QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATI

STANISLAW TA’ ĠESÙ U MARIJA U MARIJA ELIŻABETTA HESSELBLAD

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 5 ta’ Ġunju 2016

 

Il-Kelma ta’ Alla li għadna kemm smajna teħodna lura lejn il-ġrajja ċentrali tal-fidi tagħna: ir-rebħa ta’ Alla fuq it-tbatija u fuq il-mewt. Hu l-Vanġelu tat-tama li jnixxi mill-Misteru ta’ l-Għid ta’ Kristu, li jixgħel minn wiċċu, li jirrivelalna lil Alla l-Missier li jfarraġ lill-maħqurin. Hi Kelma li ssejħilna biex nibqgħu intimament magħquda mal-passjoni ta’ Sidna Ġesù, biex tidher fina l-qawwa tal-qawmien tiegħu.

 

Fil-fatt, fil-passjoni ta’ Kristu hemm it-tweġiba ta’ Alla għall-karba muġugħa, u xi drabi inkurlata, li tqanqal fina l-esperjenza ta’ l-uġigħ u tal-mewt. Ma nistgħux naħarbu mis-Salib, imma jeħtieġ nibqgħu hemm, kif għamlet l-Omm Verġni, li batiet ma’ Ġesù u hekk irċiviet il-grazzja li biha tittama kontra kull tama (ara Rum 4:18).

 

Din kienet ukoll l-esperjenza ta’ Stanislaw ta’ Ġesù u Marija u ta’ Marija Eliżabetta Hesselblad, li l-lum qed jiġu pproklamati qaddisin: baqgħu magħquda mill-qrib mal-passjoni ta’ Ġesù u fihom dehret il-qawwa tal-qawmien tiegħu.

 

L-Ewwel Qari u l-Vanġelu ta’ dan il-Ħadd jippreżentawlna propju żewġ sinjali mirakulużi tal-qawmien, l-ewwel imwettaq mill-profeta Elija, it-tieni minn Ġesù. Fiż-żewġ każi, il-mejtin huma wlied għadhom żgħażagħ ta’ nisa romol, li jintraddu lura ħajjin lil ommijiethom.

 

L-armla ta’ Sarefta – mara li ma kinitx Lhudija, imma li kienet laqgħet f’darha lill-profeta Elija – tissaħħan mal-profeta u ma’ Alla għax, propju waqt li Elija kien mistieden f’darha, binha marad u issa kien ħa l-aħħar nifs f’dirgħajha. Għalhekk Elija jgħid lil dik il-mara: “Agħtini lil ibnek” (1 Slat 17:19). Din hi kelma-muftieħ: tesprimi l-atteġġjament ta’ Alla quddiem il-mewt tagħna (f’kull għamla tagħha); ma jgħidx: “Ħa, ħudha, irranġa int!”, imma jgħid: “Agħtiha lili”. U fil-fatt il-profeta jieħu lit-tfajjel u jtellgħu fil-kmamar ta’ fuq, u hemm, waħdu, fit-talb, “jeħodha ma’ Alla”, iqegħidlu quddiem għajnejh l-assurdità ta’ dik il-mewt. U l-Mulej jisma’ leħen Elija, għax fil-verità kien Hu, Alla nnifsu, li kien qed jitkellem u jaġixxi fil-profeta. Kien Hu li, b’fomm Elija, kien qal lil dik il-mara: “Agħtini lil ibnek”. U issa kien Hu li kien qed iroddu lura ħaj lil ommu.

 

Il-ħlewwa ta’ Alla tidher b’mod sħiħ f’Ġesù. Smajna fil-Vanġelu (Lq 7:11-17) kif Hu “tħassar” (v. 13) lil dik l-armla ta’ Najn, fil-Galilija, li kienet qiegħda twassal għad-difna lill-iben waħdieni tagħha, li kien għadu adolexxent. Imma Ġesù jersaq qrib tagħha, imiss it-tebut, iwaqqaf il-funeral, u żgur li melles il-wiċċ ta’ dik l-omm imsejkna maħsul bid-dmugħ. “Tibkix!”, jgħidilha (Lq 7:13). Bħallikieku kien qed jitlobha: “Agħtini lil ibnek”. Ġesù jitlobna nagħtuh il-mewt tagħna, biex jeħlisna minnha u jroddilna l-ħajja. Fil-fatt dak il-ġuvni reġa’ ħa l-ħajja qisu qam minn xi raqda fil-fond u reġa’ beda jitkellem. U Ġesù “tah lil ommu” (v. 15). M’huwiex xi saħħar! Din hi l-ħlewwa ta’ Alla mlaħħma, Fih taħdem il-kompassjoni immensa tal-Missier.

 

Xorta ta’ qawmien hi wkoll dik ta’ l-Appostlu Pawlu, li minn għadu u persekutur qalil ta’ l-Insara sar xhud u ħabbâr tal-Vanġelu (ara Gal 1:13-17). Din il-bidla mill-għeruq ma kinitx opra tiegħu, imma don tal-ħniena ta’ Alla, li “għażlu” u “sejjaħlu permezz tal-grazzja tiegħu”, u ried juri “fih” lil Ibnu biex iħabbru qalb il-ġnus (vv. 15-16). Pawlu jgħidilna li Alla l-Missier għoġbu juri lil Ibnu mhux biss lilu, imma fih, b’mod li kważi ssiġilla fil-persuna tiegħu, ġisem u ruħ, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu. Hekk l-Appostlu sar mhux biss messaġġier, imma fuq kollox xhud.

 

U anki lill-midinbin, wieħed wieħed, Ġesù ma jieqaf qatt idawwalhom bir-rebħa tal-grazzja li tagħti l-ħajja. U l-lum u dejjem, jgħid lill-Knisja Omm: “Agħtini lil uliedek”, jiġifieri lilna lkoll. Hu jieħu fuqu d-dnubiet tagħna, iħassarhom u jroddna ħajjin lill-istess Knisja. U dan qed iseħħ b’mod speċjali tul din is-Sena Mqaddsa tal-Ħniena.

 

Il-Knisja l-lum qed tressqilna tnejn minn uliedha li huma xhieda eżemplari ta’ dan il-misteru tal-qawmien. It-tnejn li huma jistgħu jgħannu għal dejjem, bi kliem is-Salmista: “Int bdilt fi żfin l-għali tiegħi / Mulej, Alla tiegħi, infaħħrek għal dejjem!” (Salm 30:12-13). U lkoll flimkien b’leħen wieħed inwieġbu: “Ngħollik, Mulej, għax erfajtni” (Ritornell tas-Salm Responsorjali).

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard