ĊELEBRAZZJONI TAL-PENITENZA

RIT GĦAR-RIKONĊILJAZZJONI TA’ IŻJED MINN PENITENT WIEĦED

BIL-QRAR U L-ASSOLUZZJONI INDIVIDWALI

 

OMELIJA TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

Bażilika tal-Vatikan

Il-Ġimgħa 4 ta’ Marzu 2016

 

“Li nerġa’ nara” (Mk 10:51).  Din hi t-talba li l-lum nixtiequ nagħmlu lill-Mulej.  Li nerġgħu naraw, wara li dnubietna ma ħallewniex naraw iżjed it-tajjeb u begħduna mill-ġmiel tas-sejħa tagħna, u minflok ġagħluna nitlajjaw ’il bogħod mid-destinazzjoni tagħna.

 

Din is-silta mill-Vanġelu għandha valur simboliku għoli, għax kull wieħed u waħda minna jinsab fis-sitwazzjoni ta’ Bartimew.  L-għama tiegħu kien xeħtu fil-faqar u jgħix fit-trufijiet tal-belt, f’dipendenza sħiħa fuq l-oħrajn. Anki d-dnub għandu dan l-effett: ifaqqarna u jaqtagħna waħidna.  Hu għama tar-ruħ, li ma jħalliniex naraw l-essenzjal, insammru ħarsitna fuq l-imħabba li tagħti l-ħajja; u kull darba jżommna mwaħħla fuq dak li hu tal-qoxra, hekk li ma nibqgħux inħossu iżjed għall-oħrajn u dak li hu tajjeb.  Kemm tentazzjonijiet għandhom il-qawwa li jdallmu u jċajpru l-vista tal-qalb!  Kemm hu faċli u żbaljat li nemmnu li l-ħajja tiddipendi minn dak li għandna, mis-suċċess jew mill-ammirazzjoni li nirċievu; li l-ekonomija hi magħmula biss minn profitt u minn konsum; li x-xewqat individwali tagħna għandhom jiġu qabel ir-responsabbiltà soċjali!  Meta nħarsu biss lejn il-jien tagħna, insiru għomja, nintfew, nieqsa mill-ferħ u mil-libertà.  X’ħaġa kerha!

 

Imma Ġesù jgħaddi; jgħaddi u ma jibqax sejjer: “waqaf”, jgħid il-Vanġelu (v. 49).  Hawn inħossu tferfira ma’ ġisimna kollha, għax nintebħu li għandna jħares lejna lid-Dawl, dak id-Dawl ħelu li jistedinna ma nibqgħux magħluqin fl-għama tagħna.  Il-preżenza ta’ Ġesù qrib tagħna ġġagħalna nħossuna li mbegħdin Minnu tkun tonqosna xi ħaġa importanti.  Iġġagħalna nħossuna fil-bżonn tas-salvazzjoni, u dan hu l-bidu tal-fejqan tal-qalb tagħna.  Imbagħad, meta nuru tassew ix-xewqa tagħna li nfiqu, dan iwassalna għat-talb, biex ngħajtu b’ħanxra kbira u nitolbu b’insistenza l-għajnuna, kif għamel Bartimew: “Ġesù, Bin David, ikollok ħniena minni!” (v. 47).

 

Sfortunatament, bħal dawk il-“ħafna” tal-Vanġelu, dejjem ikun hemm min ma jkunx irid jieqaf, ma jridx min idejqu, lanqas lil dak li qed jokrob bl-uġigħ tiegħu, u jippreferi jsikket u jċanfar lill-fqir li qed jagħtih fastidju (ara v. 48).  Din hi t-tentazzjoni li nibqgħu mexjin qisu ma ġara xejn, imma b’dan il-mod nibqgħu mbiegħda mill-Mulej u nkunu nżommu mbiegħda wkoll lill-oħrajn minn Ġesù.  Ejjew nagħrfu li aħna lkoll tallaba ta’ l-imħabba ta’ Alla, u ma nħallux lill-Mulej jibqa’ għaddej minn quddiemna bla ma nintebħu bih.  “Nibża’ mill-Mulej għaddej”, kien jgħid Santu Wistin.  Nibża’ li hu jgħaddi u jien inħallih għaddej.  Ejjew illissnu l-iktar xewqa vera tagħna: “[Ġesù], li nerġa’ nara!” (v. 51).  Dan il-Ġublew tal-Ħniena huwa ż-żmien it-tajjeb biex nilqgħu l-preżenza ta’ Alla, biex induqu mħabbtu u nerġgħu lura għandU b’qalbna kollha.  Bħal Bartimew, ejjew intajru l-mantar minn fuqna u naqbżu fuq riġlejna (ara v. 50): jiġifieri nħallu warajna dak li jżommna milli nkunu ħfief fil-mixja tagħna lejH, bla ma nibżgħu li nħallu dak li jagħtina ċertezza u li miegħu aħna marbuta; ma nibqgħux bil-qiegħda, imma nqumu mill-ġdid fuq riġlejna, nerġgħu nsibu l-binja spiritwali tagħna – fuq riġlejna – id-dinjità ta’ wlied maħbuba li jinsabu quddiem il-Mulej biex iħalluH iħares lejhom f’għajnejhom, jaħfrilhom u joħloqhom mill-ġdid.  U forsi l-kelma li l-lum trid tasal fil-qalb tagħna hi l-istess waħda li tlissnet fil-ħolqien tal-bniedem: “Qum!”.  Alla ħalaqna weqfin fuq riġlejna: “Qum!”.

 

Il-lum iżjed minn qatt qabel, fuq kollox aħna r-Ragħajja msejħin ukoll biex nisimgħu l-karba, forsi moħbija, ta’ dawk li jixtiequ jiltaqgħu mal-Mulej.  Jeħtieġ nirrevedu dawk l-imġibiet tagħna li xi drabi ma jgħinux lill-oħrajn jersqu qrib ta’ Ġesù; il-ħinijiet u l-programmi li ma jindirizzawx il-veri bżonnijiet ta’ dawk li tħajru jersqu lejn il-konfessjonarju; ir-regoli umani, jekk dawn għalina jgħoddux iżjed mix-xewqa għall-maħfra; ir-riġidità tagħna li taf iżżomm imbiegħda lin-nies mill-ħlewwa u t-tjieba ta’ Alla.  Bla dubju, m’għandniex innaqqsu mill-importanza tagħhom l-esiġenzi tal-Vanġelu, imma ma nistgħux nirriskjaw li nġibu fix-xejn ix-xewqa tal-midneb li jerġa’ jitħabbeb mal-Missier, għax ir-ritorn ta’ l-iben id-dar hu dak li l-Missier jixtieq qabel kull ħaġa oħra (ara Lq 15:20-32).

 

Ħa jkun kliemna bħal dak tad-dixxipli li, huma u jtennu l-istess espressjonijiet ta’ Ġesù, lil Bartimew jgħidulu: “Agħmel il-qalb!  Qum, qiegħed isejjaħlek!” (v. 49).  Aħna mibgħutin biex inxerrdu l-kuraġġ, biex inwieżnu u mmexxu l-bnedmin lejn Ġesù.  Dan tagħna hu l-ministeru tat-tisħib, biex il-laqgħa mal-Mulej tkun waħda personali, intima, u l-qalb tista’ tinfetaħ b’sinċerità u bla biża’ għall-Feddej.  Ma ninsewx: Alla biss hu li jaġixxi f’kull persuna.  Fil-Vanġelu Hu li jieqaf u jistaqsi dwar l-agħma; Hu li jordna li jġibuhulu quddiemu; Hu li jisimgħu u jfejqu.  Aħna ġejna magħżula – aħna r-ragħajja – biex inqanqlu x-xewqa tal-konverżjoni, biex inkunu għodda li tħaffef din il-laqgħa, biex innewlu dirgħajna u naħfru bl-assoluzzjoni, biex permezz tagħna l-ħniena ta’ Alla tista’ tidher u taħdem.  Jalla kull raġel u mara li jersqu lejn il-konfessjonarju jsibu missier; isibu missier qed jistenniehom; isibu lill-Missier li jaħfer.

 

Il-konklużjoni tar-rakkont tal-Vanġelu hi mimlija bit-tifsir: Bartimew “minnufih raġa’ beda jara, u baqa’ miexi warajh fit-triq” (v. 52).  Anki aħna, meta nersqu għand Ġesù, nerġgħu naraw id-dawl biex nistgħu inħarsu lejn il-futur b’fiduċja, insibu mill-ġdid is-saħħa u l-kuraġġ biex nibdew mexjin.  Fil-fatt, “min jemmen, jara” (Ittra enċiklika Lumen fidei, 1) u jimxi bit-tama, għax jaf li l-Mulej hu preżenti, iwieżen u jmexxi.  Ejjew nimxu warajh, bħala dixxipli fidili, biex ma’ kull min niltaqgħu fit-triq nagħtuh sehem fil-ferħ ta’ mħabbtu.  U wara t-tgħanniqa tal-Missier, il-maħfra tal-Missier, nagħmlu festa fil-qalb tagħna!  Għax Hu jagħmel festa!

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard