KNISJA TA’ SAN STANISLAW

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

It-III Ħadd ta’ l-Għid, 4 ta’ Mejju 2014

 

Fis-silta mill-Atti ta’ l-Appostli smajna leħen Pietru, li jħabbar bil-qawwa kollha l-Qawmien ta’ Ġesù.  Pietru hu xhud tat-tama li hi fi Kristu.  U fit-Tieni Qari hu mill-ġdid Pietru li jwettaq lill-fidili fil-fidi tagħhom fi Kristu, meta jikteb: “Bih intom temmnu f’Alla, li qajmu mill-imwiet…, hekk il-fidi tagħkom hi wkoll tama f’Alla” (1:21).

 

Pietru hu l-punt sod ta’ riferiment għall-komunità, għax hu nnifsu hu mwaqqaf fuq il-Blata li hu Kristu.

 

Hekk kien Ġwanni Pawlu II, ġebla vera ankrata fil-Blata l-kbira.

 

Ġimgħa wara l-kanonizzazzjoni ta’ Ġwanni XXIII u ta’ Ġwanni Pawlu II, inġbarna f’din il-knisja tal-Pollakki f’Ruma, biex irroddu ħajr lil Alla għad-don ta’ l-Isqof qaddis ta’ Ruma li hu iben in-nazzjon tagħkom.  F’din il-knisja fejn hu rifes iktar minn tmenin darba!  Dejjem hawn kien jiġi, fid-diversi waqtiet ta’ ħajtu u tal-ħajja tal-Polonja.

 

Fil-waqtiet ta’ niket u ta’ taħbit, meta kollox kien jidher mitluf, hu ma kienx jitlef it-tama, għax il-fidi u t-tama tiegħu kienu mqiegħda f’Alla (ara 1 Piet 1:21).  U hekk hu kien ġebla soda, blata għal din il-komunità, li hawn tiltaqa’ biex titlob, hawn tisma’ l-Kelma, titħejja għas-Sagramenti u tamministrahom, tilqa’ lil min hu fil-bżonn, tkanta u tagħmel festa, u minn hawn toħroġ lejn il-periferiji ta’ Ruma…

 

Intom, ħuti, tagħmlu parti minn poplu li fl-istorja tiegħu għadda minn ħafna provi.  Il-poplu Pollakk jaf tajjeb li biex tista’ tidħol fil-glorja l-ewwel trid tgħaddi mill-passjoni u s-salib (ara Lq 24:26).  U dan jafu għax studjah, jafu għax ġarrbu.  San Ġwanni Pawlu II, bħala iben denn tal-pajjiż tiegħu fuq din l-art, mexa f’din it-triq.  Imxieha b’mod eżemplari, għax ħalla lil Alla jneżżgħu minn kollox.  Għalhekk “ġismu jistrieħ fit-tama” (ara Atti 2:26; Salm 16:9).

 

U aħna?  Lesti nimxu f’din l-istess triq?

 

Intom, ħuti, li l-lum issawru l-komunità Nisranija tal-Pollakki f’Ruma, tridu timxu f’din it-triq?

 

San Pietru, bl-istess leħen ta’ San Ġwanni Pawlu II, jgħidilkom: “Għixu fil-biża’ ż-żmien tal-ħajja li qegħdin tgħaddu f’art barranija” (1 Pet 1:17).  Tassew, aħna hawn vjaġġaturi, imma mhux vagabondi!  Mexjin, imma nafu fejn sejrin!  Il-vagabondi ma jafuhx.  Aħna pellegrini, imma mhux niġġerrew fil-vojt – kif kien iħobb jgħid San Ġwanni Pawlu II.

 

Iż-żewġ dixxipli ta’ Għemmaws huma u sejrin ’l hemm kienu qishom vagabondi, ma kinux jafu fejn sa jispiċċaw, imma mhux hekk huma u ġejjin lura!  Fi triqthom lura kienu xhieda tat-tama li hu Kristu!  Għax kienu ltaqgħu miegħU, il-Vjaġġatur Rxoxt.  Dan Ġesù hu l-Vjaġġatur Rxoxt li jimxi magħna.  Jinsab hawn Ġesù l-lum, qiegħed hawn fostna.  Jinsab hawn fil-Kelma tiegħu, hu hawn fuq l-altar, jimxi magħna, hu l-Vjaġġatur li qam mill-mewt.

 

Anki aħna nistgħu nsiru “vjaġġaturi li qomna mill-mewt”, jekk inħallu l-Kelma tiegħu tkebbsilna qalbna, u l-Ewkaristija tiegħu tiftħilna għajnejna għall-fidi u titmagħna bit-tama u l-imħabba.  Anki aħna nistgħu nimxu ma’ ħutna li huma mnikkta jew qalbhom maqtugħa, u nkebbsulhom qalbhom bil-Vanġelu, u naqsmu magħhom il-ħobż ta’ l-aħwa.

 

San Ġwanni Pawlu II jgħinna nkunu “vjaġġaturi li qomna mill-mewt”.  Amen.

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard