QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ L-EPIFANIJA TAL-MULEJ

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

 Bażilika tal-Vatikan

It-Tlieta 6 ta’ Jannar 2015

 

Dik it-Tarbija, imwielda Betlehem mill-Verġni Marija, ma ġietx biss għall-poplu ta’ Israel, irrappreżentat mir-rgħajja ta’ Betlehem, imma anki għall-bnedmin kollha, irrappreżentati l-lum mill-Maġi, li ġew mil-Lvant.  U hu propju fuq il-Maġi u fuq il-mixja tagħhom huma u jfittxu lill-Messija li l-lum il-Knisja tistedinna nimmeditaw u nitolbu.

 

Dawn il-Maġi li ġew mil-Lvant huma l-ewwel nies f’dik il-purċissjoni twila li fuqha kellimna l-Profeta Isaija fl-Ewwel Qari (ara 60:1-6): purċissjoni li minn dak iż-żmien baqgħet ma qatgħetx, u li tul l-epoki kollha tagħraf il-messaġġ tal-kewkba u ssib lit-Tarbija li turina l-ħlewwa ta’ Alla.  Dejjem hemm persuni ġodda li jiġu mdawlin mid-dawl tal-kewkba, li jsibu t-triq u jaslu għandU.

 

Skond it-tradizzjoni, il-Maġi kienu nies għorrief: studjużi tal-kwiekeb, qarrejja tas-sinjali tas-sema, f’kuntest kulturali u ta’ twemmin li fil-kwiekeb kien jaqra tifsiriet partikulari li jinfluwenzaw dak li jgħaddi minnu l-bniedem.  Il-Maġi jirrappreżentaw l-irġiel u nisa li qed ifittxu lil Alla fir-reliġjonijiet u fil-filosofiji tad-dinja kollha: tiftixa li ma tieqaf qatt.  Irġiel u nisa li qed ifittxu.

 

Il-Maġi juruna t-triq li fiha għandna nimxu f’ħajjitna.  Huma kienu qed ifittxu d-Dawl veru: Lumen requirunt lumine, jgħid innu liturġiku ta’ l-Epifanija, f’riferenza għall-esperjenza tal-Maġi; Lumen requirunt lumine.  Huma jimxu wara dawl ifittxu d-dawl.  Telqu jfittxu lil Alla.  Raw is-sinjal tal-kewkba, interpretawh u bdew mexjin, għamlu vjaġġ twil.

 

Hu l-Ispirtu s-Santu li sejħilhom u qanqalhom biex jibdew mexjin; u f’din il-mixja kellha sseħħ anki l-laqgħa personali tagħhom ma’ Alla l-veru.

 

Tul il-mixja tagħhom il-Maġi jiltaqgħu ma’ għadd ta’ diffikultajiet.  Mal-wasla tagħhom f’Ġerusalemm huma jidħlu l-palazz tas-sultan, għax kienet ħaġa ovvja għalihom li s-sultan il-ġdid kellu jitwieled fil-palazz irjali.  Hemm huma jitilfu l-kewkba.  Kemm drabi ma nibqgħux narawha l-kewkba!  U jiltaqgħu ma’ tentazzjoni, li poġġielhom quddiemhom ix-xitan: hu l-ingann ta’ Erodi.  Is-sultan Erodi donnu jidher interessat fit-tarbija, mhux biex imur iqimha, imma biex jeqridha.  Erodi hu l-bniedem tal-poter, li fil-persuna l-oħra jara biss għadu.  U fl-aħħar mill-aħħar anki lil Alla jqisu bħala għadu tiegħu, anzi, bħala l-aktar għadu perikuluż.  Fil-palazz il-Maġi jgħaddu minn mument ta’ dalma, ta’ deżolazzjoni, li jirnexxielhom jegħlbuh grazzi għas-suġġerimenti ta’ l-Ispirtu s-Santu, li jitkellem permezz tal-profeziji ta’ l-Iskrittura Mqaddsa.  Dawn juru li l-Messija kellu jitwieled f’Betlehem, il-belt ta’ David.

 

Hawn huma jaqbdu mill-ġdid mixjithom u jerġgħu jilmħu l-kewkba: l-evanġelista jniżżel li mtlew b’“ferħ kbir tassew” (Mt 2:10), faraġ sħiħ.  Meta waslu Betlehem, sabu “lit-tifel ma’ ommu Marija” (Mt 2:11).  Wara dik ta’ Ġerusalemm, din kienet għalihom it-tieni tentazzjoni kbira: li jirrifjutaw dik iċ-ċkunija kollha.  Imma huma “inxteħtu fl-art iqimuh”, u offrewlu d-doni prezzjużi u simboliċi tagħhom.  Hi dejjem il-grazzja ta’ l-Ispirtu s-Santu li qed tgħinhom: dik il-grazzja li, permezz tal-kewkba, kienet sejħitilhom u mexxiethom fit-triq li qabdu, issa ddaħħalhom fil-misteru.  Dik il-kewkba li sieħbet il-mixja tagħhom, iddaħħalhom fil-misteru.  Imnebbħa mill-Ispirtu, jaslu biex jagħrfu li l-kriterji ta’ Alla huma differenti sew minn dawk tal-bnedmin, li Alla ma jurix ruħu fil-qawwa ta’ din id-dinja, imma jiġi għandna fl-umiltà ta’ mħabbtu.  L-imħabba ta’ Alla hi kbira, iva.  L-imħabba ta’ Alla hi qawwija, iva.  Imma l-imħabba ta’ Alla hi umli, umli ħafna!  Il-Maġi għalhekk huma mudelli ta’ konverżjoni lejn il-fidi vera għax huma emmnu iżjed fit-tjieba ta’ Alla milli fl-isplendur tal-poter li jidher minn barra.

 

U allura nistgħu nistaqsu: liema hu l-misteru li fih jinħeba Alla?  Fejn nista’ niltaqa’ miegħu?  Madwarna naraw gwerer, sfruttament tat-tfal, torturi, traffikar ta’ l-armi, traffikar tal-persuni…  F’dawn ir-realtajiet kollha, f’dawn l-aħwa kollha l-iżjed żgħar li qed ibatu minħabba dawn is-sitwazzjonijiet, hemm Ġesù (ara Mt 25:40,45).  Il-presepju jfasslilna quddiemna triq differenti minn dik li toħlom il-mentalità ta’ din id-dinja: hi t-triq ta’ Alla li jitbaxxa, dik l-umiltà ta’ l-imħabba ta’ Alla li jiċċekken, jixxejjen, il-glorja tiegħu hi moħbija fil-maxtura ta’ Betlehem, fis-salib fuq il-Kalvarju, f’ħija u f’oħti li qed ibatu.

 

Il-Maġi daħlu fil-misteru.  Għaddew mill-kalkoli umani għall-misteru: u din kienet il-konverżjoni tagħhom.  U tagħna?  Nitolbu lill-Mulej jagħtina li ngħixu l-istess mixja ta’ konverżjoni li għamlu l-Maġi.  Ħa jħarisna u jeħlisna mit-tentazzjonijiet li jaħbulna l-kewkba.  Ħa jkun dejjem ħsiebna biex nistaqsu: Fejn hi l-kewkba?, meta – qalb il-qerq kollu tad-dinja – inkunu tlifna d-dehra tagħha.  Ħa nitgħallmu nagħrfu b’mod dejjem ġdid il-misteru ta’ Alla, u ma niskandalizzawx ruħna bis-“sinjal”, bl-indikazzjoni, dak is-sinjal li bih ġew mgħarrfa l-Anġli: “tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura” (Lq 2:12), u ħa jkollna l-umiltà li nitolbu lill-Omm, lill-Omm tagħna, biex turihulna.  Ħa nsibu l-kuraġġ li ninħelsu mill-illużjonijiet tagħna, mill-preżunzjonijiet tagħna, mid-“dwal” tagħna, u nfittxu dan il-kuraġġ fl-umiltà tal-fidi, ħalli nistgħu niltaqgħu mad-Dawl, Lumen, kif għamlu l-Maġi mqaddsa.  Jalla nagħrfu nidħlu fil-misteru.  Hekk ikun.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard