QUDDIESA FIS-SOLENNITÀ TA’ GĦID IL-ĦAMSIN

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU

 

Pjazza San Pietru

Il-Ħadd 4 ta’ Ġunju 2017

 

Jagħlaq illum żmien il-Għid, ħamsin jum li, mill-Qawmien ta’ Ġesù sa Għid il-Ħamsin, huma mimlija b’mod speċjali bil-preżenza tal-Ispirtu s-Santu. Fil-fatt hu d-Don tal-Għid per eċċellenza. Hu l-Ispirtu ħallieq, li dejjem iwettaq ħwejjeġ ġodda. Żewġ ħwejjeġ ġodda li naraw fil-Qari tal-lum: fl-Ewwel, l-Ispirtu jagħmel mid-dixxipli poplu ġdid; fil-Vanġelu, joħloq fid-dixxipli qalb ġdida.

 

Poplu ġdid. Nhar Għid il-Ħamsin l-Ispirtu niżel mis-Sema, f’għamla ta’ “ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom […], u mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu” (Atti 2:3-4). Il-Kelma ta’ Alla hekk tfisser l-azzjoni tal-Ispirtu, li l-ewwel joqgħod fuq kull wieħed u mbagħad iqiegħed lil kulħadd f’komunikazzjoni. Lil kull wieħed jagħti don u lil kulħadd jiġbor fl-għaqda. Fi kliem ieħor, l-istess Spirtu joħloq id-diversità u l-għaqda u b’dan il-mod isawwar poplu ġdid, varjat u magħqud: il-Knisja universali. Mill-bidu, b’fantasija u b’mod imprevedibbli, joħloq id-diversità; f’kull żmien fil-fatt iwarrad kariżmi ġodda u varji. Imbagħad l-istess Spirtu jwettaq l-għaqda: jorbot, jiġbor, joħloq mill-ġdid l-armonija. “Bil-preżenza u bl-azzjoni tiegħu jiġbor fl-għaqda erwieħ li bejniethom huma magħżula u mifruda” (Ċirillu ta’ Lixandra, Kumment fuq il-vanġelu ta’ Ġwanni, XI, 11). Biex hekk ikun hemm l-għaqda vera, dik kif irid Alla, li mhix uniformità, imma għaqda fid-differenza.

 

Biex iseħħ dan tajjeb ngħinu lil xulxin biex nevitaw żewġ tentazzjonijiet ta’ żmienna. L-ewwel hi dik li nfittxu d-diversità bla għaqda. Dan jiġri meta rridu niddistingwu ruħna minn xulxin, meta jiffurmaw skjeramenti u partiti, meta nwebbsu rasna fuq pożizzjonijiet li jeskludu, meta ningħalqu fil-partikulariżmi tagħna, forsi nħossuna l-aqwa jew dawk li dejjem għandhom raġun. Huma l-hekk imsejħa “kustodji tal-verità”. Għalhekk nagħżlu l-parti, flok il-kollox, li nkunu ta’ dan jew ta’ dak, iktar milli tal-Knisja; insiru “sapporters” ta’ parti, flok aħwa fl-istess Spirtu; Insara “tal-lemin jew tax-xellug”, flok ta’ Ġesù; kustodji inflessibbli tal-passat jew avangwardisti tal-futur qabel m’aħna wlied umli u grati tal-Knisja. Hekk tinħoloq id-diversità flok l-għaqda. Imma t-tentazzjoni opposta hi dik li nfittxu l-għaqda mingħajr id-diversità. Imma b’dan il-mod l-għaqda ssir uniformità, obbligu li nagħmlu kollox flimkien u kollox ugwali, li kollha naħsbu dejjem bl-istess mod. Hekk l-għaqda tispiċċa biex issir omoġenjità u ma jkunx hemm iżjed libertà. Imma, jgħidilna San Pawl, “fejn hemm l-Ispirtu tal-Mulej hemm il-ħelsien” (2 Kor 3:17).

 

Għalhekk it-talba tagħna lill-Ispirtu s-Santu hi l-grazzja li nilqgħu l-għaqda tiegħu, ħarsa li, lil hemm mill-preferenzi personali, tħaddan u tħobb lill-Knisja tiegħu, il-Knisja tagħna; li nfittxu l-għaqda bejn kulħadd, li nsikktu t-tqassis li jiżra’ s-sikrana u l-għira li hi velenu, għax li nkunu rġiel u nisa tal-Knisja jfisser inkunu rġiel u nisa ta’ komunjoni; u nitolbu anki qalb li tħoss mal-Knisja omm u dar tagħna: id-dar li tilqa’ u hi miftuħa, fejn naqsmu flimkien il-ferħ tal-Ispirtu s-Santu li juri ruħu f’ħafna xejriet.

 

U hekk niġu għat-tieni aspett ġdid: qalb ġdida. Kristu Rxoxt, meta deher l-ewwel darba lil tiegħu, qalilhom: “Ħudu l-Ispirtu s-Santu. Dawk li taħfrulhom dnubiethom ikunu maħfura, u dawk li żżommuhomlhom ikunu miżmuma” (Ġw 20:22-23). Ġesù ma jikkundannax lil dawk li huma tiegħu, li kienu telquh u ċaħduh fil-Passjoni, imma jagħtihom l-Ispirtu tal-maħfra. L-Ispirtu hu l-ewwel don tal-Irxoxt u jingħata qabelxejn għall-maħfra tad-dnubiet. Hawn hu l-bidu tal-Knisja, hawn il-kullana li żżommna marbuta flimkien, is-siment li jgħaqqad il-madumiet kollha tal-Knisja: il-maħfra. Għax il-maħfra hi d-don tal-akbar qawwa, hi l-akbar imħabba, dik li żżommna magħquda minkejja kollox, li żżommna milli nogħtru, li ssaħħaħ u tqawwi. Il-maħfra teħles il-qalb u tippermettilha terġa’ tibda mill-ġdid: il-maħfra tagħti tama, bla maħfra ma nistgħux nibnu lill-Knisja.

 

L-Ispirtu tal-maħfra, li kollox isewwi fl-għaqda, iridna naħarbu toroq oħra: dawk mgħaġġla ta’ min jiġġudika, dawk bla ħruġ ta’ min jagħlaq kull bieb, dawk ta’ direzzjoni waħda ta’ min jikkritika lill-oħrajn. Imma l-Ispirtu jsejħilna biex nimxu fit-toroq b’żewġ direzzjonijiet tal-maħfra milqugħa u tal-maħfra mogħtija, tal-ħniena divina li ssir imħabba għall-proxxmu, tal-imħabba bħala “kriterju waħdieni li fuqu kollox għandu jsir jew ma jsirx, jinbidel jew ma jinbidilx” (Iżakk tal-Istilla, Diskors 31). Nitolbu l-grazzja li nagħmlu dejjem isbaħ il-wiċċ tal-Omm tagħna l-Knisja billi niġġeddu bil-maħfra u nikkoreġu lilna nfusna: hekk biss nistgħu nikkoreġu lill-oħrajn bl-imħabba.

 

Nitolbuh lill-Ispirtu s-Santu, nar ta’ mħabba li jkebbes fil-Knisja u madwarna, anki jekk spiss ngħattuh bir-rmied tal-ħtijiet tagħna: “Spirtu ta’ Alla, Mulej li tinsab f’qalbi u fil-qalb tal-Knisja, int li tmexxi lill-Knisja, u ssawwarha fid-diversità, ejja. Biex ngħixu għandna bżonn tiegħek bħall-ilma: inżel mill-ġdid fuqna u għallimna l-għaqda, ġedded il-qlub tagħna u għallimna nħobbu kif tħobbna int, naħfru kif taħfrilna int. Amen”.

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard