QUDDIESA U KANONIZZAZZJONI TAL-BEATA

MADRE TEREŻA TA’ KALKUTTA

ĠUBLEW TAL-OPERATURI U TAL-VOLUNTIERA TAL-ĦNIENA

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 4 ta’ Settembru 2016

 

“Min jista’ jifhem xi jrid il-Mulej?” (Għerf 9:13). Din il-mistoqsija tal-Ktieb tal-Għerf, li għadna kemm smajna fl-Ewwel Qari, turina li ħajjitna hi misteru, li l-muftieħ biex ninterpretawh mhuwiex f’idejna. Il-protagonisti tal-istorja huma dejjem tnejn: minn naħa Alla, u mill-oħra l-bnedmin. Xogħolna hu li nagħrfu s-sejħa ta’ Alla u mbagħad nilqgħu r-rieda tiegħu. Imma biex nilqgħuha bla tnikkir ejjew nistaqsu lilna nfusna: X’inhi r-rieda ta’ Alla?

 

Fl-istess silta mill-Ktieb tal-Għerf insibu t-tweġiba: “Tgħallmu l-bnedmin dak li jogħġob lilek” (v. 18). Biex nagħrfu li dik hi s-sejħa ta’ Alla, irridu nistaqsu lilna nfusna u nifhmu x’inhu li jogħġob lilu. Ħafna drabi l-profeti jħabbrulna x’inhu li jogħġob lill-Mulej. Il-messaġġ tagħhom jinġabar b’mod sabiħ ħafna fl-espressjoni: “Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju” (Hos 6:6; Mt 9:13). Lil Alla togħġbu kull mopra ta’ ħniena, għax f’ħuna li ngħinu aħna nsibu l-wiċċ ta’ Alla li ħadd ma jista’ jara (ara Ġw 1:18). U kull darba li mmilu biex naraw x’għandhom bżonn ħutna, aħna nkunu tajna x’jiekol u x’jixrob lil Ġesù nnifsu; inkunu libbisna, weżinna, u żorna lill-Iben ta’ Alla (ara Mt 25:40). F’kelma waħda, inkunu missejna l-laħam ta’ ġisem Kristu.

 

Għalhekk aħna msejħin insarrfu fil-konkret dak li llissnu fit-talb u nistqarru bil-fidi. Ma hemm l-ebda alternattiva għall-karità: dawk li jaqdu lill-aħwa, imqar jekk ma jafux li hu hekk, qed iħobbu lil Alla (ara 1 Ġw 3:16-18; Ġak 2:14-18). Madankollu, il-ħajja Nisranija mhix sempliċi għajnuna lil xi ħadd fil-ħin tal-bżonn. Li kienet hekk, iva, kienet tkun sentiment sabiħ ta’ solidarjetà umana li jgħin minnufih, imma kienet tkun battala għax bla għeruq. Bil-maqlub, l-impenn li l-Mulej qed jitlob minna hu dak ta’ vokazzjoni għall-karità li biha kull dixxiplu ta’ Kristu jaqdih b’ħajtu stess, biex kuljum jikber fl-imħabba.

 

Smajna fil-Vanġelu kif “kotra kbira ta’ nies kienet miexja ma’ Ġesù” (Lq 14:25). Illum dik il-“kotra kbira” hi rrappreżentata mid-dinja wiesgħa tal-volontarjat, hawn miġbura fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Ħniena. Intom dik il-kotra miexja wara l-Imgħallem u li tagħmel li tidher l-imħabba konkreta tiegħu għal kull bniedem. Intennilkom kliem l-Appostlu Pawlu: “Jiena fraħt ħafna u qawwejt qalbi bl-imħabba li għandek; għaliex, ħija, il-qlub tal-qaddisin strieħu fik” (Film 7). Kemm ifarrġu qlub il-voluntiera! Kemm dirgħajn iwieżnu; kemm dmugħ jixxuttaw; kemm imħabba hi msawba fil-qadi li jsir bil-moħbi, umli u li ma jfittixx xi ħlas! Dan il-qadi, li hu ta’ min ifaħħru, jagħti leħen lill-fidi – jagħti leħen lill-fidi! – u jesprimi l-ħniena tal-Missier li jersaq qrib ta’ dawk li jeħtiġuh.

 

Il-mixja wara Ġesù hi impenn serju u fl-istess waqt hieni; jitlob radikalità u kuraġġ biex nistgħu nagħrfu lill-Imgħallem divin fl-iktar bniedem fqir u mormi fil-ħajja u naqduh. Għalhekk, il-voluntiera li jaqdu liċ-ċkejknin u dawk fil-bżonn għall-imħabba ta’ Ġesù ma jistennew ebda ħajr lura u l-ebda sodisfazzjon, imma jiċċaħħdu minn dan kollu għax huma skoprew il-vera mħabba. U kull wieħed u waħda minna jista’ jgħid: “Kif il-Mulej ġie jiltaqa’ miegħi u miel lejja fil-waqt tal-ħtieġa, hekk jien ukoll irrid niltaqa’ miegħu u mmil lejn dawk kollha li tilfu l-fidi u qed jgħixu bħallikieku Alla ma kienx jeżisti, lejn iż-żgħażagħ bla valuri u ideali, lejn il-familji fi kriżi, lejn il-morda u l-ħabsin, lejn ir-rifuġjati u l-immigranti, lejn id-dgħajfa u dawk li m’għandhom ħadd min jiddefendilhom ġisimhom u ruħhom, lejn it-tfal mitluqa għal riħhom, kif ukoll lejn l-anzjani mitluqa waħidhom. Kull fejn hemm l-id miftuħa ta’ min qed jitlob l-għajnuna biex jerġa’ lura fuq saqajh, hemm għandu jkun hemm il-preżenza tagħna u l-preżenza tal-Knisja li twieżen u timla bit-tama”. U dan nagħmlu bil-memorja ħajja tal-id li l-Mulej fetaħ għalija u biha laħaqni meta jien stess kont mixħut mal-art.

 

Tul ħajjitha kollha, Madre Tereża qassmet b’ġenerożità l-ħniena divina, u għal kulħadd kienet disponibbli bl-akkoljenza u l-ħarsien tal-ħajja umana, dik li għadha ma twelditx u dik mitluqa u mormija. Ħabirket fil-ħarsien tal-ħajja billi xandret bla heda li “min għadu ma twelidx hu l-iżjed dgħajjef, l-iċken, l-ifqar”. Mielet lejn il-persuni mifnija, mitluqa jmutu fuq il-ġnub tat-toroq, u għarfet fihom dik id-dinjità li Alla żejjinhom biha; semmgħet leħinha quddiem is-setgħanin ta’ din l-art, biex jintebħu bil-ħtijiet tagħhom quddiem il-krimini – quddiem il-krimini! – tal-faqar maħluq minnhom stess. Il-ħniena kienet għaliha l-“melħ” li jagħti togħma lil kull ħidma, u d-“dawl” li jimla d-dlamijiet ta’ dawk li bilkemm dmugħ ma kien fadlilhom biex setgħu jibku l-faqar u t-tbatija tagħhom.

 

Il-missjoni tagħha fit-truf tal-bliet u fil-periferiji eżistenzjali tibqa’ fi żmienna xhieda tgħajjat ta’ kemm Alla hu qrib tal-iżjed foqra fost il-foqra. Illum lil din il-figura emblematika ta’ mara u ta’ persuna kkonsagrata qed irressaqha quddiem id-dinja kollha tal-volontarjat: ħa tkun hi l-mudell tagħhom ta’ qdusija! Naħseb li forsi ħa nsibuha ftit bi tqilha biex insejħulha Santa Tereża: il-qdusija tagħha hi hekk qrib tagħna, hekk ħelwa u għammiela li kważi spontanjament jiġina li nibqgħu nsejħulha “Madre Tereża”. Din il-ħaddiema bla heda tal-ħniena tgħinna nifhmu dejjem iżjed li l-uniku kriterju tagħna ta’ azzjoni hi l-imħabba mogħtija b’xejn, ħielsa minn kull ideoloġija u minn kull rabta, u msawba fuq kulħadd bla distinzjoni ta’ lsien, kultura, razza jew reliġjon. Madre Tereża kienet tħobb tgħid: “Forsi ma nitkellimx bl-ilsien tagħhom, imma nista’ nitbissmilhom”. Ejjew inġorru f’qalbna t-tbissima tagħha u ngħadduha lil dawk kollha li magħhom niltaqgħu fil-mixja tagħna, speċjalment lil dawk li qed ibatu. Hekk inkunu niftħu xefaq ġdid ta’ ferħ u ta’ tama lil tant bnedmin li għoddhom qatgħu qalbhom u huma fil-bżonn ta’ min jurihom ħniena u tjieba.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard