jqanqlu emozzjonijiet qawwija, imma li ma jixħtux dawl fuq il-mixja. Hekk ngħidu aħna huma s-suċċess, il-flus, il-karriera, l-unuri, il-pjaċiri li nfittxu bħala skop għal ħajjitna. Imma dawn huma meteoriti: jilmaw għal ftit, imma malajr jintfew u d-dija tagħhom tgħib fix-xejn. Huma kwiekeb li jaqgħu, li jagħtu direzzjoni żbaljata flok waħda tajba. Mentri l-kewkba tal-Mulej mhux dejjem tiġbed l-għajn, imma dejjem hi preżenti; hi umli; taqbadlek idejk fil-ħajja, timxi miegħek. Ma twegħdikx xi premju materjali, imma tiggarantixxi l-paċi u tagħti, bħall-Maġi, “ferħ kbir tassew” (Mt 2:10). Li titlob minna, imma, hu li nimxu.

 

Jimxu, it-tieni azzjoni tal-Maġi, hi essenzjali biex isibu lil Ġesù. Fil-fatt, il-kewkba tiegħu titlob id-deċiżjoni li wieħed jimxi, it-taħbit ta’ kuljum fit-triq; titlobna neħilsu mit-toqol bla siwi u mill-pompi żejda, li jżommuna lura, u nilqgħu l-imprevist li ma jidhirx fuq il-mappa tal-ħajja trankwilla. Ġesù jħalli jsibuh lil dawk li jfittxuh, imma biex infittxuh irridu nitħarrku minn fejn aħna, noħorġu. Ma noqogħdux nistennew; nirriskjaw. Ma nibqgħux weqfin; nimxu ’l quddiem. Huwa esiġenti Ġesù: lil min ifittxu, jipproponilu li jitlaq il-pultruni tal-kumditajiet mondani u s-sħana ċerta tal-fuklari tiegħu. Li nimxu wara Ġesù mhux xi protokoll edukat li rridu nirrispettaw, imma eżodu li rridu ngħixu. Alla, li ħeles il-poplu tiegħu bit-traġitt tal-eżodu u sejjaħ popli ġodda biex jimxu wara l-kewkba tiegħu, jagħti l-libertà u jqassam il-ferħ dejjem u biss lil min jimxi. Fi kliem ieħor, biex insibu lil Ġesù rridu nwarrbu l-biża’ tar-riskju, il-gratifikazzjoni li nħossuna diġà wasalna, it-telqa ta’ min ma għadu jistenna xejn mill-ħajja. Irridu nirriskjaw, sempliċiment biex niltaqgħu ma’ Tarbija. Imma żgur li ma jkunx għalxejn, għax meta nsibu lil dik it-Tarbija, u niskopru l-ħlewwa u l-imħabba tagħha, nerġgħu nsibu lilna nfusna.

 

Li taqbad tibda miexi mhix ħaġa faċli. Il-Vanġelu dan jurihulna permezz tad-diversi persunaġġi. Hemm Erodi, imħasseb bil-biża’ li t-twelid ta’ sultan se jhedded is-setgħa tiegħu. Għalhekk jorganizza laqgħat u jibgħat oħrajn biex jiġbru t-tagħrif; imma hu ma jiċċaqlaqx minn postu, jibqa’ msakkar fil-palazz tiegħu. “Ġerusalemm kollha” (v. 3) wkoll tibża’: biża’ mill-ġdid li jġib Alla. Tippreferi li kollox jibqa’ bħal qabel – “dejjem hekk sar” – u ħadd m’għandu l-kuraġġ jitlaq. Iżjed sottili hi t-tentazzjoni tal-qassisin u l-kittieba. Huma jafu l-post eżatt u juruh lil Erodi, jikkwotaw anki l-profezija antika. Jafu, imma ma jmiddux pass wieħed lejn Betlehem. Tista’ tkun it-tentazzjoni ta’ min ilu jemmen żmien: jiddiskuti l-fidi, bħallikieku kienet xi ħaġa li diġà jaf x’inhi, imma personalment ma jirriskjax għall-Mulej. Ipaċpaċ, imma ma jitlobx; igerger, imma ma jippruvax jagħmel xi ħaġa ta’ ġid. Imma l-Maġi jitkellmu ftit u jimxu ħafna. Għalkemm ma jafux il-veritajiet tal-fidi, huma mixtieqa minnha u jitilqu jimxu, kif juru l-verbi tal-Vanġelu: “ġejna nqimuh” (v. 2), “telqu; daħlu, inxteħtu fl-art iqimu; telqu lura” (vv. 9, 11, 12): dejjem f’mixja.

 

Joffru. Meta waslu għand Ġesù, wara dak il-vjaġġ twil, il-Maġi għamlu bħalu: taw. Ġesù hu hemm biex joffri ħajtu, huma joffru l-ġid prezzjuż tagħhom: deheb, inċens u mirra. Il-Vanġelu jseħħ meta l-mixja tal-ħajja tasal għad-don. Ningħataw b’xejn, għall-Mulej, bla ma nistennew xejn lura: dan hu sinjal ċert li sibna lil Ġesù, li jgħid: “B’xejn ħadtu, b’xejn agħtu” (Mt 10:8). Nagħmlu l-ġid bla kalkoli, anki jekk ħadd ma jitlobhulna, anki jekk ma jqallagħna xejn, anki jekk ma jagħtiniex gost. Dan jitlob minna Alla. Hu, li ċċekken għalina, jitlobna noffru xi ħaġa għal ħutu l-iżjed ċkejknin. Min huma? Huma proprju dawk li m’għandhom xejn x’jagħtu lura, bħal min hu fil-bżonn, bil-ġuħ, barrani, fil-ħabs, fqir (ara Mt 25:31-46). Noffru don mogħġub minn Ġesù meta nieħdu ħsieb ta’ marid, niddedikaw ħinna għal persuna diffiċli, ngħinu lil x ħadd li ma jiġbidniex, noffru l-maħfra tagħna lil min offendiena. Huma doni b’xejn, ma jistgħux jonqsu fil-ħajja Nisranija. Inkella, ifakkarna Ġesù, jekk inħobbu lil dawk li jħobbuna, bħall-pagani nkunu nagħmlu (ara Mt 5:46-47). Inħarsu lejn idejna, spiss battala mill-imħabba, u nippruvaw illum naħsbu f’don li nistgħu noffru b’xejn, mingħajr ma nistennew xejn lura. Lill-Mulej se jogħġbu. U nitolbuh: “Mulej, għinni niskopri mill-ġdid il-ferħ tal-għotja”.

 

Għeżież ħuti, ejjew nagħmlu bħall-Maġi: inħarsu ’l fuq, nimxu, u noffru d-doni tagħna b’xejn.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard